Visti Pastorali u Appostoliċi fi żmien
il-Kavallieri ta’ San Ġwann
Qabel il-Konċilju ta’ Trentu (1545 sa 1563), l-Isqfijiet li kellhom Malta taħt idejhom qajla kienu jersqu ‘l hawn minħabba diversi raġunijiet. Kienu jgħixu fi Sqallija, li kien post b’anqas periklu minn Malta peress li Malta ta’ spiss kienet tiġi attakkata mill-furbani. Barra minn dan Malta kienet biss wieħed minn għadd ta’ benefiċċji li seta’ jkollhom dawn l-Isqfijiet u għalhekk ma kellhomx inċentiv li joqgħodu hawn b’mod permanenti. Kien hemm min ġieli żar Malta imma din kienet xi ħaġa mhux regolari. Il-Konċilju ta’ Trentu u l-miġja tal-Ordni ta’ San Ġwann f’Malta ftit snin qabel biddlu dan kollu.

Il-Konċilju ta’ Trentu
Dan il-Konċilju kien id-19-il Konċilju Ekumeniku tal-Knisja Kattolika. Kien beda bħala r-risposta tal-Knisja Kattolika għall-Protestanteżmu, l-aktar dak Ġermaniż ta’ Luteru. Dam ftit biex inagħta l-ħajja minħabba intriċċi politiċi tal-mexxejja Ewropej kif ukoll minħabba l-letarġija għat-tibdil li kienet tirrenja fil-Knisja tas-seklu sittax.
Il-Konċilju sar fi Trentu fl-Italja u sar fi tlett sessjonijiet taħt tlett Papiet differenti, jiġifieri bejn l-1545 u l-1547 taħt Papa Pawlu III, bejn l-1551 u l-1552 taħt Papa Ġulju III u bejn l-1562 u l-1563 taħt il-Papa Piju IV. Il-Papa Piju IV għalaq u kkonferma d-digrieti kollha tal-Konċilju fl-1564. L-attendenza għall-Konċilju ħafna drabi kienet kemxejn fqira u ġeneralment iddominata mid-delegati klerikali Taljani u Spanjoli. Id-digrieti tal-Konċilju ma ġewx infurzati f’kull pajjiż mill-ewwel jew indaqs u fi Franza, il-mexxejja politiċi lanqas biss irrikonoxxewhom.
Papa Pawlu III Papa Ġulju III Papa Piju IV



L-impatt tal-Konċilju ta’ Trentu fuq il-Knisja Kattolika
Fejn tidħol materja ta’ Duttrina, il-Konċilju reġa’ afferma l-eżistenza tas-seba’ Sagramenti, id-Duttrina tat-Transubstanzazzjoni, il-Pugatorju, il-ħtieġa tas-Saċerdozzju u d-Dutrina tal-Ġustifikazzjoni mhux biss bil-Fidi imma wkoll bl-egħmejjel. It-Tradizzjoni inagħtat importanza daqs l-Iskrittura bħala sors ta’ tagħlim, bil-Knisja żżomm il-prerogattiva ta’ kif għandha tiġi nterpretata l-Bibbja. Il-Konċilju ipprojbixxa wkoll it-tqarbin biż-żewġ speċi għall-lajċi għajr jekk ma jkunx hemm permess mill-Papa n-nifsu.
Inżammu wkoll l-użanzi taċ-ċelibat u tal-monastiċiżmu u nħargu digriet dwar l-Indulġenzi, ir-Relikwi u dwar il-qima lejn il-Madonna u l-Qaddisisn. Il-valur tal-pellegrinaġġi u atti ta’ penitenza reġa’ ġie affermat.
Iżda fl-istess waqt il-Konċilju għamel ukoll riforma f’dawk il-prattiċi li l-abbuż tagħhom kien ta bidu għall-Protestanteżimu. Fost id-digrieti li nħarġu u li affetwaw l-aġir tal-Isfijiet ta’ Malta kien hemm ewleni d-digriet li ordna lill
-Isqfijiet biex jgħixu fid-Djoċesi tagħhom u l-kontroll fuq l-ammont ta’ benefiċċji li seta’ jkollhom. Barra minn dan kien hemm attentat ta’ riforma ta’ ċertu ordnijiet monastiċi kif ukoll moviment sabiex il-kleru jkun ta’ stoffa u ppreparat aħjar bit-tagħlim billi kellhom jinfetħu Seminarji f’kull Djoċesi. L-Isqfijiet u l-Kleru ħtieġilhom ukoll li jippridkaw b’mod regolari.
Il-Konċilju ħalla f’idejn il-Papa r-reviżjoni tal-Missal tal-Quddiesa, ir-reviżjoni tal-Brevjarju, il-kompilazzjoni tal-katakiżmu kif ukoll ir-reviżjoni tal-lista tal-kotba projbiti. Inagħtaw ukoll struzzjonijiet fuq il-mużika u l-arti sagra. Fuq kollox, il-Konċilju għaraf lill-Papa bħala l-Vigarju ta’ Kristu fuq l-art.
Dan il-Konċilju ta’ Trentu ta arja ta’ qawmien ġdid fil-Knisja Kattolika u kien hemm tiġdid fost il-kleru u l-lajċi li wassal għal riżultati sustanzjali fis-seklu sbatax.
Il-Viżta Appostolika ta’ Monsinjur Dusina
Kien f’dan iż-żmien ta’ tiġdid li Monsinjur Dusina intbagħat f’Malta bħala Viżitatur Appostoliku sabiex jirrisolvi t-tilwima li kienet inqalgħet bejn il-Gran Mastru G.M. Jean de la Cassiere u l-Isqof Martino Royas. Il-Gran Mastru, iżda, wara ntebaħ li wara l-miġja ta’ Dusina dik li kienet ġlieda għall-poter bejn il-Gran Mastru u l-Isqof issa saret ġlieda għall-poter bejn tlieta għax daħal ukoll l-Inkwiżitur fin-nofs, li xogħolu kien li jipproteġi l-Fidi.
Il-Viżta Pastorali ta’ Mons. Dusina bdiet nhar il-21 ta’ Jannar tal-1575, jiġifieri tnax-il sena biss wara li kien intemm il-Konċilju ta’ Trentu fl-1563. Beda mill-Katidral tal-Imdina u mbagħad dar l-430 knejjes u kappelli li kienu jeżistu, waħda waħda, fi żmien xaharejn. Ordna li jsiru tiswijiet strutturali, li jitgħattew il-fonti tal-magħmudija u li jinżammu ndaf u fejn kien hemm knejjes imġarrfin ordna li jsir salib tal-ġebel minflokhom. Hu ta struzzjonijiet biex id-deċiżjonijiet tal-Konċilju ta’ Trentu jiġu attwati, fosthom dawk dwar l-imġieba tas-saċerdoti u dwar il-magħmudijiet li kienu għadhom isiru bl-immersjoni (jiġifieri bir-rit Biżantin) f’xi nħawi.
Hu iddekonsagra (iddesakra) 59 knisja, li 13 minnhom kienu f’Għawdex. Dan sar fejn jew il-knisja ma kelliex dħul biżżejjed għall-ħtiġijiet tagħha jew kienu fi stat ħażin wisq biex isir il-quddies fihom b’mod dinjituż.
Iż-żjara ta’ Dusina mhix strettament Viżta Pastorali għax Mons. Dusina ma kienx l-Isqof ta’ Malta. Iż-żjara tiegħu iżda hija mportanti għax tagħti fid-dettall l-istat tal-Knisja f’Malta fis-seklu sbatax. Tagħti wkoll tagħrif iddettaljat dwar prattiċi oħra soċjali li kienu jsawwru l-ħajja tal-Maltin. Minn żmien Dusina wkoll bdew jinżammu kotba u dettalji ta’ kull magħmudija, mwiet u żwieġijiet li jsir fil-knejjes Maltin. Serviet ukoll ta’ mudell għall-Żjajjar Pastorali sussugwenti li saru mill-Isqfijiet ta’ Malta.
Il-Konċilju ta’ Trentu kien talab li l-Isfijiet kellhom jagħmlu Żjara Pastorali fid-Djoċesi tagħhom darba fis-sena jew almenu mhux anqas minn darba kull sentejn. Ħafna drabi lanqas dan ma kien possibbli iżda li hu żgur hu li żjarat bħal dawn bdew isiru b’mod aktar regolari. Id-dokumentazzjoni ta’ dawn iż-żjarat, kif ukoll ir-reġistri parrokjali li semmejna għalhekk huma sors primarju ta’ nformazzjoni għar-riċerkatur li jkun irid jistħarreġ is-soċjetà fiż-żmien ta’ meta tkun saret iż-żjara.
Żjarat pastorali li huma dokumentati qed jinagħtaw fil-lista hawn taħt.
|
Kitba © Noel Ciantar. Lista miġbura minn “History of the Church in Malta” ta’ Mons. Prof. Arturo Bonnici. Illustrazzjonijiet mill-Internet

L-aħħar tibdil sar
03 August 2010
Sit mibni minn
Noel Ciantar
© 2007, 2008, 2009

