Knisja antika ħafna li nsibu fi triq kemxejn dejqa wara l-Bażilika ta’ Sant’Elena f’Birkirkara, hija dik tal-Madonna tal-Ħerba.
Oriġini tal-Knisja
Din il-knisja jingħad li kienet minn tal-ewwel li ġiet iddedikata lil Marija Santissima, taħt it-titlu tan-Nativitą tal-Madonna. Għalkemm ħadd ma jaf eżatt minn fejn ġie l-isem “tal-Ħerba”, xi studjużi jgħidu li l-isem ġej mill-fatt li l-Knisja nbniet f’post imħarbat u diżabitat, għaliex dak iż-żmien il-poplu Karkariż kien jgħix fil-post imsejjaħ l-Għargħar, fejn illum hemm San Ġwann. Xi studjużi oħra jgħidu li l-isem propju ta’ din il-knisja huwa “tal-Ħarba” u mhux tal-Ħerba kif inhuwa magħruf illum, u ġej propju mill-ħarba li għamlu il-Misilmin minn Malta. Fill-fatt, fid-digriet tal-Inkurunazzjoni tax-xbieha mqaddsa, maħruġ mill-Kapitlu tal-Vatikan, huwa magħruf bħala “tal-Ħarba” (Della Fuga).

L-istorja tar-raġel tal-krozzi
Jingħad li wieħed raġel mifluġ, imwieżen fuq il-krozzi, inzerta kien għaddej mill-inħawi ta’ din il-knisja ċkejkna, meta sema’ l-qanpiena ta’ din il-knisja ddoqq. Hu staqsa minn fejn kien ġej id-diwi ta’ din il-qanpiena, u qalulu li kienet ser toħroġ il-quddies f’tal-Ħerba. Il-mifluġ ħaffef kemm seta’ lejn il-knisja u kif medd riġlejh ġewwa, il-krozzi waqgħulu minn taħt spallejh, u sab ruħu imfejjaq għal kollox mill-marda li kellu. Dan ir-raġel ħass bħal ferħ kbir. Inxteħet għarkupptejh quddiem il-Madonna, u fost il-biki ta’ ferħ, beda jrodd ħajr lil Alla u lill-Madonna tal-grazzja kbira li kien qala’.
L-aħbar ta’ dan il-fejqan ġriet ma’ Malta kollha, u dan il-miraklu kien ix-xrara li tat in-nar lid-devozjoni tal-Maltin lejn il-Madonna tal-Ħerba. Ġemgħat kbar ta’ nies minn Malta kollha bdew iżuru lil dan il-post, b’qima kbira, u n-nies baqgħu jkomplu jaqilgħu l-grazzji. F’xi żminijiet ukoll bdew ġejjin anki xi barranin, bħal Sqallin, Taljani, Ingliżi, Franċiżi u Spanjoli.
Il-Knisja
Dan is-Santwarju għandu zuntier kbir, miksi b’paviment rustiku li sar fl-1995. Iz-zuntier huwa spazjuż ħafna. ’Il fuq mit-taraġ taz-zuntier, tara portiku bl-istatwa ħelwa tal-Madonna. Kampnar fuq in-naħa tal-lemin ta’ min ikun dieħel, ikompli jżejjen il-perspettiva tas-Santwarju. Togħla, misluta u imponenti, koppla li l-arkitett Andrea Vassallo fassal għal dan is-Santwarju. Fuq il-bieb tal-knisja hemm kurċifiss, ħaġa rari ħafna, jekk mhux unika! Quddiem il-bieb tas-Santwarju hemm paviment tal-irħam.
Kif wieħed ikun dieħel mill-bieb tas-Santwarju jara taħt riġlejh kitba bil-Latin, imnaqqxa fl-irħam abjad li bil-Malti tgħid hekk :- “Inti u dieħel f’dan it-tempju ftakar illi l-Mulej qaddsu u Marija ħatritu għamara għaliha ”.
Malli tidħol fis-Santwarju ssib ruħek fil-korsija ta’ knisja mdaqqsa, f’sura ta’ salib Latin, u mill-ewwel jiġi quddiem għajnejk il-kwadru mirakoluż tal-Madonna tal-Ħerba li jiddomina fuq l-altar fil-faċċata tal-kor. Kemm il-faċċata, kif ukoll l-altar huma miksija b’irħamijiet imżewqin u mqabblin fil-lewn tagħhom.
Is-Santwarju hu magħmul minn korsija, kor, u żewġ kappelluni, wieħed in-naħa tal-ambone, u l-ieħor in-naħa tas-sedja.
Opri f’dan is-Santwarju
Dan is-Santwarju huwa mżejjen b’diversi opri tal-arti. Fost dawn l-opri nsibu l-pittura li minbarra t-titular, ġiet kollha mpittra minn idejn il-pittur il-professur Ġużeppi Briffa bejn 1926 u l-1959. F’għadd ta’ kwadri kbar, b’ilwien ħajjin, Briffa rnexxielu jġib għall-ħajja, siltiet mill-episodji mill-ħajja tal-Verġni Mbierka, li jkomplu jdaħħlu fid-devozzjoni lil min iżur dan il-post għażiż.
Il-kwadru titulari, li huwa kwadru antik ferm, sar bejn 1668 - 1679, u juri lill-Verġni Marija fuq is-sħab b’binha Ġesł fi ħdanha, bilqiegħda f’ħoġorha, b’dirgħajha tal-lemin estiża lejn l-Anġlu Kustodju li jidher wieqaf iħares lejha waqt li qed jipproteġi lit-tfajjel. Fin-naħa t’isfel tal-kwadu, fin-nofs, jidhru l-erwieħ tal-Purgatorju, waqt li fuq ix-xellug, jidher San Ġwann il-Battista. Hu wkoll wieqaf, bl-istendard tal-Ordni f’idejh. Dan il-kwadru kien tpitter minflok wieħed eqdem, li issa jinsab fl-Oratorju tal-istess santwarju.
Fost l-affarijiet prezzjużi li jippossedi dan is-Santwarju, insibu bukkett kbir bil-konkilji u bil-ganutell maħdum b’sengħa u reqqa kbira. F’nofs dan il-bukkett, tidher ix-xbieha ta’ Malta rebbieħa, b’bandiera f’idejha. Dan il-bukkett huwa ta’ valur storiku, peress li ġie mogħti mill-Gran Mastru de Valette, wara r-rebħa tal-Assedju l-Kbir.
L-Inkurunazzjoni tal-Kwadru Titulari
Minn dejjem kien hemm xewqa kbira mill-poplu Karkariż li l-kwadru titulari għandu jiġi nkurunat minħabba d-devozzjoni kbira li kien igawdi. Għalhekk ir-Reverendissimu Kapitlu tal-Kolleġġjata Elenjana avviċina lill-Eċċellenza Tiegħu Mons. Pietru Pace, Isqof ta’ Malta u Arċisqof ta’ Rodi, biex iressaq din it-talba. Hu qabel mill-ewwel ma’ din it-talba u għalhekk, mingħajr telf ta’ żmien, ressaq quddiem ir-Reverendissmu Kapitlu tal-Vatikan, it-talba maħduma bl-akbar reqqa mill-membri tal-Kapitlu ta’ Birkirkara. Fit-13 ta’ Frar 1910, l-imsemmi Kapitlu tal-Vatikan stqarr li x-xbieha ta’ Marija meqjuma fis-Santwarju tal-Ħerba jixirqilha tassew u jistħoqqilha tabilħaqq li tiġi nkurunata, u fl-istess jum bagħat lill-Mons. Pietru Pace d-digriet tal-Inkurunazzjoni. Iċ-ċeremonja tal-Inkurunazzjoni saret fost festi kbar, li bdew il-Ħamis, 4 t’Awwissu 1910, u spiċċaw il-Ħadd, 7 t’Awwissu, fil-Kolleġġjata ta’ Sant Elena, li kienet imżejna daqs li kieku kienet il-festa ta’ Sant’Elena.
Kwadri Ex Voto
Bla dubju ta’ xejn, l-aqwa xhieda tal-protezzjoni u l-ħniena tal-Madonna lejn min jirrikorri lejha f’dan is-Santwarju, huma l-għadd kbir ta’ kwadri ex voto li jinsabu għall-wiri ġo sala li tidħol għaliha mill-kappella tal-ġenb. Dawn jirrakkontaw diversi ġrajjiet, kważi bla tama, li sabu t-tama tagħhom fil-ħniena tal-Madonna tal-Ħerba. Fil-fatt f’dan is-Santwarju nsibu l-akbar numru ta’ kwadri ex voto, li jeżistu fil-Gżejjer Maltin, madwar ħames mitt kwadru, li minnhom hemm madwar mija u tlieta u tmenin kwadri marittimi. Dawn il-kwadri kollha ġew irrestawrati u nnumerati.
Dan is-Santwarju, li hu devot ħafna, ikun miftuħ kuljum u jsir fih il-quddies regolarment.
Kitba ta’ Joseph Brincat,
Ritratti ta’ Noel Ciantar
Proof Reading minn Tony Bonello
Is-Santwarju tal-Madonna tal-Ħerba
- Birkirkara -
L-aħħar tibdil sar
Monday, January 30, 2012
Sit mibni minn
Noel Ciantar
© 2007 - 2011
