Il-Kappella ta’ l-Assunzjoni Taż-Żellieqa
- Għargħur -
Knisja ħelwa li hemm fil-limiti tal-Għargħur hija bla dubju dik magħrufa l-aktar bħala taż-Żellieqa. Din qiegħda int u tiela' mill-wied tal-Madliena, qabel ma taqbad ir-raħal ta’ Ħal-Għargħur, hekk kif tiskorri l-palazz Tal-Kmand. Taraha fuq ix-xellug tat-triq, tħares lejn il-lvant. Ritratti © Anthony M. Brincat

It-Titlu “taż-Żellieqa”
In-nies taf din il-knisja bħala Taż-Żellieqa minħabba t-triq ħażina li kien hemm meta nbniet l-ewwel darba fis-seklu XVI. Illum hemm triq tajba bl-asfalt kif bnewha fl-1946 il-priġunieri tal-gwerra Ġermaniżi, li kien hawn f’Malta. Minbarra minn hekk in-nies kienu jsejjħulha taż-Żellieqa biex ukoll tingħaraf minn kappella oħra żgħira li qiegħda fil-qrib li hija wkoll iddedikata lil Marija Assunta. Din il-kappella l-oħra hija mlaqqma ta’ Bernarda.
Leġġenda
Skont it-tradizzjoni teżisti leġġenda marbuta ma' din il-Knisja. Din il-leġġenda tgħid hekk: Kienet waħda mill-ġranet tas-sena 1560, meta skont il-kitba u t-tradizzjoni, il-Madonna dehret lil waħda xebba raħlija, fil-post fejn hemm din il-kappella, u fejqietha mill marda qalila li kellha. Din ix-xebba bħala ringrazzjament lill-Madonna bniet din il-knisja u ddedikata lit-tlugħ glorjuż fis-sema tal-Verġni Imbierka, jew kif nafuha aħjar aħna l-Maltin, “Santa Marija”.
Dan ukoll qalu Mons. Pietru Dusina fir-rapport tiegħu tal-viżta ppastorali li saret fil-Għargħur fl-1575. Dusina kiteb li din ix-xebba kienet għada ħajja, meta għamel il-viżta Pastorali, imma ma semmiex isimha jew id-data preċiża ta’ l-apparizjoni.
Il-Knisja
Din il-knisja inbniet fl-1560, iżda reġgħet ġiet mibnija mill-ġdid fl-1650, u din id-darba, l-arkitet tagħha kien il-perit Tomaso Dingli. Dan kien i-istess perit li għamel il-pjanta tal-knisja parrokjali tal-Għargħur, dik ta' San Bartilmew, fl-1612. Maż-żmien issoktaw isirulha xi tibdiliet jew żidiet. Hekk per eżempju fl-1777 infetħu żewġ twieqi fil-faċċata tagħha. Din il-kappella għanda kampnar wieħed li nbena f’nofs is-seklu għoxrin. Sa żmienna għadhom isiru meljoramenti li jkomplu jsebbħu kif jixraq lil dan it-tempju Marjan.
Din il-knisja għandha altar wieħed li hu kollu kapulavur ta’ l-irħam u kollu skultura stil barokk. Il-kwadru titulari huwa biċċa xogħol mill isbaħ tal-pittur magħruf Malti Rokku Buhagiar, li juri lill-Madonna tiela s-sema bir-ruħ u l-ġisem. F’din il-knisja hemm ukoll żewġ kwadri oħra antiki, wieħed tal-Karmnu u l-ieħor tal-Lunzjata, li nġiebu mill-knisja parrokjali u ieħor li sar fl-1962 mill Kavallier Emvin Cremona li juri d-dehra tal-Madonna lix-xebba mhux mgħarufa.
Fl-1950, fl-okkażjoni tal-Proklamazzjoni tad-Domma ta’ l-Assunzjoni ta’’ Marija fis-sema bir-ruħ u bil-ġisem mill-Papa Piju XII, fil-faċċata ta’ barra ta din il-knisja tqiegħdu, bil-permess tal-Arċisqof Metropolita Mons. Mikiel Gonzi, żewġ lapidi ta’ l-irħam, waħda bil-Latin u l-oħra bil-Malti, bil-kliem ta’ Mons. Dusina biex ifakkru l-ġrajja prodiġjuża li tat bidu lil din il-knisja u d-devozzjoni tal-Maltin lejn dan is-santwarju.
Devozzjoni
Il-poplu Malti minn dejjem kellu devozzjoni kbira lejn dan is-Santwarju. U minbarra l-kitba ta’ Mons. Dusina fl-1575, insibu li fl-1780, jiġifieri aktar minn mitejn sena wara li kienet inbniet din il-knisja, il-kittieb Gio. Anton Abela Ciantar fil-ktieb tiegħu “Malta Illustrata”, ħalla miktub “a questa chiesa concorrono gli abitanti di tutta l-isola, non che di quel casale solamente, con gran frequenza per la divozione, che v’hanno, e per miracolo in quel sito, e benedetto luogo occorso.”, jiġifieri "f'din il-knisja jiġu nies minn madwar il-gżira kollha, mhux biss minn dak ir-raħal (ie il-Għargħur). Dawn jiġu ta' spiss u b'devozzjoni, u jiġu minħabba l-miraklu (li kien sar) u d-devozzjoni tal-lokal".
Din id-devozzjoni jerġa’ jsemmiha l-Kavallier Achille Ferres meta kiteb dwar din il-knisja fl-1866. Barra min dan hemm dokumenti li ħallew xi Isqfijiet u li jagħtuna aktar tagħrif fuq id-devozzjoni li l-antennati tagħna kellhom lejn Marija Santissima meqjuma f’dan il-post tad-dehra tagħha.
Hemm indulġenza ta’ 200 jum lil kull min jgħid is-“Salve Reġina” quddiem ix-Xbiha Mqaddsa li hemm f’din il-knisja.
Għalkemm forsi d-devozzjoni lejn dan is-Santwarju m’għadiex qawwija bħal ma kienet fl-imgħoddi, b’danakollu sal-lum in-nies tal Għargħur u ta’ l-inħawi għadhom iżommuha b’għożża u b’devozzjoni kbira. Ħafna jagħmlulha wegħdi u ħafna ukoll għadhom iħobbu jippreżentaw it-trabi tagħhom f’din il-knisja bħala devozzjoni speċjali lejn Sidtna Marija, Omm Ġesł. F’din il-knisja isir ukoll il-quddies kull nhar ta’ Ħadd.
Kitba © Joe Brincat; Ritratti © Anthony M. Brincat, Carmelo Vella
L-aħħar tibdil sar
25 December 2008
Sit mibni minn
Noel Ciantar
© 2007, 2008



