Knisja popolari u devota ħafna li nsibu f’Ħal Lija hija dik magħrufa bħala tal-Madonna Tal-Mirakli li tinsab fin-naħa ta’ wara ta’ Ħal Lija, f’akkwata li qabel kienet tifforma r-raħal ta’ Ħal Bordi. Il-knisja li hemm llum mhux dik oriġinali imma tinsab xi mitt metru ‘l bogħod minn fejn kienet tinsab l-oriġinali. Illum fil-post fejn kienet tinsab il-knisja oriġinali hemm mitħna tar-riħ.
Il-Kwadru Trittiku
Fil-knisja l-antika kien jinsab trittiku, jew kwadru maqsum fi tliet partijiet. Dan t-trittiku fl-injam ġie attribwit għall-artist Corso di Buono u hu tat-tmiem is-seklu tlettax. Fit-trittiku nsibu lill-Madonna bil-qiegħda fuq tron iżżomm lil binha Ġesł Bambin f’ħoġorha. Ġesł, f’idu x-xellugija għandu globu, filwaqt li bl-id il-leminija jidher ibierek – figura ta’ Ġesł Salvatur fid-dinja. Fuq in-naħa tal-lemin tal-kwadru nsibu lil San Pietru u lil San Nikola nsibuh fuq n-naħa l-oħra, dik tax-xellug. Dan l-kwadru kellu devozzjoni tant kbira li fiż-żjara tiegħu Monsinjur Dusina nnota l-imħabba kbira tan-nies għal dan t-trittiku.
L-Bini tal-Knisja Ġdida
Il-Gran Mastru Nikola Kottoner fl-1664 ordna li tinbena knisja akbar xi mitt metru ‘l fuq mill-antika. Il-knisja l-ġdida kellha tinbena fuq stil Doriku u ġiet mħollija f’idejn mastru Pietru Barbara minn Ħal Lija, li jiġi missier l-arkitett Giovanni Barbara. Kottoner kompla żejjen din l-knisja bil-pittura titulari preżenti. Fil-fatt qabbad lill-pittur magħruf ta’ dak iż-żmien Mattia Preti biex jagħmel dan l-kwadru. Dan juri lill-Madonna żżomm lil Binha Ġesł Bambin li qiegħed bil-wieqfa fuq irkubbtejha, kif ukoll lil San Pietru u lil San Nikola ta’ Bari. Fuq talba tal-Gran Mastru innifsu fil-kwadru ddaħħal ukoll l-Arkanglu Rafel li jinsab għarkubbtejh fin-nofs tal-kwadru. Nikola Kottoner xtaq li fil-kwadru jkun hemm San Nikola u l-Arkanġlu Rafel, li flimkien jagħtu qima lill-Madonna, għax ħuh il-Gran Mastru Rafel kien miet fit-22 t’Ottubru tal-1663. Dan it-titular ta’ Mattia Preti jirrapreżenta lil Santa Marija jew il-Madonna tas-Silġ. Il-kwadru titulari huwa maħdum fuq l-iskur u b’partijiet importanti jispikkaw bid-dawl fuq stil magħruf bħala “Luce di Cantina”. Il-kwadru fih ħafna mid-drammatiċita solita tal-Preti, u jista’ jitqies bħala kapolavur ta’ dan l-artist.

Il-Ġrajja Mirakoluża
Ġrajja mirakoluża li seħħet fl-1743 kabbret bil-bosta d-devozzjoni ta’ dan il-kwadru u tal-knisja nnifisha. Jidher li ġurnata fost l-oħrajn, dak li kellu f’idejħ il-kura tal-knisja, mar jixgħel il-lampa quddiem it-trittiku, meta nduna li fuq ix-xbin, fuq il-ħaddejn, u fuq is-sider tal-inkwatru, kienu jidhru qatriet kbar bħal għaraq qisu ilma. Għall-ewwel ħaseb li dan kien ġej mill-umdita; imma l-post fejn kien hemm l-kwadru ma kienx umdu. Billi għarraf b’kollox lill-Awtoritajiet tal-Knisja, sar eżami tal-fatt, u sabu li dak kien għaraq bħallikieku ħareg minn ġisem ta’ bniedem ħaj. Dak in-nhar stess Malta ħasset ċaqliq minn terrimot kbir; x’aktarx dak tal-21 ta’ Frar, 1743. Ġara li f’dak it-terrimot kbir li heżżeż lil Malta u Għawdex kollu ħadd ma tilef ħajtu. L-Gran Mastru u l-Isqof ta’ Malta kkonkludew illi dan il-miraklu li ħadd ma tilef ħajtu, seħħ bl-interċessjoni ta’ Marija. Għalhekk minn dak inhar il-knisja bdiet tissejjaħ “Tal-Mirakli”, minħabba dan l-kwadru mirakoluż. Dan kollu baqa’ mfisser fl-iskrizzjoni li hemm max-xbieha tal-Madonna.
Id-devozzjoni tkompli tikber
Wara dan il-fatt tal-għaġeb kibret bil-bosta d-devozzjoni lejn l-kwadru trittiku u l-Knisja Tal-Mirakli. Dan jikkonfermawħ l-atti tal-Viżta Pastorali ta’ l-Isqof Alpheran de Bussan fl-1747, fejn fir-rapport insibu rreġistrat – “il-Knisja kienet miżmuma b’devozzjoni kbira mill-kotra tan-nies li mill-inħawi kollha jiġu jinviżtawha, u hija għandha kull ma’ jinħtieġ u kull tiżjin sa lampier tal-fidda mogħti mill-Gran Mastru Vilhena”. Fuq kollox de Busson isemmi li fuq l-iskannel tal-artal hemm “xbiha tal-Madonna msejħa Tal-Mirakli pinġuta fuq l-injam, imgħottija bi ħġieġa u mdawra bi gwarniċ skolpit, miżmuma bl-akbar devozzjoni”. Id-devozzjoni lejn ix-xbieha tal-Madonna ssoktat tikber minħabba l-grazzji li kienu jaqilgħu dawk li kienu jirrikorru għand Sidtna Marija. Dan jixhduh il-ħafna kwadri ex-voto li hemm ikkonservati fl-istess knisja.
Opri fil-Knisja
Benefattur ieħor tal-Knisja Tal-Mirakli kien l-Gran Mastru Vilhena li rregala lampier tal-fidda lil din l-knisja. Artsitiċi ħafna huma l-kwadri tal-Via Sagra li qabel ingħataw lil din l-knisja kienu fi knisja zgħira tal-kjeriku Agius minn Ħal Lija. Dawn jikkonsistu fi kwadri taż-żejt, fini ħafna, maħduma bit-teknika tal-akkwarella. Fl-1840 Dun Pawl Grech Delicata minn Ħal Lija stess, żejjen lil din il-Knisja Tal-Mirakli b’relikwija ta’ Santa Mansweta, li kienet mietet martri matul il-persekuzzjoni tal-Imperatur Dioklezzjanu li qatel ħafna nsara minħabba reliġjon Kristjana.
Il-knisja tinstab f’kundizzjoni tajba, għalkemm għandha bżonn dawra minn ġewwa. Fiha għadu jsir il-quddies regolarment.
Il-Knisja tal-Madonna Tal-Mirakli
- Ħal Lija -
Kitba © ta’ Roderick Busuttil, Ritratti © Noel Ciantar, Roderick Busuttil
L-aħħar tibdil sar
25 December 2008
Sit mibni minn
Noel Ciantar
© 2007, 2008



