Il-Kappella tal-Providenza
- Siġġiewi -
Din il-Knisja tinsab bejn is-Siġġiewi u Għar Lapsi, fil-lok fejn fl-antik kien hemm ir-raħal antik imsejjaħ Ħal Kbir, li llum spiċċa u minnu, flimkien ma’ tlett irħula oħra, twieled ir-raħal tas-Siġġiewi. Jingħad li dan ir-raħal kien wieħed mill-akbar irħula ta’ Malta. Ritratti © Caroline Camenzuli
Oriġini
Id-devozzjoni lejn il-Madonna taħt it-titlu tal-Providenza hija antika ħafna u tmur lura għal aktar min-nofs is-seklu tmintax. It-tradizzjoni tgħid li fl-antik kien hemm knisja magħrufa bl-isem ta’ Santa Marija tal-Knejjes jew Marija Assunta, li kienet mibnija fuq katakombi f’dawk l-inħawi.
Fiż-żjara ta’ Monsinjur Dusina tal-1575, meta kien għadu jeżisti Ħal Kbir, sab Knisja dedikata lill-Madonna fil-Ħarba tagħha fl-Eġittu. Maġenb din il-knisja kien hemm knejjes oħra li llum spiċċaw.
Meta r-raħal ta’ Ħal Kbir ġie abbandunat, il-knisja ġiet mitluqa tant li fl-1747 l-Isqof Alpheran de Bussan kien ordna li tiġi pprofanata. Jidher li l-kappillan tas-Siġġiewi, Dun Michelangelo Mamo, kien iddispjaċut ħafna għal dan kollu u ddeċieda li jibniha mill-ġdid. Huwa stinka kemm felaħ biex jipperswadi lill-Isqof de Bussan biex jagħtih permess li jerġa’ jiftaħha. Jidher li rnexxielu fl-għan tiegħu għax il-knisja nbniet mill-ġdid, u meta tqiegħdet l-ewwel ġebla fl-4 ta’ Novembru 1750, tqiegħdu midalji bix-xbieha tal-Madonna, bl-isem tal-Monsinjur Isqof de Bussan u tal-Kappillan Mamo li ħallas għaliha. Il-knisja, skont Leonard Mahoney, ġiet mibnija fuq l-istil tal-Knisja ta’ Liesse tal-Belt Valletta. Il-bini tal-knisja l-ġdida tela’ bit-tħabrik tal-kappillan u tas-saċerdot Dun Nikol Borg. Il-knisja l-ġdida tbierket fis-16 ta’ Settembru 1753 mill-Kapillan Mamo b’delegazzjoni tal-Awtoritą Ekkleżjastika.
Id-dedika lill-Madonna tal-Providenza
Wara li l-knisja ġiet ikkonsagrata mill-ġdid fl-1753, din bdiet tiżżejjen b’opri ta’ l-arti. Il-knisja kellha artal wieħed u l-kwadru titulari, li ġie kkummissjonat mill-Kapillan Mamo nnifsu, juri lill-Madonna li qed iżżomm fi ħdanha lil Binha Ġesł, u tidher ukoll imdawra bl-anġli. Fil-parti t’isfel tal-kwadru jidhru l-erwieħ tal-purgatorju. Peress li l-Kappillan Mamo kien devot kbir ta’ San Mikiel Arkanġlu, li tiegħu kien iġib l-isem, dan il-qaddis jidher ukoll fil-kwadru. L-artist li pinġa dan il-kwadru kien Enrico Arnaux.
Iżda fl-1804 dan il-kwadru titolari tneħħa u minfloku tqiegħed ieħor li għadna narawh sal-lum. Dan huwa x-xogħol tal-pittur Palermitan Giuseppe Valesque, li jirrappreżenta lill-Madonna flimkien ma’ Binha Ġesł fi ħdanha. Il-Madonna tidher li qiegħda fuq l-isħab b’idha miftuħa tbierek r-raba, xebh tal-Providenza Divina. Minn dak in-nhar il-Knisja saret magħrufa bħala l-Knisja tal-Providenza.
Il-Knisja tkompli tiżżejjen
Dun Michelangelo Mamo u Dun Nikol Borg, wara li stinkaw kemm felħu biex jiġbru l-flus biex inbniet il-knisja, komplew iżejnuha mill-aħjar li setgħu, tant li dawn it-tnejn jibqgħu magħrufa bħala benefatturi kbar ta’ din il-knisja. Dun Nikol, minn butu stess, ħallas għall-iskultura kollha li żżejjen din il-knisja kemm minn ġewwa, kif ukoll minn barra.

Jidher illi fl-1815 il-Knisja tal-Providenza sofriet xi ħsarat meta ntlaqtet minn sajjetta. Biex jigi rranġat il-ħajt li ġarrab il-ħsara, inbena portiku sabiħ majestuz li hemm llum. Dan ħallas għalih Dun Pietro Paolo Saliba, neputi tal-Kappillan Mamo, u sar fuq id-disinn ta’ l-arkitett Mikiel Cachia. Ta’ min jgħid li dan il-portiku li għadna narawh sal-lumm hu wieħed mill-isbaħ li nsibu fil-gżejjer tagħna.
Fuq il-faċċata ta’ barra tispikka l-iskultura li tirrappreżenta għasafar inaqqru rummiena, li tirrappreżenta l-providenza. Taħthom hemm kitba bil-Latin meħuda mill-Vanġelu ta’ San Mattew li tgħid “Ħarsu lejn l-għasafar tas-sema: la jiżirgħu u lanqas jaħsdu u lanqas igeddsu fl-imħazen, imma madankollu Missierkom li Hu fis-smewwiet jitmagħhom! Intom ma tiswewx iktar minnhom?”.
Il-Knisja għandha koppla sabiħa ħafna skolpita, li ġo fiha hemm kampnar żgħir li fih qanpiena li ġġib l-arma tal-Gran Mastru Fra Emmanuel Pinto de Fonseca, li nafu li kien devot kbir tal-Madonna.
Devozzjoni lejn il-Madonna tal-Providenza
Xhieda tad-devozzjoni kbira li teżisti lejn din il-knisja, li tinsab f’nofs il-kampanja, huma l-ħafna kwadri ex voto li nsibu fiha. Insibu wkoll illi l-Isqof Monsinjur Fra Bartolomeo Rull ikkonċeda indulġenza plenarja ta’ 40 jum lil kull min jgħid Salve Regina quddiem l-artal ta’ din il-knisja, u huwa għalhekk li t-tieqa li hemm fil-baxx tinżamm dejjem miftuħa. 
Fil-ġenb ta’ l-artal maġġur hemm balla ta’ kanun Tork lihija tifkira ta’ l-Assedju l-Kbir tal-1565 fejn fid-difiża tas-swar tal-Birgu kien hemm madwar 560 raġel mis-Siġġiewi.
Il-festa fil-Knisja tal-Providenza kienet tiġi ċċelebrata fl-ewwel Ħadd ta’ Settembru. Dak iż-żmien ħafna nies kien jimxu mis-Siġġiewi biex jaslu lejn din il-knisja, li tinsab qalb il-kampanja. Il-festa għadha tiġi ċċelebrata sal-lum, iżda fuq skala anqas.
Kitba © ta’ Roderick Busuttil, Ritratti © Dorianne Bonello, Anthony M. Brincat u Caroline Camenzuli
L-aħħar tibdil sar
18 November 2008
Sit mibni minn
Noel Ciantar
© 2007, 2008

