Illum magħruf li għandu waħda mill-bajjiet l-aktar popolari fost it-turisiti u l-Maltin, ix-Xlendi fl-imgħoddi kien raħal żgħir ħafna tas-sajjieda fin-nofs inhar ta’ Għawdex bejn ta’ Kerċem u l-Munxar. L-isem tnissel mill-fatt li l-lokal kien joffri port kenni għall-imriekeb li kienu jbaħħru fl-imgħoddi qrib il-gżejjer Maltin. L-oriġini ta’ l-isem “Xlendi” ġejja mill-kelma Biżantina xelandion li tfisser “mirkeb” u mill-varjazzjoni Għarbija tagħha xalandi. L-ewwel dokumentazzjoni ta’ dan l-isem insibuha f’kuntratt notarili tad-19 ta’ April 1550.

xlendi_towerGħalkemm amministrattivament ix-Xlendi jagħmel parti mill-Munxar, xorta għandu l-arma tiegħu li tikkonsisti f’promontorju b’torri fit-tarf tiegħu f’nofs baħar kaħlani fuq sfond oranġjo bl-ittri A M f’nofs il-parti superjuri ta’ l-arma. Il-motto tax-Xlendi huwa Navium Tutela, li tfisser ‘Ħarsien għall-imriekeb’.

Il-Bini ta’ l-Ewwel Knisja

Fuq irħama kommemorativa li tinsab fi-sagristija tal-knisja preżenti insibu din l-iskrizzjoni li tgħid li "Din il-kappella ddedikata lill-Verġni Mqaddsa tal-Karmnu inbniet fl-1868, wara wegħda, u bil-ħeġġa tan-nutar Niccolo’ Cauchi fuq l-art mogħtija mill-patrijiet Karmelitani ta’ l-Imdina li għandhom dritt jeħduha lura jekk din titlef l-għan prinċipali tagħha”.

Il-familja tan-nutar Nikola Cauchi li jissemma fuq din l-irħama kellha dar tal-villeġġatura fix-Xlendi. Kienet familja sinjura u mill-aħjar u kienu taw sehem finanzjarju konsiderevoli għat-twaqqif tad-djoċesi ta’ Għawdex f’Settembru ta’ l-1864. Bħala arkitettura, in-nutar ried li din il-knisja ma tkunx tagħmel għajb lill-knejjes oħra u għalhekk għażel lill-perit Għawdxi Klement Busuttil sabiex ipinġi l-pjanta għal din il-knisja l-ġdida. Bla telf ta’ żmien ġie mħejji l-post għall-bini fuq il-post li jġib l-isem ta’ Marb ad sansun. It-tberik ta’ l-ewwel ġebla sar mill-isqof Pietru Pace fl-1864. Wara li tlesta x-xogħol kollu, fl-1869, ġiet imbierka mill-Isqof Mons. Anton Grech Delicata. B’hekk il-knisja tax-Xlendi kienet l-ewwel knisja li nbniet fid-djoċesi ta’ Għawdex.

L-ewwel snin: il-ħidma ta’ l-ewwel retturi

Għall-ewwel erba’ snin tagħha din il-knisja ma kellha l-ebda rettur. Mal-mewt tan-nutar Cauchi fl-4 ta’ Jannar 1872, il-ġid kollu tiegħu waqa’ f’idejn bintu Carolina. Il-kappella kienet għadha ġuspatronat, u hija wkoll kienet proprjeta’ ta’ Carolina; għalhekk din għażlet hi stess saċerdot sabiex ikun l-ewwel rettur. Dan kien dun Raffaele Cassar mill-belt Victoria u dam rettur sa l-1905. Il-ħlas ta’ xogħolu kien jieħdu mingħand Carolina stess. Fi żmienu saru diversi viżti pastorali mill-Isqfijiet Mons. Pietru Pace u Mons. Giovanni Maria Camilleri. Diversi affarijiet kellhom jinbidlu, fosthom il-ħarir tat-tabernaklu, pjaneta bajda, maniplu u kellha titkabbar l-irħama ta’ l-artal.

2007_0823GozoHoliday0278



It-tieni rettur kien Dun Giovanni Marija Attard, magħruf bħala Dun Ġamri, magħżul huwa wkoll mis-sinjura Carolina. L-ewwel ħaġa li għamel kienet inventorju tal-knisja fuq talba ta’ l-isqof Mons. Giovanni M. Camillieri.

Meta mietet Carolina Cauchi, fis-17 ta’ Lulju 1907, il-werrieta ta’ ġidha kienu s-sorijiet Dumnikani. Anki l-knisja ġħal xi żmien kienet tagħhom, iżda billi f’dak iż-żmien ma kellhomx minn fejn iħallsu lir-rettur, huma ħallew il-knisja tax-Xlendi f’idejn il-Kurja ta’ Għawdex. 

102_7502Dun Ġamri kien fost l-aktar retturi li ħabirku kemm felħu biex ikabbru l-ġieħ tal-Madonna tal-Karmnu. Kien ukoll il-pijunier li beda d-devozzjoni lejn San Ġużepp u għollieh għal festa sekondarja. Stinka kemm felaħ biex ilibbes il-knisja kif jixraq għall-festa titulari: huwa ħiet personalment id-damask aħmar tal-qoton u l-apparat tal-festa li ħafna minnu għadu jintuża sal-lum. 

Ħiet ukoll il-pjaneti ta’ kuljum, it-trieħi ta’ l-altar, il-ventaltari tal-festa titulari u dik sekondarja. Ħafna mid-drapp li ntuża għal dawn l-għanijiet kien inxtara minnu stess. Kollox juri d-dedikazzjoni li kellu dan il-qassis ħabrieki għal din il-knisja.


Il-kwadru titulari

scapularFost l-ewwel opri ta’ tiżjin li saru f’din il-knisja ċkejkna, kien bix-xieraq li jsir il-kwadru titulari. Dan kien ikkummisjunat u mħallas min-Nutar Cauchi wkoll. Ġie mpitter mill-artist Malti Salvatore Micallef, li diversi xogħlijiet tiegħu insibuhom fil-knisja ta’ Ġieżu l-Belt Valletta u fil-knisja parrokkjali ta’ Birkirkara. Sar sena waħda biss wara li tlesta l-bini tal-knisja, jiġifieri fl-1869. Bħal ħafna kwadri oħra tal-Madonna tal-Karmnu, dan juri lil Marija b’Ġesł f’idejha bil-qegħda fuq sħaba tagħti l-iskapular lil San Xmun Stock, l-istess bħal dak li jinsab fil-knisja taż-Żurrieq. 

st_simon_stockGħalkemm il-ġrajja ta’ l-għotja tal-iskapular ġrat fl-Ingilterra, Micallef għażel li fl-isfond tal-kwadru jagħti dehra tal-muntanji tal-Karmel li jinsabu f’Iżrael. Jidhru ukoll xi kmamar żgħar imxerrdin ‘il hawn u ‘l hemm li jfakkru l-ewwel eremiti li kienu jgħixu fuq il-Karmel li minnhom nibet l-ordni Karmelitan.

102_7500L-artist għaraf ukoll iżewwaq ix-xogħol b’ħafna kuluri li jikkontrastaw. Fuq il-kannella ċar u skur tal-muntanji tal-Karmel jispikka s-sema iżraq. Il-figura ta’ San Xmun Stock tidher għarkubbtejha taħt dik tal-Madonna. Huwa liebes l-abitu karmelitan kannella bil-kappa tagħti fl-abjad li tgħattih kważi kollu. Ħafna studjużi ta’ l-arti jgħidu li wiċċ il-qaddis huwa wiċċ l-artist. Il-Madonna hija mlibbsa libsa ħamra b’mant kaħlani, l-istess kif insibuha f’ħafna kwadri ta’ dik l-epoka, inkluż dak li għandna fiż-Żurrieq. Il-figura tal-Madonna hija mdawwra bid-dija li f’tarfha nsibu xi irjus ta’ anġli żgħar. Hija tassew interpretazzjoni oriġinali ta’ kif wieħed ipinġi raġġiera. Fiż-żewġ kantunieri ta’ fuq insibu l-kelmiet Stella Maris u Decor Carmeli. Fil-kantuniera t’isfel fuq il-lemin insibu l-awtografu tal-pittur u s-sena ta’ meta tpitter il-kwadru.

Bħal kull ħaġa oħra fid-dinja, dan il-kwadru kellu l-mumenti sbieħ tiegħu u dawk koroħ. L-agħar ġrajja kienet meta fl-14 ta’ Awwissu 1942 waqt maltempata kbira bil-lejl, daħlet sajjetta fil-knisja u kissret l-altar. Ġebla mit-taraġ ta’ l-altar taret u laqtet il-kwadru u qasmitu eżatt fuq widnet il-Bambin. Din il-ġrajja baqgħet magħrufa bħala tas-sajjetta ta’ lejliet Santa Marija. Il-kwadru ġie rrestawrat mill-Kavallier Wistin Camilleri.

Il-kampnar u l-qniepen

2007_0823GozoHoliday0279Il-kampnar ta’ din il-knisja jesa’ ħames qniepen: erbgħa fil-loġoġ u waħda fin-nofs. L-ewwel qanpiena, li llum tindaqq bħala t-tielet waħda, ġiet ordnata meta kienet kważi tlestiet il-knisja, fl-1868. Inħadmet fil-funderija ta’ Salvu Cauchi u uliedu f’Għajn Dwieli. Fuq quddiem turi x-xbieha ta’ l-Immakulata u fuq wara l-arma tal-Papa bil-kliem Pius IX Pontifex Maximus. Fl-1958 din il-qanpiena ġiet mislufa lill-knisja parrokkjali tal-Fontana sakemm twaħħal sett ġdid ta’ qniepen f’dik is-sena.

Il-knisja tax-Xlendi akkwistat żewġ qniepen oħra matul ir-rettorat ta’ Dun Anton Grech Scicluna fosthom il-qanpiena li kien hemm fiċ-ċimiterju tal-Kruċjati li kien hemm biswit il-kunvent tal-Agostinjani fi pjazza Tomba meta dan twaqqa' fis-sena 1946 sabiex minfloku jinbena l-Oratorju Don Bosco. Din hi l-iżgħar qanpiena mill-ħamsa u inagħtat l-isem ta’ Anjeże. Qanpiena oħra iġabet mill-knisja ta’ San Ġużepp tas-Suq, li kienet tinsab fir-Rabat Għawdex u fuqha nsibu xbieha ta’ San Ġużepp u d-data 1798. Hija l-akbar u l-eqdem qanpiena li għandha l-knisja.

Fl-1973 ġiet irregalata qanpiena oħra, it-tieni waħda miż-żgħar u fl-1992 il-knisja bdiet in-neguzjati sabiex tixtri żewġ qniepen żgħar oħra, sabiex jieħdu post l-iżgħar tnejn. Dawn issemmew Karmela u Anna.

Il-vara tal-Madonna tal-Karmnu

Bħalma hi x-xewqa ta’ kull knisja li jkollha vara titulari, din kienet ukoll ix-xewqa tal-knisja tax-Xlendi. L-opportunita’ li ssir din l-istatwa waslet fis-sena 1964 f’ċirkustanzi mhux tas-soltu. Ġara li fil-lejl ta’ bejn is-27 u t-28 t’Awwissu 1964 għamlet tant xita li fin-niżla tax-Xlendi fforma wied li kaxkar kollox miegħu. Id-djar fit-triq tal-port imtelw kollha ilma.  B’xorti tajba f’dan il-maltemp ta’ ilma l-knisja ma ġarrbitx ħsara ħlief li l-wied kaxkar miegħu l-arblu tal-ġostra.

102_7495



PietruPaceIr-rettur, Dun Ġużepp Curmi, li kien ilu bil-ħsieb li jagħmel statwa tal-Madonna ħeġġeġ lin-nies biex jagħmlu ġabra u dawn għamluha b’radd ta’ ħajr li ħelsu minn dik il-maltempata tal-biża’. Ġiet ordnata f’Milan u fl-1965 waslet l-istatwa tal-Madonna tal-Karmnu. Fil-festa ta’ dik is-sena, il-Ħadd 29 ta’ Awwissu 1965 iżżanżnet l-istatwa wara li l-Isqof Ġużeppi Pace berikha u nkurunaha. Fil-għaxija saret għall-ewwel darba l-puriċissjoni fix-Xlendi mill-knisja għall-port u lura.

Hija statwa żgħira u ħelwa, ferm iżgħar minn dawn li mdorrijin naraw Malta fil-parroċċi tagħna. Oriġinarjament kienet tirrapreżenta lill-Madonna fuq sħaba bil-Bambin f’idha x-xellugija. Il-Bambin kien liebes libsa bajda waqt li Marija xxidd it-tonka karmeltana bl-iskapular u l-mant. F’idha l-leminija qed iżżomm il-labtu. Il-Bambin ukoll kellu l-labtu f’idu l-leminija.

NikolCauchiWasal ukoll iż-żmien li l-istatwa tiġi irrestawrata u li jsirulha xi alterazzjoniiet fiha. Restawr fuq l-istatwa sar fl-1993. Ir-restawraturi kienu Mario Camilleri Cauchi u ibnu Rueben. Il-figura tal-Madonna ma ntmessitx, ħlief li tnaqqsilha parti mill-mant sabiex ħdejn saqajha seta’ jitpoġġa anġlu żgħir li jirrapreżenta lil San Mikiel bl-arma tax-Xlendi f’idejh. Il-Bambin inbidlitlu idu l-leminija, u issa flok iżomm il-labtu jidher ibierek lil min iħares lejh. Benefattriċi mix-Xlendi ħallset sabiex isiru stellarju u raġġiera ġodda għal fuq irjus il-Madonna u l-Bambin. Il-kuruni li kienu jintlibsu fuq irjus il-Madonna u l-Bambin ma baqgħux jintużaw minħabba li kienu goffi wisq.

Ftit tas-snin ilu saritilha niċċa ġdida aktar kbira minn dik li kellha qabel, ħdejn il-bieb prinċipali tal-Knisja.

L-ewwel ċentinarju u t-tkabbir tal-knisja

102_7501Is-snin sittin ġabu ħafna tibdiliet fix-Xlendi. L-akbar bidla li kien hemm kienet fil-popolazzjoni. Dun Ġużepp Curmi mill-Munxar, li kien rettur f’dak iż-żmien, ħaseb li jżid in-numru tal-quddies. Ħaseb ukoll li jsiru xi opri ġodda fil-knisja u fl-1967 sab benefattur li ħallas għal żewġ linef. Sab ukoll xi benefatturi oħrajn li ħallsu u għamlu ventaltar u kanapew ġodda għall-festa titulari. Fi żmienu saret l-ewwel viżta pastorali mill-Isqof preżenti Mons. Nikol Cauchi.

Sena wara, f’Lulju ta’ l-1968 ir-rettur akkwista armonju għall-knisja u bil-għajnuna t’hekk twaqqaf il-kor Stella Maris. Fl-istess sena twaqqfet ukoll l-għaqda ta’ l-abbatini f’din il-knisja bl-isem ta’ Piccolo Clero.

102_7499Wasal ukoll iż-żmien meta l-kobor tal-knisja ma kienx għadu adattat għall-esiġenzi ta’ l-abitanti t’hemm u wara l-konsultazzjoni meħtieġa, Dun Ġużepp ħabbar il-proġett tat-tkabbir tal-knisja. Kien hemm min issuġġerixxa li l-knisja l-qadima titħalla kif inhi u titla’ oħra fuq pjanta aktar moderna. Oħrajn ħasbu li l-aħjar post għal knisja fix-Xlendi huwa l-post l-antik li kellha. Dun Ġużepp laqa’ s-suġġerimenti ta’ kulħadd u wara l-ħsieb meħtieġ ġie deċiż li titkabbar il-knisja l-qadima.

L-ewwel pjanta tal-perit Joseph Diemch ma ġietx aċċettata minħabba li l-parti l-ġdida tant kienet moderna li ma kienetx se taqbel mal-parti l-antika. L-istess perit ħażżeż pjanta oħra u din ġiet aċċettata mingħajr problemi.

2007_0823GozoHoliday0283Għall-ewwel, il-patrijiet Karmelitani li ma riedux jagħtu l-art għall-bini, iżda wara ntervent tal-Isqof, fl-1969 il-patrijiet ċedew l-art u hekk il-bini seta’ jibda'. Din is-sena kienet ukoll taħbat l-ewwel ċentinarju minn mindu tlestiet il-knisja

Ix-xogħol dam għaddej tliet snin u f’Settembru tal-1972, l-isqof Nikol Cauchi fetaħ uffiċjalment il-parti l-ġdida tal-knisja. Matul iż-żmien li fih kienet qed titkabbar il-knisja ġiet akkwistata l-istatwa tal-Madonna li hemm fuq iz-zuntier.

Fil-bidu tas-snin disgħin saru sett ta’ sitt kwadri li jirrappreżentaw il-Ferħat tal-Karmnu. Dawn saru kollha fuq it-tila mill-artist Għawdxi Joe Cutajar.

Il-festa tal-Madonna tal-Karmnu llum

Il-festa ħadet ix-xejra li għandha llum grazzi għall-ħidma kbira ta’ Dun Ġużepp Curmi. Huwa ħadem bis-sħIħ biex il-festa tieħu r-ruħ. Dan jidher ċar għax ta’ kull sena sew fil-festa ta’ ġewwa kif ukoll fil-festa ta’ barra qegħdin isiru solennitajiet tassew ta’ min ifaħħarhom meta tipparagunhom mal-ftit nies li hemm jgħixu fil-bajja tax-Xlendi. 

102_7524



Il-banda saret tgħaddi mit-triqat tal-port b’marċI brijjużi; il-fieri li spiss isiru għall-benefiċċju tal-knisja; it-tombli li fihom jieħdu sehem ħafna nies; il-logħob tal-baħar li jkun hemm... kollox juri li f’dan iż-żmien il-festa tassew imxiet ‘il quddiem. Il-faċċata tal-knisja ma baqgħetx tixgħel bit-tazzi taż-żjet, imma bil-bozoz tad-dawl elettriku. Il-fjakkli li fl-imgħoddi kienu jkunu f’wiċċ il-baħar, marbuta ma’ biċċiet tas-sufra, issa tbiddlu u bdew isru tal-pitrolju li ħafna minnhom idumu jixgħelu l-lejl kollu. 

102_7504Isir ukoll xi logħob tan-nar u jkun hemm xi għannejja Għawdxin li jferrħu lin-nies bl-għana tagħhom. Barra minn dan kollu ta’ min isemmu ukoll li x-Xlendi hija l-unika lokalita’ f’Għawdex fejn imorru jdoqqu ż-żewġ baned ċittadini, il-banda ‘Leone’ u l-banda ‘La Stella’, għall-istess festa. Waħda ddoqq lejliet u l-oħra nhar il-festa, u kull sena jalternaw.

Il- festa ta’ ġewwa tibda’ għaxart ijiem qabel nhar il-festa, li s-soltu taħbat fl-ewwel Ħadd ta’ Settembru. Isir il-ħruġ solenni tal-vara min-niċċa. Fid-distat ijiem ta’ wara ssir in-novena. Fis-seba’ jum tan-novena jibdew it-tliet tridijiet. Lejliet il-festa ssir il-quddiesa tat-Te Deum u fil-għaxija ssir it-Translazzjoni solenni. Nhar il-festa filgħodu jkun hemm quddiesa pontifikali mmexxija mill-Isqof t’Għawdex. Fil-għaxija ssir il-purċissjoni bl-istatwa. Wara titkanta l-antifona u tingħata l-Barka.

102_7503Hija festa ħelwa, li m’hi nieqsa minn xejn, iżda li min-naħa l-oħra għadha ppredominata mill-festa ta’ ġewwa, mingħajr briju u ħala ta’ flus żejda, kif fil-fatt għandu jkun.

Festi oħrajn li jsiru fil-knisja tax-Xlendi, naturalment b'ton ferm anqas pompuż huma dik ta' San Ġużepp, tad-Duluri, ta' Sant’Ursola u Sant’Anjeże, tas -Salib Imqaddes, tar-Rużarju, tal-Qalb ta’ Ġesu’ u ta' Sant’Anna. Apparti dawn isiru wkoll it-tifkiriet ta’ Santa Rita u ta’ Sant’Andrija.

Għeluq

Wieħed jiskanta kemm ġrajjiet għaddiet minnhom din il-kappela ċkejkna fil-wied tax-Xlendi. Għalkemm l-istorja tagħha mhix antika u movimentata bħala hi ta’ diversi parroċċi oħra, xorta waħda hija storja ferm sabiħa u ta’ min ikun jafha. Inħeġġiġkom għalhekk sabiex meta das-sajf titlgħu sa Għawdex biex tqattgħu xi jumejn hemm, tinsewx tagħtu titwila lil din il-ġawrha żgħira fdata f’idejn il-Madonna tal-Karmnu.

 Il-Knisja tal-Madonna tal-Karmnu
Xlendi - Għawdex

Kitba © Rev. Jonathan Farrugia (Kitba mqassra minn kitba itwal tal-istess awtur); Ritratti © Rev. Jonathan Farrugia, Noel Ciantar u mill-Internet. Ħajr speċjali lill-Kanonku Giovanni Bosco Cremona, rettur tal-Knisja. Referenzi jinsabu fil-paġna tar-referenzi.

Sit mibni minn
Noel Ciantar
© 2007 - 2011
 

BannerNew
pMyButton4
pMyButton4

 

Go To Page D