Il-Knisja filjali ddedikata lill-Madonna ta’ l-Isperanza qiegħda ftit il-bogħod mill-Knisja Parrokkjali tal-Mosta, sewwa sew fil-wied imsejjaħ għaliha, Wied l-Isperanza, li jagħmel parti minn Wied il-Għasel.

Ġrajjiet din il-knisja jibdew mill-għar li jinsab taħt il-knisja, li fuqu tidher in-niċċa ta’ San Mikiel Arkanġlu. Wieħed jista’ jinżel għal dan il-għar minn fuq iz-zuntier ta’ din il-knisja. Fil-għar imżejjen bil-qsari, naraw statwa ta’ tfajla għarkubbtejha biex tfakkarna fil-leġġenda li tagħti l-oriġini lil din il-knisja.

Il-Leġġenda

painting 'ta' l-Isperanza'Skont it-tradizzjoni għall-ħabta tal-1750, ċerta familja mill-Mosta, li kienet taħdem ir-raba fuq ir-riħ ta’ Burmarrad, raw għadd ta’ furbani ġejjin għalihom. Dak iż-żmien il-ħbit tal-furbani kien komuni ħafna, u dawn kienu jiġu u jisirqu kull ma jsibu fi triqithom. Kif raw l-furbani ġejjin għalihom, l-imsejkna ma kellhom xejn x’jagħmlu ħlief li jaħarbu jiġru lura lejn l-Mosta.

Kienu għoddhom waslu l-Mosta meta tfajla ta’ xi 20 sena li kienet qed tiġri magħhom, għajjiet u ma felħitx tiġri iżjed. Bit-Torok li issa kienu qrib, it-tfajla kollha għarqana u għejjiena dlonk kisret lejn fejn kien hemm għar li kien mgħotti sew bit-tursin il-bir. Kif rat dan, hi daħlet tistkenn fl-għar. It-tfajla, imrekkna u moħbija bil-blat tal-għar, kollha beżgħana bdiet titlob lill-Madonna biex teħlisha minn id dawk il-furbani, għax min jaf minn xiex kienet ser tgħaddi jekk taqa’ taħt idhom.

It-Torok, li kienu raw lit-tfajla, malajr waslu fil-post u ssuspettaw li forsi nħbiet qalb il-blat li kienu mdawwrin bih. Bdew ifittxu kullimkien, anki għaddew quddiem l-għar, imma meta raw dak il-ħafna għanqbut u tursin il-bir, ħasbu li hemm ma setgħetx daħlet. Meta raw li t-tiftix kien kollu għalxejn, imbezzgħin mill-Mostin li joħorgu fuqhom, daru lura u telqu b’idejhom vojta minfejn ġew. It-tfajla, imwerwra u bla nifs, meta għadda bosta ħin u ma semgħetx izjed ħsejjes ħarġet mill-għar u malajr marret lura għand niesha.

Bħala ringrazzjament lil Alla u lill-Madonna, hi riedet li fil-lok fejn hi ħelset mill-furbani Torok, tinbena knisja biex tibqa’ mfakkra l-ġrajja tagħha. Xewqitha seħħet u l-Knisja ta’ l-Isperanza nbniet fuq l-għar, kif għadha tidher sal-lum.


Ghar tal-Isperanza_Mosta4



Il-Knisja

Speranza_Mosta2Il-knisja ta’ l-Isperanza bdiet tinbena għall-ħabta tal-1757. Tant hu hekk li l-prospettiva ta’ fuq il-kwadru naraw impittra s-sena 1760. Fuq il-faċċata tal-knisja hemm l-arma tal-Isqof Fra Bartolomeo Rull li dak iż-żmien kien l-Isqof tal-gżejjer. Il-knisja għandha għamla ottangonali għax il-koppla sabiħa tagħha hi mibnija fuq tmien ħitan. Il-prospettiva tal-faċċata hi mżejna b’ħafna skultura. Il-knisja għandha zuntier żgħir u fil-faċċata tal-knisja hemm tliet statwi: dik ta’ San Ġużepp, dik ta’ Sant’Antnin ta’ Padova u fin-nofs statwa tal-Madonna li tidher iżomm lil binha Ġesł li għandu f’idejh ankra – is-simbolu ta’ l-Isperanza (it-Tama). Fil-knisja hemm ħafna kwadri ex-voto biex ifakkru xi wegħdiet li ġew maqlugħa.

Aktar opri ta’ l-arti fil-Knisja

Speranza_artalmaggurIl-kwadru titulari li hemm fuq l-artal hu tal-pittur Malti Rokku Buhagiar u juri lil Sidtna Marija waqt li qed iżomm lil binha Ġesł. Il-Madonna tidher qiegħda fuq tron u bilqiegħda fuq sħaba u madwarha l-anġli. Binha Ġesł, li jinsab f’ħoġorha, qed iżomm f’idejh l-ankra. Dan jissimboliżża t-titlu ta’ l-isperanza li għalih hi ddedikata din il-knisja. Fil-parti t’isfel tal-kwadru jidher xini maqbud f’tempesta, biex ifisser li l-Madonna hija t-tama tal-baħħara wkoll.

Il-kwadri li hemm fil-ġnub ta’ dan it-titular huma ta’ l-istess pittur Rokku Buhagiar u fihom naraw lil San Pietru u lil San Pawl. Tiddomina fuq il-kwadru hemm ix-xbieha ta’ l-Ispirtu s-Santu mdawwar b’numru ta’ anġli. Din il-prospettiva hi wkoll mżejna bi skultura ta’ weraq, mazzettuni u disinji oħra, li maqgħudin flimkien, qed jagħmlu perspettiva tabilħaqq eleganti fid-disinn u x-xogħol li fiha. Mal-pilastri naraw il-kwadri tal-erba’ evanġelisti.

Aktar xogħol sabiħ ta’ l-arti jinstab fis-sagristija tal-knisja, fejn wieħed jista’ jammira wkoll l-istatwa tal-Madonna ta’ l-Isperanza magħmula minn Ġlormu Dingli u kwadru kbir tal-Madonna mpitter minn Rafel Bonnici Cali.

Ritratti © Roderick Busuttil

Speranza_sagristija

Speranza_statwa



Speranza_kartaglorja

Speranza_artal




Ghar tal-Isperanza_Mosta1Fl-1896 Dun Ġwann Fenech, prokuratur ta’ din il-knisja, kien irrestawra z-zuntier u fil-għar waqqaf statwa żgħira tal-Madonna bil-bambin Ġesł u quddiemha hemm mixħuta għarkubbtejha xebba li dwarha tirrakonta l-ġrajja. L-Isqof Pietru Pace b’digriet moghti fit-23 ta’ Ġunju 1914, kien ikkonċeda 100 jum Indulġenza lil kull min jirreċta Salve Reġina quddiem din ix-xbieha.

Il-faċċata ta’ din il-knisja nistgħu ngħidu li hi wkoll originali għax il-bieb li jagħti għas-sagristija qed jifforma parti minn din il-faċċata, fil-fatt fil-għoli fuq il-bieb tas-sagristija naraw il-kampnar ta’ din il-knisja. Fuq l-istess livell, fuq il-bieb tal-knisja naraw il-frontispizju. Wara l-frontispizju hemm dehra sabiħa tal-koppla ta’ din il-knisja.

Din il-knisja tinsab fi stat tajjeb ħafna, u għadu jsir fiha l-quddies regolarment.

 Il-Knisja tal-Madonna ta’ l-Isperanza
 - Mosta -

Kitba u ritratti © ta’ Roderick Busuttil; Pittura © Rene Sacco

L-aħħar tibdil sar
18 November 2008
 

Sit mibni minn
Noel Ciantar
© 2007, 2008

 

www.apsbank.com.mt

BannerNew
ilovebooks_logo-SMALLBANNER

Kompetizzjoni bi premju sponsorjata minn
www.ilovebooks.com.mt