Ħaż-Żabbar huwa l-aktar magħruf għas-Santwarju tal-Madonna tal-Grazzji, li nistgħu nqisuh bħala wieħed mill-aqwa monumenti Marjani f’dawn il-gżejjer. Apparti dan iżda nsibu xi knejjes żgħar oħra. Waħda minn dawn il-knejjes hi dik iddedikata lil Marija Annunzjata. Din tinsab maġenb l-istatwa tal-ġebel tal-Madonna li tinsab fi Triq is-Santwarju.
Il-Knisja tal-Lunzjata li naraw illum mhux xi knisja qadima wisq u lanqas ma fiha xi xogħlijiet kbar artistiċi, iżda hi knisja żgħira b’arkittetura sabiħa u mżżejna b’xogħol sabiħ tal-ġebla. Iżda din mhux l-ewwel knisja tal-Lunzjata li kien hemm f’Ħaż-Żabbar.
Oriġini
Fil-fatt ma nafux eżatt meta nbniet din l-ewwel knisja tal-Lunzjata. L-ewwel li tissemma kien fir-rapport tal-viżita tal-Viżitatur Appostoliku Mons. Pietru Dusina fl-1575 fejn jissemma li f’dan ir-raħal fost knejjes oħrajn isemmi li kien hemm knisja zgħira ddedikata lill-Lunzjata. Din il-kappella kienet devota ħafna tant li ma pprofanahiex.

Fir-rapport taż-żjara tal-Isqof Molina fl-1680, jissemma li l-knisja ġiet irranġata minn Antonio Napolitano. Ir-rapport ikompli wkoll li fiha kienet imwaqqfa kongregazzjoni li kienet tieħu ħsieb l-eżercizzi spiritwali. L-Isqof Molina josserva ukoll li l-knisja kellha bosta paramenti sagri fosthom kalċi u affarjiet oħra li kienu jintużaw fis-servizzi liturgiċi. Nota importanti li naqraw f'dan ir-rapport tgħidilna li f’jum il-festa, ir-rettur ta’ din il-knisja kellu l-obbligu li jagħti tlett tari ikel lill-kapillan ta’ Ħaż-Żabbar u bid-dmir li jiċċelebra tlett quddisiet fis-sena nhar il-Milied. Dan id-dmir sar skont il-għotja ta’ Mattew Bonnici fl-atti tan-Nutar Natale Armegiano tat-18 ta’ Lulju 1666. Fl-istess rapport naqraw li Ferdinando Bonnici minn Ħal Tarxien waqqaf il-fondazzjoni tal-Vespri u quddiesa kantata f’jum il-festa.

Mal-mixja tas-snin il-qima lejn din il-knisja baqgħet tikber u xhieda ta’ dan hija l-vista tal-Isqof Paolo Alpheran de Bussan li saret fis-sena 1745. Dan l-Isqof jgħidilna li l-knisja kellha żewġ bibien u kienet kompluta b’kollox. L-Isqof josserva wkoll li l-lampier kien jinxtegħel kull nhar ta’ Sibt u fil-festi. L-artal kien tal-ġebel u fuqu kellu l-kwadru tal-Lunzjata li mad-dawra tiegħu kien hemm bosta ornamenti tal-injam. Dawn id-dettalji juruna kemm din il-knisja kienet f’qalb iż-Żabbarin.
Il-Knisja tinbena mill-ġdid
Id-devozzjoni lejn din l-knisja kompliet tikber anki fis-seklu dsatax, tant li ġie deċiż li l-knisja l-antika titkabbar. Fit-tieni nofs tas-seklu dsatax il-knisja reġgħet inbniet mill-ġdid. Il-knisja l-antika twaqqgħet, u minflokha tellgħu oħra skont il-pjanta ta’ Mastru Toni Carabott. Il-Knisja l-ġdida tbierket mill-Vigarju Ġenerali il-Kanonku Filippo Amato fit-22 t’Ottubru, 1861.
Il-Knisja minn barra
Il-faċċata ta’ din il-knisja, hi żgħira imma kompluta, b’żewġ kampnari, bil-frontispizju u koppla. Fil-parti t’isfel l-imgħallem li fassalha uża pilastri ta’ stil Joniku, filwaqt li fiż-żewġ kampnari uża pilastri ta’ stil Korint. Dawn il-kampnari huma ukoll kompluti bil-qniepen tal-bronż li meta saru, saru bil-ħsieb li jindaqqu biex isejħu liż-Żabbarin biex jinġabru hawnhekk biex jitolbu lill-Madonna.
Il-Knisja minn ġewwa
Il-Knisja tal-Lunzjata hi mibnija fuq numru sabiħ ta’ pilastri fuq stil Joniku li fuqhom idur il-gwarniċun tal-knisja. Wieħed jieħu gost jara li l-kapitelli li fihom ħafna xogħol, għadna narawhom fl-istat oriġinali tagħhom, kif saru aktar minn mitt sena ilu. Fortunatament dawn qatt ma ġew mizbugħa jew indurati u għalhekk id-dettalji għadhom kollha hemm.
Minn fuq il-gwarniċun wieħed jista' josserva is-sekond-ordni ta’ din il-knisja li minn fuqha titla' l-koppla li tagħlaq il-knisja kollha. Din il-koppla hi bla dekorazzjoni, u għadna nistgħu narawha fl-istat oriġinali tagħha.
Din il-knisja hija wkoll imżejna b’gallerija tal-injam fejn minfuqha kienet tindaqq il-mużika fil-quddies. Taħt din il-gallerija wieħed josserva kanċell sabiħ tal-ħadid, li qiegħed wara l-bieb ta’ barra u li permezz tiegħu wieħed jista' japprezza s-sbuħija arkittetonika ta’ din il-knisja meta din tkun magħluqa.
Artali fil-Knisja
Il-Knisja fiha tlett artali u fuqhom insibu tlett prospettivi żgħar tal-ġebel. Għalkemm żgħar huma sbieħ ħafna, u huma mimlija bi skultura fina u ddettaljata. Dan jista' jiġi apprezzat iktar fiż-żewġ artali tal-ġenb, li fihom bosta disinji u simboli skulturati fil-ġebla. 
Il-prospettiva ta’ fuq il-kwadru titulari hemm kitba li tifforma parti minn din il-prospettiva. Il-kliem bil-Latin jgħid “Ecce ancilla domini”, “Hawn hi l-Qaddejja tal-Mulej”, il-kliem li lissnet il-Madonna meta dehrila l-anġlu Gabriel.
L-artali tal-ġnub huma ddedikati wieħed lil San Ġużepp u l-ieħor lil Sant’Agata. Il-kwadri li nsibu fuq dawn l-artali huma xogħol il-pittur Antonio Zammit, magħmula fuq it-tmexxija ta’ Tommaso Madiona. Fuq dawn il-kwadri hemm aktar skultura fil-ġebel marbuta ma' dawn iż-żewġ qaddisin.


Ħdejn il-kwadru titulari jista' josserva żewġ kwadri qodma wieħed tal-Madonna tar-Rużarju u ieħor tal-Madonna bil-Bambin. Dawn il-kwadri li jidhru li huma qodma ħafna u allura jista' jkun li kienu fil-knisja l-qadima tal-Lunzjata.
Il-Knisja llum
Il-Knisja tinsab fi stat tajjeb u tkun miftuha kuljum. Tintuża wkoll għal xi laqgħat, kif ukoll għal xi funzjonijiet bħal dawk ta’ Ħadd il-Palm u tal-bidu tar-Randan.
Il-Knisja tal-Lunzjata
- Ħaż-Żabbar -
Kitba © Tony Terribile; Ritratti © Frans Cachia.
L-aħħar tibdil sar
25 December 2008
Sit mibni minn
Noel Ciantar
© 2007, 2008



