Il-Kappella fis-Santwarju ta’ Pinu
- L-Għarb, Għawdex -

Taħt ir-riħ ta’ l-Għolja ta’ l-Għammar, madwar mil u nofs mir-Rabat t’Għawdex, qalb it-twapet ta’ l-għelieqi għammiela, jogħla ’l fuq maestuż, insibu santwarju mill-isbaħ, magħruf bħala s-Santwarju tal-Madonna Ta’ Pinu. Ma' dan is-santwarju hemm marbuta storja ħelwa.

Karmni Grima

KarmniGrimaKollox jaf il-bidu tiegħu lill-ġrajja li seħħet fl-għaxra ta’ filgħodu ta’ nhar it-22 ta’ Ġunju, 1883, meta Karmni Grima, xbejba ta’ 45 sena mill-Għarb, kienet ġejja mill-għalqa, li kienet fil-limiti magħrufa ‘Ta’ Ġordan’. Kif waslet qrib il-kappella ta’ Ta’ Pinu’, bħal semgħet leħen isejħilha: ‘Ejja! Ejja!’. Billi ma kien jidher ħadd, kienet se tkompli triqtha, meta reġgħet semgħet il-leħen isejħilha, ‘Ejja llum, għax ma tkunx tista’ terġa’ tiġi qabel sena oħra’.

Karmni marret lejn il-bieb tal-kappella, ittawlet mit-toqba tal-muftieħ, imma ma deher xejn li ma kienx tas-soltu. Ħadet il-muftieħ minn taħt ġebla, fejn kien jinżamm, u fetħet. Qagħdet titlob bil-qalb, waqt li ħasset ferħ li ma jitfissirx. Imbagħad semgħet leħen li qalilha: ‘Għid tliet Ave Marijiet, f’gieħ it-tlett ijiem li l-ġisem tiegħi dam fil-qabar.’ B’devozzjoni kbira Karmni għamlet kif ġiet ordnata, u mbagħad, kollha ħosbiena fuq dak li ġara, marret lura lejn darha.

Minħabba l-mard, Karmni, verament għal madwar sena, ma resqitx lejn ‘Ta Pinu’. Hija ma qalet lil ħadd dwar dak li semgħet f’Ta’ Pinu. Kien wara xi sentejn, li hija fetħet qalbha ma’ ċertu Franġisk Portelli, għażeb u bniedem tar-ruħ mill-Għarb, li qalilha li hu wkoll ġieli kellu xi esperjenzi mhux tas-soltu f’Ta’ Pinu. Min-naħa tiegħu, Frenċ, għax hekk issejħu 'l dawk li jisimhom Franġisk, stqarrilha, li hu wkoll sema’ l-leħen tal-Madonna, għal sitt darbiet, li kien iħeġġu biex ikollu devozzjoni lejn it-tbatijiet ta’ Kristu fil-passjoni. 

OldTaPinuPhotoFtit ta' żmien wara, f’Ottubru ta’ l-1886, ġara li omm Frenċ, Vinċenza Portelli, li kellha 75 sena, kienet marida serjament. Uliedha għamlu wegħda lill-Madonna ta’ Pinu għall-fejqan t’ommhom, u b’mod meraviljuż, din fieqet. Din il-ġrajja xegħlet lil Għawdex u ’l Malta, u l-ġrajja ta’ Karmni Grima bdiet tinxtered fost kulħadd.

Hawnhekk, l-Isqof t’Ghawdex, Mons. Pietro Pace, għarbel lil Karmni Grima, u din, taħt ġurament, xehdet dak kollu li kienet semgħet nhar it-22 ta’ Gunju, 1883. L-istess ġara minn Franġisk Portelli. Fir-raħal ta’ l-Għarb, dawn iż-żewġ persuni kienu miżmumin bħala nies tar-ruħ, ta’ fommhom sieket u ta’ rispett kbir.

Fl-1887 imxija tal-Kolera laqtet lil Malta. Il-biza` kien li din tieħu wkoll f’Għawdex minħabba li xi Maltin fittxew il-kenn f’din il-gżira. Għalhekk, l-Għawdxin għamlu wegħda lill-Madonna Ta’ Pinu biex tiskansahom minn dan il-flaġell. Wara erba’ xhur, il-kolera battiet u ntemmet minn Malta, waqt li Għawdex ħelisha b’wiċċ il-ġid. F’pellegrinaġġ kbir, l-Għawdxin raddew ħajr lill-Madonna ta’ Ta’ Pinu għal din il-grazzja.

Il-Kappella

Is-Santwarju li hemm illum ħa ismu minn kappella ċkejkna, li dari kienet tinsab mitluqa waħedha f’nofs l-għelieqi, u li llum hija l-qalba, jew aħjar il-‘qaddis tal-qaddisin’, ta’ dan is-santwarju għażiż. Din il-kappella ġa tissemma fiż-żjara pastorali ta’ l-Isqof Fra Domenico Cubelles, li ħalla bil-miktub li din ma kenitx ilha wisq li reġgħet inbniet. Il-kappella oriġinali kienet inbniet mill-familja Gentile u għalhekk kienet magħrufa bħala ‘Tal-Gentili’. Fl-1654 kienet profanata mill-Isqof Michele Balaguer.


2007_0823GozoHoliday0155



Aktar tard, kien jieħu ħsiebha ċertu Filippu Gauci, magħruf bħala Pinu, li minnu ħadet isimha, kif baqgħet sal-ġurnata tal-lum. L-artijiet ta’ madwar kienu ta’ neputih, Gio Domenico Muscat. Wara l-mewt ta’ Pinu, il-kappella għaddiet taħt il-kura ta’ bintu Elena, li fl-1672 iżżewġet lin-Nobbli Giovanni Gourgion, Kaptan tal-Virga. Dawn tista’ tgħid li bnewha mill-ġdid, ħallewlha renta fis-sena, u għammruha bil-paramenti sagri, hekk li l-Isqof Fra Lorenzo Astiria fl-1676, rega’ fetaħha mill-ġdid għall-kult.

2007_0823GozoHoliday0163Il-kappella u s-Santwarju li hemm illum huma ddedikati lit-Tlugh fis-Sema ta’ Marija. Il-kwadru titulari huwa ta’ Amadeo Perugino li kien ġie Malta ma’ l-Inkiżitur Ettore Diotalievi di Rimini.

Is-Santwarju Ġdid

Il-fama tad-devozzjoni tal-Madonna Ta’ Pinu waslet fost l-emigranti Maltin ’il bogħod minn xtutna, u f’qasir żmien, il-kappella saret żgħira wisq għan-numru kbir ta’ pellegrinaġġi li bdew jinvistawha, u beda jinħass il-bżonn li jkabbru l-kappella. B’hekk seħħet it-tbassira ta’ Karmni Grima, li tempju ta’ qisien kbar kellu jinbena madwar il-kappella fil-ġejjieni.

Ix-xogħol fuq is-Santwarju l-ġdid inbeda fit-30 ta’ Mejju, 1920 fuq il-pjanta ta’ Andrea Vassallo, minn Ħal Luqa, u bħala bennej kien hemm Mastru Vitor Vella. Ħdax-il sena wara, nhar it-13 ta’ Diċembru, 1931, Mons. Mikiel Gonzi, dak iż-żmien Isqof t’Ghawdex, ikkonsagraha. Disa’ xhur biss wara, l-Isqof Gonzi ġab it-titlu ta’ Bażilika lis-Santwarju Ta’ Pinu.


HPIM1229



Il-quċċata tal-ġrajja ‘Ta’ Pinu’ waslet meta l-Kardinal Lepicier, delegat mill-Papa Piju XI, żejjen ix-xbieha tal-Madonna, b’kuruna tad-deheb, fost il-ferħ u l-entużjażmu tad-devoti, fis-sena 1935. F’ġurnata oħra memorabbli, fis-26 ta’ Mejju ta’ l-1990, il-Q.T. Papa Ġwanni Pawlu II, żar is-Santwarju, u żejjen il-kwadru, bi stellarju tad-deheb, madwar ir-ras tal-Madonna.

Devozzjoni kbira

Is-Santwarju ‘Ta’ Pinu’, sar l-aktar post devot tal-gżira Għawdxija, u tista` tgħid tal-gżejjer Maltin. Il-bosta ‘ex voto’ li nsibu fih juru d-devozzjoni li teżisti lejn il-Madonna taħt dan it-titlu. Fi żmenijiet ta’ hemm, il-Maltin u l-Għawdxin daru lejn il-Madonna ‘Ta’ Pinu’, u din min-naħa tagħha, ma ħallithomx mingħajr il-faraġ matern, li huma fittxew li jsibu fiha.

FrencTalGharb03Illum is-Santwarju jħaddan fih il-fdalijiet ta’ Karmni Grima u ta’ Franġisku Mercieca, magħruf bħala ‘Frenċ ta’ l-Għarb,’ li kellu fama ta’ qdusija u li f’ħajtu hu kien imfittex wisq għad-duwa li kien jagħti, magħmula minnu stess, mill-ħxejjex. Kien hu li kompla xerred id-devozzjoni lejn il-Madonna Ta’ Pinu, u kien hu wkoll li ta bidu għall-Via Sagra li llum iżżejjen l-Għolja ta’ l-Għammar, quddiem is-Santwarju.

Ta’ kull sena, nhar it-22 ta’ Ġunju, issir it-tifkira ta’ meta Karmni Grima semgħet l-istedina ta’ Marija, ‘Ejja!, Ejja llum!’ Fl-għaxra ta’ filgħodu ssir is-supplika tal-Madonna Ta’ Pinu, jitkanta t-Te Deum, u l-qniepen kollha ta’ Għawdex jinfexxu f’mota ferrieħa ta’ kwarta.



Jalla kull Malti u Għawdxi jisma` u jiftaħ qalbu għall-istedina ta’ Marija, li għadha ssejħilna ‘Ejja! Ejja llum!’, bla ma nħallu għall-għada. Is-sejħa ta’ Marija hija sejħa għal-lum, għax illum neħtieġuha, bħal kull jum ieħor ta’ ħajjitna. Minn Ta’ Pinu, l-istedina li taslilna, hija stedina ta’ omm, li hija konċernata ħafna minn uliedha, li hi tant tħobb.

Kitba © ta’ Joseph Fenech, Ritratti © Noel Ciantar u mill-Internet

L-aħħar tibdil sar
18 November 2008
 

Sit mibni minn
Noel Ciantar
© 2007, 2008

 

www.apsbank.com.mt

BannerNew
ilovebooks_logo-SMALLBANNER

Kompetizzjoni bi premju sponsorjata minn
www.ilovebooks.com.mt