Int u sejjer għall-Belt qabel titlaq Sa Maison, eżattament fuq in-naħa l-oħra tat-triq tal-klabb tal-boċċi Tal-Pietà hemm imrekkna knisja żgħira li għandha storja twila. Din il-knisja hija dedikata lill-Madonna tad-Duluri.
Oriġini
Ftit wara li nbniet il-Belt Valletta, wara r-rebħa ta’ l-Assedju l-Kbir kontra t-Torok, f’Malta faqqgħet il-pesta. Sfortunatament din l-imxija spiċċat biex ħadet il-ħajja ta’ ħafna Maltin. Il-mejtin kienu ħafna u dak iż-żmien kienet id-drawwa li dawn jindifnu fil-knejjes jew kappelli. Iżda tant kien hemm nies li mietu li l-knejjes tal-Belt ma kenux biżżejjed, u bdew jidfnu wkoll barra s-swar u t-trunċieri.
Qrib dan iċ-ċimiterju kbir tal-pesta nbniet kappella ċkejkna ddedikata lil Santu Rokku. Dan seħħ fl-aħħar tas-seklu sittax, eżattament fl-1590. Fil-bidu tas-seklu sbatax, ħdejn din il-knisja, inbena kunvent żgħir tal-patrijiet Agostinjani, li kien immexxi mill-għaref u qaddis Patri Luca Zingheir. F’dak iż-żmien id-dedika tal-Knisja nbidlet għall-Madonna tad-Duluri. Billi l-baħar kien qrib ħafna tal-knisja, ħafna iktar milli hu llum, din l-knisja bdiet tissejjaħ “Santa Maria a mare”.
Il-Knisja ssir Viċi-Parroċċa
Fl-1714 l-Isqof Cannaves ta lil din il-knisja benefizzju “di libera collazione”. In-numru ta’ nies f’dawk l-inħawi żdiedu qatigħ; fil-fatt fl-1721 in-numru kien laħaq l-456 ruħ. Biex jaqdu l-bżonnijet spiritwali tagħhom, kellhom jitilgħu l-Belt, fil-knisja ta’ San Pawl. Dawn bdew isibuha bi tqila biex jimxu dik t-triq kollha u għalhekk l-Isqof Gori Mancini għamel lill-Knisja tad-Duluri viċi-parroċċa. In-nies ta’ l-inħawi ma kinux kuntenti u talbu lill-Isqof biex din il-knisja ssir parroċċa. Imma din id-darba l-Isqof m’aċċettax u ma laqax it-talba tagħhom. Mhux talli hekk, talli fl-1740, meta nbniet il-knisja ta’ San Publju tal-Furjana, il-Knisja tad-Duluri ma baqgħetx viċi-parroċċa. Il-knisja hawnhekk intelqet u kienet waslet biex taqa’.
L-Knisja terġa’ tinbena
Il-Kjeriku Ġużeppi Spiteri talab permess biex jieħu l-knisja f’idejh u jerġa’ jibniha mill-ġdid minħabba l-istat diżastruż li kienet tinsab fih. Fit-12 t’Ottubru tal-1757 l-Isqof Alpheran aċċetta din it-talba bil-patt li ssir “benefizzju lajkali”.

Benefattur kbir ta’ din il-knisja kien il-Kavallier Wolfgang Filippu van Guttenberg. Dan kompla wegħda li kien għamel fi żmien il-pesta billi għamel bħal tarka kbira tal-għuda f’basso reliev li turi lil San Ġwann il-Battista wieqaf bil-kliem taħtu “Praetium veritatis” li jfissru: “il-prezz tas-sewwa.” Taħt dan il-kliem tidher ir-ras ta’ San Ġwann fuq platt. Il-kliem bil-Latin li hemm taħt din ir-ras qaddisa tal-qaddis protettur ta’ l-Ordni hu dak li San Gwann jgħid lil Erodi “ma jiswiex li tieħu lil mart ħuk”. Hemm ukoll l-arma tal-familja ta’ von Guttenberg u lapida b’iskrizzjoni kbira.
Il-Knisja
Jekk wiehed iħares lejn l-knisja mill-ewwel jieħu grazzja mal-faċċata ħelwa imma umli tagħha. Hija għandha kampnar żgħir u statwa sabiħa tal-Madonna. Mal-faċċata tal-knisja hemm tliet armi mnaqqxa fil-ġebel, fosthom dik ta’ l-Isqof Alpheran, li kif għedna ta l-permess lill-Kjeriku Ġużeppi Spiteri biex jibni l-knisja mill-ġdid. Il-knisja trid tinżel għaliha b’taraġ, għax iz-zuntier qiegħed iżjed fil-fond mit-triq. Dan seħħ għaliex maż-żmien il-livell tat-triq għola biex jilqa’ l-ilmijiet li jkun hemm meta tagħmel ix-xita f’dawk l-inħawi. Fil-fatt din il-knisja kienet tbati ħafna minn problemi serji ta’ għargħar u umdità fi żmien ix-xita.
Qabel tidhol fil-knisja taħseb li din hi xi kappella żgħira sempliċi, imma fil-fatt mhux hekk il-każ. Il-knisja hija mdaqqsa, u apparti l-artal sabiħ li jiddominaha, fil-ġenb hemm erba’ kappelluni mdaqqsin, kull wieħed bl-artal tiegħu. Mis-sagristija tgħaddi għal dar kbira li mis-sena 1974 waqgħet f’idejn is-Sorjiet Franġiskani tal-Qalb ta’ Ġesù.
L-artali fil-Knisja
L-artal maġġur għandu bħala gwarniċ b’ornamentazzjoni barokka ta’ ġebel skolpit u kolonni korinzji. Fil-knisja hemm ukoll erba’ kappelluni li jinsabu fil-ġnub tal-knisja, tnejn fuq kull naħa. F’waħda mill-kappelli hemm kwadru ddedikat lill-Madonna ta’ Loretu, b’San Ġwann Battista u l-Beatu Ġerardu, li kien il-fundatur ta’ l-Ordni Ġerosolomitan. Kappellun ieħor hu ddedikat lil Santu Rokku, fejn fih hemm kwadru ta’ San Ġużepp impitter minn artist Żebbuġi jismu Karlu Zimach jew Gimach. Il-familja Testaferrata kienet ħallset għal dan il-kwadru, li skont Ferres ma jurix ‘il San Ġużepp iżda ‘l San Karlu. Fil-kappellun l-ieħor hemm kwadru ieħor tal-Madonna tal-Grazzji, b’San Ġwann, Sant’Ambroġ u San Nikola ta’ Tolentino. Hemm ukoll id-data 1624 li turi meta kien sar dan il-kwadru. Fil-kappella tal-Madonna tal-Grazzji hemm hafna kwadri tal-wegħda li juru d-devozzjoni li kellha din l-knisja. Fl-aħħar kappellun hemm kurċifiss ta’ daqs naturali, li hu tassew sabiħ u jingħad li hu mirakuluż.
Restawr tal-Knisja tad-Duluri
Fis-snin sittin u sebgħin fil-Knisja saret ħidma kbira mir-retturi li kienu jieħdu ħsieb jirrestawraw din il-knisja. Sfortunatament din il-knisja minn dejjem kienet tbati minn problema kbira tal-għargħar tax-xita, u dan kien jikkawza problemi ta’ umdità kbira. Ta’ min jgħid li mid-dehra din il-problema ta’ għargħar kienet minn dejjem għax fi żmien il-Gran Mastru De Rohan fis-seklu tmintax, kien sar tħaffir ta’ trinek biex jipprova jeħles lil din il-knisja mill-ilmijiet.
Din il-problema kompliet u fl-aħħar tas-snin disgħin il-knisja reġgħet spiċċat fi stat ħazin ħafna. Minħabba l-umdità, ħafna mill-paviment beda jinqala’ u l-ħitan bdew ifarfru u dan beda jikkawza ħsarat kbar fil-knisja.
Fl-2001 sar xogħol kbir ta’ restawr fuq din il-knisja mit-Taqsima tar-Restawr tal-Ministeru ta’ l-Infrasfruttura, li ġab lil din il-knisja fl-istat oriġinali tagħha. Fost ix-xogħlijiet estensivi li saru, inkixfu l-ħitan minn diversi saffi ta’ kisi u sar “waterproofing” tal-knisja, bit-tama li l-umdita’ ma tkomplix tirrovina lil din il-knisja tant ħelwa. Ix-xogħol issa jinsab fl-aħħar fażi tiegħu, u hu ttamat li jitlesta dalwaqt, biex b’hekk ikun jista’ jerġa’ jitpoġġa l-kwadru titulari fiha.
Wieħed jittama li wara li jitlesta x-xogħol fuq ġewwa, tiġi rrestawrata l-faċċata minn barra, għax bħalissa ma tantx tinsab f’kundizzjoni tajba, kif jista’ jidher mir-ritratti, biex b’hekk din l-knisja tieħu dehra sabiħa li tant jixirqilha.
Il-Knisja tinfetaħ kuljum għall-quddies.
Il-Knisja tad-Duluri
- Pietà -
Kitba © ta’ Roderick Busuttil, Ritratti © Noel Ciantar u Caroline Camenzuli
L-aħħar tibdil sar
Monday, January 30, 2012
Sit mibni minn
Noel Ciantar
© 2007 - 2011
