Mudelli tal-Knejjes fit-Terracotta
Carmelo Vella
Xi ftit tal-ġranet ilu ltqajt ma' Carmel Vella, li hu dilettant kbir tal-Kappelli. Apparti li tana ħafna ritratti li ser jintużaw f’dan is-sit, Carmel għandu passatemp li jagħmel l-mudelli tal-Kappelli bit-terracotta. Din hija l-intervista zgħira li għamiltu.
Min hu Carmelo Vella....
Bdejt biex saqsejtu xi ħaġa żgħira fuqu. Carmel twieled fis-27 ta' Lulju 1962 tal-Pieta'. Ħu Żebbuġi, iżda wara li żżewweġ mar joqgħod fil-Mosta. Hu miżżewweġ lil Rita u għandhom żewġt itfal, Martina u Francesco. Hu jaħdem bħala Nursing Aide f'Ċentru tas-Saħħa.
Kif beda jaħdem il-Kappelli bit-terracotta....Imbagħad għaddejt biex nidħol għall-passatemp tiegħu, dak li jaħdem mudelli tal-kappelli fit-terracotta. Hu qalli li minn dejjem kien iħobb ix-xogħol tal-idejn u jagħmel diversi tipi ta’ mudelli. Hu għandu fama li kull ma' jara b'għajnejh kapaċi jagħmlu b'idejħ. Iżda madwar erba' snin ilu ddeċieda li jattendi kors intensiv fix-xogħol tat-terraccotta fejn fl-aħħar ingħata ċertifikat mill- MCAST.
Imma għalfejn mudelli tal-Kappelli ?
Carmel qalli li hu jinteressa ruħu fl-istorja ta' Malta u fil-bini storiku li nsibu madwarna, fosthom il-kappelli li hawn
imxerrdin fl-irħula. L-ewwel Kappella li beda jagħmel kienet dik ta' Santa Marija taż-Żejfa li tinsab fil-Mosta. Meta ra r-riżultat lest ħassu tassew sodisfatt bil-mudell li għamel, tant li tħajjar jagħmel aktar mudelli ta' kappelli oħra. Għalhekk beda jdur it-toroq tal-Mosta biex jieħu ritratti tal-bosta kappelli li nsibu f’dan ir-raħal. Meta Carmel ikollu r-ritratti tan-naħat kollha tal-Kappella, jibda' jħejji biex jagħmel il-mudell. Hawnhekk beda jurini xi ftit mill-mudelli li għandu, li kif tistgħu taraw mir-ritratti, huma ħelwin ħafna. Apparti li mill-ewwel jiġbdu l-għajn, wieħed irid jgħid li d-dettall li fihom hu impressjonanti, għax Carmel joqgħod attent għal kull dettall li jkollha l-Kappella biex il-mudell ikun fidil kemm jista’ jkun lejn l-oriġinal.
X'xogħol jinvolvi biex tagħmel mudell ta’ kappella ?Imma kemm jeħdolu ħin biex jagħmel mudell? Qalli li biex jagħmel mudell ta' kappella jieħu madwar erba' ġimgħat biex din tkun lesta minn kollox. L-ewwel jumejn jinvolvi x-xogħol biex iwaqqafha. Imbagħad iħalli bejn ħmistax jew tlett ġimgħat biex il-mudell jinxef. Dan ikun jiddependi mit-temp u ż-żmien tas-sena.
Il-proċess ikompli bit-tisjir f'forn speċjali fejn tieħu madwar 10 siegħat u wara iħalliha madwar 24 siegħa biex tibred. L-aħħar fażi hi l-iktar parti kruċjali, għax ikun irid jiddekoraha u jlestiha minn kollox. Kif taraw mhux ħaġa faċli biex tagħmel mudell bit-terracotta, imma meta mbagħad tara l-mudell lest, tinsa' l-ħin kollu li tkun għamilt biex tlestiha.
L-interess tiegħu fuq l-istorja tal-kappelli…
Iżda Carmel ma waqafx hemm: aktar ma beda' jagħmel minn dawn il-mudelli tat-terracotta, aktar xtaq ikun jaf fuq l-istorja tagħhom. Għalhekk wara li ġab l-informazzjoni fuq il-kappelli tal-Mosta, beda jdur mal-bqija tal-ibliet u l-irħula ta’ Malta u Għawdex biex jiġbed ir-ritratti tal-kappelli u jagħmel riċerka fuqhom. Meta staqsejtu liema huma l-iktar kappelli huma għal qalbu qalli li huma dik tal-Madonna tal-Isperanza fill-Mosta, ta’ Santa Marija ta’ Bir Miftuħ u dik tal-Providenza li hemm fis-Siġġiewi.
Għalaqna din it-taħdita ma' Carmel billi saqsejtu x’jidhirlu minn www.kappellimaltin.com u hu tani dawn il-kummenti. “Jiena kuntent li fl-aħħar hawn sit iddedikat għall-kappelli Maltin. Żgur li kulħadd xi darba jew oħra ra xi kappella jew joqgħod ħdejn xi waħda. Dawn huma ukoll wirt missirijietna, u aħna għandna id-dmir li nieħdu ħsiebhom. Għalhekk dan is-sit fuq il-kappelli għandu jagħti ħeġġa u ħajra lil dawk kollha li jidħlu fih u jiskopru xi sbuħija ta' kappelli hawn imxerrdin fil-gżejjer Maltin.
Filwaqt li rringrazzjajtu tal-kummenti u taċ-ċans li tani biex nitkellmu fuq il-passatemp tiegħu, ħallejtu jkompli l-mudell li kien qed jagħmel, biex ikompli jgħaqqad is-sett ta’ kappelli li hawn f’Malta. Iżda mhux qabel li għedtlu biex jagħmilli xi żewġ mudelli tat-terracotta, biex inpoġġihom fuq l-iskrivanija ħalli meta nkun qed nikteb xi script fuq kappelli narhom quddiemi!
Jekk intom interessati f’xi mudelli ta’ kappelli, ibgħatulna email fuq
u ngħaddu messaġġ tagħkom lil Carmel.

Nota: Id-direzzjoni ta' dan is-sit tixtieq tirringrazzja 'l Carmel talli għaddielna l-kollezzjoni personali mdaqqsa li għandu ta' ritratti diġitali tal-kappelli ta' Malta u Għawdex għall-użu fuq dan is-sit.

Intervista ta’ Roderick Busuttil; Ritratti u mudelli ta’ Carmelo Vella mill-Mosta
L-aħħar tibdil sar
25 December 2008
Sit mibni minn
Noel Ciantar
© 2007, 2008



