Il-Knisja tal-Madonna tas-Samra
- Ħamrun -
Kappella ħelwa li tinsab fil-Ħamrun hija dik tal-Madonna tas-Samra. Din tinsab fuq l-għolja magħrufa Ta’ Braxia. Biex tasal ħdejha mit-triq prinċipali tal-Ħamrun, Triq il-Kbira San Ġużepp, trid iddur għat-triq tas-Suq l-antik u tibqa’ tiela’ sakemm tasal ħdejn din il-knisja.

Oriġini
Il-Ħamrun mhux xi post antik ħafna għax żviluppa biss f’dawn l-aħħar 150 sena. Iżda l-inħawi fejn tinsab din il-knisja ħelwa, fuq l-għolja Ta’ Braxia, huma antiki ħafna. Jidher li fl-antik f’dawn l-inħawi, kien hemm kappella ċkejkna li kienet ddedikata lil San Nikola, li kienet magħrufa aħjar bħala “Ta’ Braxja”. Iżda jidher li din il-knisja ntelqet ħafna tant li fiż-żjara tiegħu tal-1575, Monsinjur Dusina pprofanaha.
Id-devozzjoni lejn il-Madonna ta’ Atoċja
Jidher li wieħed negozjant sinjur mill-Birgu, Ġużè Casauri, li kien imur Spanja ta’ spiss, irnexxielu jakkwista kopja sabiħa tal-kwadru għażiż tal-Madonna magħrufa “ta’ Atoċja” li hemm f’Madrid. Ma’ dan il-kwadru, li jinsab fil-kapitali Spanjola, hemm marbuta t-tradizzjoni li dan il-kwadru tpitter minn San Luqa Evanġelista nnifsu u mħolli fil-belt ta’ Antjokja, biex imbagħad dan ittieħed minn San Pietru lejn Spanja. L-isem Antjojka inbidell mill-Ispanjoli, u biż-żmien sar “ta’ Atoca”, għalhekk dan il-kwadru beda jissejjaħ “tal-Madonna t’Atoċja”.
Casauri żamm din il-kopja li kien ġab minn Madrid ġo daru flimkien ma’ martu Isabella (jew Elizabetta, kif hemm miktub fil-lapida fil-knisja tas-Samra), kunjomha Spinaci, bint Toni Spinaci mill-Birgu wkoll. Jingħad li meta Isabella kienet għadha tarbija, matul l-Assedju l-Kbir, salvat b’mod mirakuluż. Dan seħħ għax matul l-attakki tat-torok ġġarrfet d-dar fejn kienet toqgħod u sfat mirduma. Kulħadd kien qata’ qalbu li din t-tarbija setgħet għexet, imma b’għageb kbir ta’ kulħadd, meta tneħħa t-terrapien, sabuha għadha ħajja.
Meta Isabella kibret iżżewġet lil Ġuże Casauri, li dejjem xtaq li l-kopja tal-kwadru tal-Madonna t’Atoċja jitpoġġa ġo xi knisja fejn ikun jista’ jingħata qima min-nies.
Il-Bini tal-Knisja l-Ġdida
Casauri tefa’ għajnejh fuq il-kappella mitluqa u mġarrfa ta’ San Nikola ta’ Bari fuq l-għolja ta’ Braxia u iddeċieda li jerġa’ jibniha mill-ġdid. Il-Knisja, ikbar minn dik oriġinali, tlestiet fl-1630. Ħdejn din il-knisja nbnew ukoll xi kmamar fejn Casauri u martu Isabella għexu bħala eremiti aħwa, bil-permess tal-konfessur tagħhom, sakemm mietu fl-1636 u 1646 rispettivament.

Jidher li l-koppja, li kellha devozzjoni kbira lejn ix-xbieha tal-Madonna t’Atoċja, poġġewha f’din il-knisja li kienu għadhom kemm bnew. Hawnhekk id-dedika ta’ din il-knisja nbidlet għal dik tal-Madonna taħt it-titlu ta’ l-Assunta. Il-koppja stinkaw kemm felħu biex ixerrdu d-devozzjoni lejn dan il-kwadru li juri lil Madonna b’karnaġġjon iswed. Dan l-kwadru hu ta’ stil Biżantin u kull min iħares lejh iħoss l-maestà tiegħu. In-nies malajr inġibdu lejn din ix-xbieha, u malajr laqqmuha Tas-Samra minħabba l-karnaġġjon skur tal-Madonna.
Il-Knisja
Kif għedna l-koppja Casauri poġġew il-kwadru tal-Madonna t’Atoċja fl-artal prinċipali tal-Knisja. Iżda apparti dan l-artal, fil-Knisja nsibu 4 artali oħra. Dawn huma ddedikati lil San Lawrenz, San Nikola ta’ Bari (it-titular l-antik tal-knisja), San Ġużepp u San Karlu Borromeo. Fil-Knisja nsibu wkoll statwi ta’ San Ġużepp, id-Duluri, il-Qalb ta’ Ġesù, San Gejtanu u dik ta’ Santa Marija li kull sena ssirilha l-festa fil-15 t’Awwissu. Fil-Knisja hemm ukoll numru ta’ kwadri ex-voto li ngħataw bħala ringrazzjament għal xi wegħdiet li nqalgħu minn xi devoti tal-Madonna.
Fil-Knisja hemm midfuna l-koppja Ġużè u Isabella (fil-lapida jidher l-isem “Elizabetta”) Casauri, u dawn jitfakkru permess ta’ lapida li hemm, biex qatt ma jitħassar l-kontribut ta’ dawn iż-żewġ benefatturi kbar lejn din il-knisja. Dan jikkonfermawh l-atti taż-żjara tal-Monsinjur Alpheran li għamel f’din il-knisja fl-1736.
Ħdejn il-knisja hemm id-dar tas-Sorjiet ta’ Nuzzu (Ulied il-Qalb ta’ Ġesù) li twaqfu f’dan l-Istitut stess minn Suor Maria Tereża Nuzzo fl-1903. Il--fdalijiet tal-fundatriċi Suor Maria Tereża Nuzzo tpoġġew f’din il-knisja fl-2007 f’monument ta’ l-irħam li tħejja apposta.
San Ġorġ Preca u l-Knisja Tas-Samra
Din il-knisja fis-seklu 20 reġgħet intelqet u fil-fatt ġiet ipprofanata. Għal ħafna żmien min kien jieħu ħsiebha kien jiftaħha biss darba f’sena, kull nhar il-15 t’Awwissu fil-festa ta’ l-Assunta.
Dun Ġorġ Preca, illum iddikjarat qaddis, rabat qalbu magħha u reġa’ qajjem id-devozzjoni tal-15 ta’ kull xahar. Huwa kien jistinka kemm jiflaħ biex ixerred id-devozzjoni lejn ix-xbieha tal-Madonna tas-Samra. Id-devozzjoni malajr reġgħet żdiedet tant li l-knisja reġgħet ġiet irranġata, biex reġa’ beda jsir il-quddies fiha kuljum.
Apparti hekk fil-festa ta’ l-Assunta kull nhar il-15 t’Awwissu, bdiet issir purċissjoni bil-vara ta’ Santa Marija fit-toroq ta’ madwar il-knisja. Din il-festa għadha ssir sal-lum fejn il-knisja tintrama bid-damask u oġgetti oħra għal okażżjoni. Fir-Randan isiru wkoll xi korsijiet ta’ l-eserċizzi fil-Knisja.
Il-Knisja llum tinsab f’kundizzjoni tajba ħafna u tinfetaħ kuljum għall-quddies.
Kitba © ta’ Roderick Busuttil fuq informazzjoni ta’ Mario Coleiro. Ritratti © Roderick Busuttil
L-aħħar tibdil sar
25 December 2008
Sit mibni minn
Noel Ciantar
© 2007, 2008



