Il-Knisja tal-Viżitazzjoni
- f’Wied Qirda f’Ħaż-Żebbuġ -
Knisja oħra antika li nsibu f’Wied Qirda fil-limiti ta’ Ħaż-Żebbuġ hija dik iddedikata lill-Madonna taħt it-titlu tal-Viżitazzjoni lill-qariba tagħha Santa Eliżabetta. Din il-knisja tinsab int u nieżel għall-wied f’post verament pittoresk.

Wied Qirda
Il-wied fejn tinsab din il-kappella jirrakonta diversi stejjer. Hemm żewġ verżjonijiet għalfejn dan il-Wied għandu dan l-isem stramb. Skont Achille Ferres dan il-wied beda jissejjaħ hekk minħabba l-qerda kbira li kienu jħallu l-furbani qrib din il-kappella kull darba li kienu jaħbtu għal dawk l-inħawi. Jingħad li qabel waslu l-kavallieri f’Malta fejn il-kappella kienet tinżamm l-għassa għal xi żbark tal-furbani. Dawn kienu jagħtu sinjali lill-Imdina u jipproteġu lill-bdiewa u r-raħħala li kienu jgħixu f’dawk l-inħawi.
Iżda hemm ukoll verżjoni oħra għalfejn dan il-wied jissejjaħ hekk minħabba li l-ilma qalil li kien jinġabar fih kien jeqred kollox hu u għaddej minnu.
Sabiħ ħafna wkoll huwa s-sunett li kiteb Dun Karm Psaila fuq dan il-wied, li jinsab f’raħal twelidu. Hawn qed inġibu silta qsira minnu:
“Nisma’ ġol-fraxxnu u ġol-ħarrub tal-plajja
bħal karba twila ta’ min qed ibati
u jigdem l-art fl-uġigħ ta’ l-aħħar firda …”

Wallace Gulia wkoll kiteb poeżija, twila mhux ħażin, fuq Wied Qirda. Fost l-oħrajn jgħid hekk:
“Għandu bħal seher dan Wied Qirda tagħna
Ta' Ġmiel u ħajja: meta Marzu jifraħ
Bl-irtuba ta' dirgħajh, jiħmar Wied Qirda
Bil-ħabb tal-qamħ imdawwar minn rebbiegħa
Ta' friefet ta' kull lewn jilmaw u jleqqu; …”
Oriġini
Jidher li l-knisja li nsibu llum f’Wied Qirda mhix dik oriġinali, u kif ġara ħafna drabi, dik li naraw llum inbniet minflok oħra li kienet tinsab fl-istess post. Fl-atti taż-żjara ta’ Monsinjur Pietro Dusina fl-1575 f’Ħaż-Żebbuġ insibu li hu kien żar kappella f’Wied Qirda li kienet qegħda "in contrada Tal Gandar", “tal-Handaq”. Dusina jgħid li din il-knisja hi ddedikata lill-Viżitazzjoni tal-Madonna lil Santa Eliżabetta. Fl-atti taż-żjara jissemma li l-knisja kellha altar wieħed u bibien tal-injam iżda kienet nieqsa minn paviment, rettur u ħwejjeġ oħra neċessarji għall-kult. Hu jgħid ukoll li kienet fi ġnien ta' Leonardu Vassallo, li kellu l-obbligu li jagħmel l-għasar u quddiesa matul l-ottava kollha tal-festa, kif ukoll obbligu għall-ikla fil-festa.

Ta’ min isemmi li Mons. Dusina fiż-żzjara tiegħu f’Ħaż-Żebbuġ semma kappella oħra ddedikata lill-Viżitazzjoni: din kienet tinsab minflok il-Knisja tal-Madonna tad-Dawl. Din il-kappella kienet inbniet minn Dun Leonardu Zammit.
Il-Kjeriku Bartilmew Magro
Jidher li l-knisja li naraw illum inbniet mill-flus tal-Kjeriku Bartilmew Magro fl-1675. Din id-data jsemmiha Ferres fil-ktieb tiegħu. Wieħed għadu jista' jara d-data 1678 fuq il-bieb tal-ġenb, li tista' tkun id-data ta’ meta nfethet il-kappella. Magro kien ħalla benefizzju lill-knisja biex jitħallsu l-bżonnijiet tagħha, kif ukoll biex tkun tista' ssir il-festa. Dan il-benefiċċju kien jikkonsisti f’sitt għelieqi, jew aħjar iċ-ċens li kien jidħol minnhom. Din is-somma maż-żmien saret insinifikanti. Magro kien żejjinha mill-aħjar li seta', u d-devozzjoni lejha tant kibret li kienet tissejjaħ bħala Santwarju.
Meta nbniet din il-knisja Magro kien lesta qabar f’nofs il-knisja. Hu ndifen f’dan il-qabar kif hemm fl-iskrizzjoni fuqu fit-3 ta’ Mejju tal-1722, wara li nqatel minn ħallelin fid-dar li kienet tinsab biswit il-knisja.
Il-Knisja minn barra
Il-faċċata ta’ din il-knisja għandha 4 pilastri ta' stil Doriku li jerfgħu entablatura li fuqha hemm pediment triangolari maqsum u fin-nofs pediment ieħor ta' stil ta' Vignola. Il-bieb li hu kwadru għandu pediment ieħor ta' stil Vignola u fil-blata tiegħu għandu skrizzjoni li ggib l-ewwel vers tal-Magnificat, jiġifieri "Magnificat Anima Meam Dominum". Tieqa barokka tinsab fuq il-bieb, waqt li tnejn oħra jinsabu fil-ġenb tiegħu. Mal-faċċata tal-kappella nsibu wkoll xi graffiti, fosthom xini u xi ħwejjeġ oħra.
Sfortunatament il-faċċata tinsab f’kundizzjoni ħażina, u għandha bżonn tingħata attenzjoni immedjata.
Il-knisja minn ġewwa
Il-kappella għandha pjanta rettangolari, msaqqfa b'saqaf troll bil-kaxxi u b'kor li ġej għan-nofs tond. Dan hu magħluq b'balavostri baxxi. Il-kwadru titulari, xogħol ta' Suor Maria De Dominicis li kienet alljeva ta' Mattia Preti, kien jinsab fi prospettiva mill-isbaħ, magħmula minn żewġ kolonni mibrumin ta' stil Korintu li jerfgħu l-entablatura li f'nofsha jinsab anġlu jżomm 'cartouche' b'iskrizzjoni. Aktar 'il fuq naraw raffigurazzjoni tal-Ispirtu s-Santu mdawwar minn raġġiera u żewġ anġli oħra bilqegħda fuq żewġ nofsijiet ta' pediment segmentali maqsum.

Fil-ġenb tat-titular kien hemm żewġ kwadri ta' San Bartilmew u San Ġwann tas-Salib. L-apside ta' fuq kien impitter b'disinji ta' fjuri u weraq. Mal-ħitan tal-ġenb tal-kappella hemm 6 niċeċc li kien fihom pitturi ta' San Pawl, Sant’Anna, il-Madonna tal-Ħniena, il-Kruċifissjoni, it-titular il-qadim tal-Viżitazzjoni u statwa tal-ġebel ta' Sant’ Antnin. Dawn il-kwadri li semmejna m’għadhomx jinsabu f’din il-knisja minħabba raġunijiet ta’ sigurta. Il-kwadru tituari illum jinsab fis-sagristija tal-Knisja Parrokkjali ta’ Ħaż-Żebbuġ.
Jidher li għalkemm din il-knisja kienet iddedikata lill-Vizitazzjoni ta’ Marija Santissima lill-qariba tagħha Eliżabetta, kien hemm fiha wkoll devozzjoni kbira għal Sant’Antnin ta’ Padova. Kif diġa semmejna fil-knisja kien hemm statwa ta’ dan il-qaddis. Quddiemu ż-Żebbuġin kienu jixgħelu ħafna xemgħat. Tant kienet kbira din id-devozzjoni li għal xi zmien din il-kappella kienet magħrufa wkoll bħala l-Knisja ta’ Sant’Antnin.
Fatt storiku marbut ma’ din il-kappella
Ħdejn din il-knisja kien hemm post tal-għassa u mal-ġenb tal-knisja nsibu dak li jissejjah "it-torri tal-misħun" għax minn dik l-ispeċi ta' gallerija kien jintefa' l-misħun jew żejt jagħli fuq l-għadu. Ta' min isemmi li fi zmien l-imblokk tal-Franċiżi hawnhekk seħħet ġlieda qalilia bejn il-Maltin u l-Franċiżi.
Il-Knisja ivvandalizzata u fi stat ħazin ħafna
Hija ħasra kbira li din il-knisja tinsab fi stat ħażin ħafna. Kif diġa semmejna minn barra l-faċċata għandha bżonn li jsirilha xogħol immedjat ta' restawr għax fit-tieqa tagħha hemm ġebel li wasal biex jiġġarraf. Minn ġewwa s-sitwazzjoni żgur li mhix aħjar. Xi snin ilu kamra maġenb il-kappella inagħtat in-nar minn xi vandali u dan kompla sejjer fil-kappella li għamel ħsara kbira.
Kif spjegajna iktar il-fuq il-kappella għandha arkittetura mill-isbaħ, imma minħabba l-ħruq li sar u l-abbandun li qegħda fih dan kollu jista' jintilef. It-tieqa hi miftuha u għalhekk il-knisja hi esposta għall-elementi u għal xi vandali li kif ġara fl-imgħoddi li jistgħu jerġgħu jidħlu mingħajr ebda xkiel u jagħmlu aktar ħsara u affarjiet li żgur ma jagħmlux ġieħ lil tempju ddedikat lill-Madonna. Forsi qed nistennew li din il-knisja tispiċċa fl-istess stat bħal dik ta' Santa Ċeċilja f'Għajnsielem biex forsi wieħed jiċċaqqlaq biex jintervjeni ?
L-appell tagħna hu li din il-knisja tant sabiħa għandha tiġi rrestawrata minnufih għax żgur li hu ta’ għajb kbir li nħallu gawrha bħal din mitluqa b’periklu li tiġġarraf għal dejjem.

Kitba © Roderick Busuttil. Dettalji arkittetoniċi ta’ Anthony M. Brincat. Ritratti © Caroline Camenzuli u Anthony M. Brincat

L-aħħar tibdil sar
03 August 2010
Sit mibni minn
Noel Ciantar
© 2007, 2008, 2009

