Il-Knisja ta’ Sarria
- Il-Floriana -
Il-Knisja ta’ Sarria tinsab fuq in-naħa ta’ wara tal-parroċċa ta’ San Publiju fil-Floriana. Il-knisja hi ddedikata lill-Immakulata Kunċizzjoni.
Oriġini
Din il-knisja oriġinarjament inbniet bi flus il-Kavallier Fra Martin de Sarria Navarro fl-1585. Fl-1675 faqqgħet il-pesta f’Malta u din il-marda kiefra għamlet ħerba kbira. Fil-fatt insibu li mietu għoxrin fil-mija tal-popolazzjoni. Meta deher li xejn ma seta’ jeħles lill-poplu minn din il-marda, l-Ordni daret għall-interċesssjoni tas-sema.

ll-Gran Mastru Nikol Cotoner, li kien bniedem devot ħafna ta’ l-Immakulata Kunċizzjoni, flimkien mal-Kunsill tiegħu għamlu wegħda li, jekk Malta fi żmien qasir teħles minn dan il-flaġell, tinbena knisja barra mis-swar tal-Belt iddedikata lill-Immakulata Kunċizzjoni. Huma ddikjaraw li nhar it-8 ta’ Diċembru, il-membri kollha ta’ l-Ordni kellhom iwiegħdu li jibdew jersqu lejn is-sagramenti tal-qrar u t-tqarbin.
Barra minn dan, saret il-wegħda li fil-festa tal-Kunċizzjoni jew f’xi jum minn ta’ l-Ottava, tibda ssir purċissjoni solenni mill-knisja Konventwali ta’ San Ġwann għal din il-knisja li kellha tinbena, bħala ringrazzjament, jekk fi żmien qasir Malta teħles minn din il-marda mistkerrħa.
Il-Wegħda titwettaq
Qajl qajl wara l-wegħda, l-epidemija bdiet tnaqqas, sakemm intemmet għal kollox, u fl-1677 l-Ordni beda jwettaq il-wegħda li kien għamel. Minflok dik il-knisja żgħira li kien hemm, bdiet tinbena oħra: dik li hemm illum. L-arkitett ta’ din il-knisja probabbilment kien Mattia Preti, il-Kalabriż innifsu.
Iżda dan ma kienx biżżejjed. Minn dik is-sena (1677), fit-8 ta’ Diċembru fil-Knisja Konventwali ta’ San Ġwann kien jitkanta il-Matutin Solenni u kif dan jintemm, il-Kappillani Konventwali tal-Lingwa ta’ l-Italja kienu jiċċelebraw quddiesa fil-kappella tagħhom iddedikata lil Santa Katerina. Kif tintemm il-quddiesa, ix-xbieha tal-Madonna ta’ Caraffa vvenerata f’din il-kappella, kienet tittieħed proċessjonalment minn din il-kappella għal fuq l-artal maġġur. Preċiżament wara kienet tibda l-Quddiesa Pontifikali, li għaliha kien jattendi l-Gran Mastru u l-ġerarkija kollha ta’ l-Ordni. Wara li tintemm il-Quddiesa Solenni kienet issir priedka fuq il-Konċepiment Immakulat ta’ Marija minn oraturi mill-aqwa. F’nofsinhar, imbagħad, kienet tibda mota bil-kbir mill-qniepen ta’ San Ġwann biex tfakkar it-tkomplija tal-wegħda permezz tal-funzjonijiet ta’ wara nofsinhar.
Dawn kienu jibdew bl-Għasar u mal-bidu tal-Kompjeta, kienu joħorġu l-Mazzier, abbati bis-Salib tal-Kleru u warajhom il-Ministri tal-Pontifikal, segwiti mid-djaknu li kien jittrasporta l-Ostensorju li kien jintuża f’din is-solennitą, akkumpanjati minn erba’ abbatini b’torċa u tnejn oħra biċ-ċensier.
Id-Djaknu kien jesponi dan l-Ostensorju fuq l-artal maġġur u l-Gran Prijur kien jieħu postu fuq is-sedja tiegħu fuq il-presbiterju. Megħjun miċ-ċerimonjier u mill-ministri l-oħra, kien jibda jilbes l-ilbies pontifikali bi tħejjija għall-purċissjoni lejn il-knisja li nbniet il-Furjana, li baqgħet magħrufa sa llum bħala Ta’ Sarria. Kif tintemm il-Kompjeta, jitkanta t-Te Deum u kif dan jispiċċa, iċ-Ċerimonjier, wara li jagħmel inkin quddiem il-Gran Prijur u ieħor quddiem il-Gran Mastru, kien imur jinċensa l-artal, jinżel f’nofs il-korsija u jagħti s-sinjal biex tibda ħierġa l-purċissjoni.
Mal-wasla fil-knisja ta’ Sarria, kienet titkanta l-Antifona Sub Tuum Praesidium u kif din tintemm, il-Gran Prijur kien jibda’ t-talb li hemm fir-ritwal għall-funzjonijiet ta’ ringrazzjament. Kif jispiċċa dan, il-Kantur Konventwali kien jintona l-kantiku Ave Maris Stella u wara l-purċissjoni tibda triqitha lura lejn San Ġwann.
Din il-purċissjoni b’wegħda, flimkien mal-funzjonijiet marbutin magħha, baqgħu jsiru anki wara li l-Ordni tkeċċiet minn Malta mill-Franċiżi. Beda jiffunzjona l-Isqof flimkien mal-Kapitlu tal-Katidral. Magħhom kienu żdiedu wkoll il-Kapitlu tal-Parroċċa ta’ San Pawl, flimkien mal-Kleru Sekulari u Regulari tal-Belt, flimkien mal-Fratellanzi rispettivi tagħhom. Kien dan l-aħħar li din il-purċissjoni sal-Knisja ta’ Sarria ma baqgħetx issir.
Il-Knisja
Din il-knisja hija żgħira u għanda għamla rotonda. Fiha artal wieħed, u tliet qniepen. Fis-sagristija hemm merfugħa pittura tal-fundatur ta’ l-ewwel kappella, il-Kavallier de Sarria, u ta’ l-awtur ewlieni tal-wegħda, il-Gran Mastru Nikol Cotoner.
It-titular ta’ din il-knisja huwa biċċa mill-isbaħ, xogħol tal-Kalabriż Mattia Preti. Minbarra dan, insibu diversi pitturi oħra ta’ dan l-artist magħruf, fosthom, l-għoti ta’ l-Abitu lir-Reliġjon Ġerosolimitan u r-Rebħa tar-Reliġjon fuq it-Torok, kif ukoll ta’ Santu Rokku u San Bastjan, magħrufin għall-interċessjoni tagħhom fil-mard tal-pesta.
Fis-sagristija hemm ukoll kwadru qadim li fuqu hemm impinġijin il-Verġni Mqaddsa mal-qaddisin Ġwanni l-Għammiedi u Luqa l-Evanġelista. Dan hu xogħol Antonio Riccio, Taljan minn Messina. Dan il-kwadru aktarx li kien fil-kappella l-qadima.


Opri oħra li hemm f’din il-knisja huma d-diversi statwi li fiha, fosthom dawk tal-Qalb ta’ Ġesł, ta’ San Ġużepp, u tad-Duluri.
Talba biex issir Parroċċa
Billi s-subborg tal-Furjana kien beda ftit ftit jikber u jitgħammar bin-nies, il-Gran Mastru Vilhena fil-21 ta’ Settembru 1724, għamel rikors lill-Papa biex il-knisja ta’ Sarria, li kienet amministrata mill-Kappillan ta’ l-Ordni, titwaqqaf bħala Paroċċa mingħajr ma tkun suġġetta għall-Isqof ta’ Malta.
L-Isqof ta’ dak iż-żmien Gori Mancini, naturalment ma qabilx mal-fehma tal-Gran Mastru, iżda wera x-xewqa tiegħu li tinbena knisja oħra minflok. Il-Gran Mastru ma qalx le u ftit wara tqiegħdet l-ewwel ġebla tal-knisja ta’ San Publiju mill-Isqof Alpheran de Bussan nhar it-2 t’ Awwissu 1733.
Iżda x-xorti riedet li l-knisja ta’ Sarria xorta waħda kellha sservi ta’ parroċċa għal xi ftit żmien meta l-knisja ta’ San Publiju intlaqtet mill-bombi Ġermaniżi. Din serviet ta’ parroċċa minn nhar it-28 t’ April 1942, sal-10 ta’ Diċembru 1944. Dan huwa mfakkar fis-sagristija ta’ Sarria b’lapida mqiegħda mill-Floriana Civic Committee.
Xogħol ta’ Restawr
Dan l-aħħar sar ħafna xogħol ta’ restawr fuq din il-knisja monumentali, li sofriet numru ta’ danni matul is-snin, fosthom ċaqliq sinifikanti fl-istruttura waqt l-isplużjonijiet tal-bombi li waqgħu ħdejha matul it-tieni gwerra dinjija. Dan ir-restawr sar mit-Taqsima tar-Restawr fi ħdan id-Divizjoni tax-Xogħlijiet.
Numru ta’ ħaddiema minn dan id-dipartiment kienu ngaġġati jaħdmu kontra t-tmermir li laqat din il-knisja. Minn studji dettaljati, fuq kampjuni tal-ġebla, ġie konkluż li l-ġebla li ntużat għall-kostruzzjoni tagħha hija waħda inferjuri, liema materjal qiegħed jikkontribwixxi għal dan it-tmermir sinifikanti.
Il-proċess tar-restawr kien jinkludi wkoll il-konsolidament u r-restawr tal-lavur u ta’ stemmi jew armi tal-familji, liema fatturi jiffurmaw parti mill-istorja tal-Knisja, u li l-istess Knisja hi mżejna bihom.
Għalkemm minn xi ftit tas-snin ’l hawn, il-purċissjoni ma baqgħetx issir lejn il-Knisja ta’ Sarria; bdiet issir tul it-triqat ċentrali tal-Belt biss, u minkejja li għaddew dawn is-snin kollha, xorta waħda baqgħet tixhed ir-rikonoxxenza tal-poplu tagħna lejn l-Immakulata Kunċizzjoni għall-interċessjoni tagħha f’dawk ix-xhur ta’ twegħir li għaddew minnhom missierijietna.
Kitba © Joe Brincat; Ritratti © Caroline Camenzuli u Anthony M. Brincat
L-aħħar tibdil sar
18 November 2008
Sit mibni minn
Noel Ciantar
© 2007, 2008

