KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Ritratt - Caroline Busuttil

San Nikola u Santa Luċija
~ Rabat ~

Fl-imgħoddi xi nobbli u xi kavallieri sinjuri kienu jibnu xi kappella għall-użu personali tagħhom u ta' qrabathom. Dan kien isir għal diversi raġunijiet fosthom l-iktar komuni biex fihom jindifnu huma jew membri tal-familja tagħhom. Raġunijiet oħra kienu biex juru d-devozzjoni li kellhom għal xi qaddisin partikolari kif ukoll għal raġunijiet ta' prestiġju, għax li jkollok kappella privata tiegħek kienet tfisser ħafna f'dawk iż-żminijiet. Kien għalhekk iżommu wkoll id-dritt li jaħtru r-retturi tagħhom huma stess.  Għalkemm ma kienux jappartjenu lill-knisja, dawn il-kappelli xorta kien isirilhom żjarat pastorali sabiex jiġi aċċertat li dawn il-kappelli kienu qed jinżammu fi stat tajjeb biex isir il-quddies fihom. Dawn it-tip ta’ kappelli privati jissejħu ġuspatronat

Meta kienet issir żjara pastorali, l-isqof kien jibgħat l-atti taż-żjara lill-Kurja (jew ekwivalenti) iżda kienet tinagħta wkoll kopja tar-rapport biex tinżamm fl-arkivju tal-parroċċa li taħtha kienet taqa' l-kappella. Fil-każ tal-kappelli privati jew ġuspatronat, din il-kopja kienet tinagħta lis-sid u għalhekk dawn ġieli ntilfu. Iżda fl-atti oriġinali tal-isqof tinsab l-informazzjoni kollha fuq dawn il-kappelli wkoll.

Waħda minn dawn il-kappelli privati hija dik iddedikata lil San Nikola u Santa Luċija li tinsab fil-lok imsejjaħ Ġnien il-Far, fit-triq li mill-Buskett tagħti għall-Girgenti, fil-limiti tas-Siġġiewi. Dan il-maqdes jinsab eżattament qrib ħafna tal-Palazz Verdala, fil-limiti tar-Rabat. Għal din ir-raġuni hemm diffikulta jekk din il-kappella tagħmilx mar-Rabat jew inkella mas-Siġġiewi. Aħna qed nikklassifikaw din il-kappella bħala waħda li tagħmel mar-Rabat sakemm ma ninagħtawx informazzjoni aktar preċiża.


Ritratt - Caroline Busuttil


Oriġini tal-kappella

Ħadd ma jaf eżatt meta nbniet l-ewwel knisja. Li hu żgur hu li kienet diġa mibnija fl-1575, għaliex Monsinjur Pietru Dusina f’dik is-sena, għamel viżta pastorali fir-Rabat, u semmiha fir-rapport tiegħu.  Hu qal ukoll, li kien hemm żewġ knejjes imissu ma’ xulxin u hu għaqqadhom u għamilhom knisja waħda. Din il-kappella ħelwa, li hi propjetà tal-familja Testaferrata Viani, inbniet darbtejn. Nafu wkoll fiż-żgur li din il-kappella kienet ġiet ittraskurata u waqgħet.  Fl-1706 reġgħet inbniet min ċertu Agostin Agius.

Skont rapport li għamel l-isqof Davide Cocco Palmieri fil-viżti pastorali li għamel fir-Rabat bejn l-1708 u l-1710 qal li din il-knisja kienet miżmuma tajjeb, u li kellha altar wieħed tal-ġebel. Din il-kappella kellha ikona skambell tal-injam bi xbieha tal-Madonna bil-Bambin, San Nikola u Santa Luċija. Quddiemu kien hemm imdendel lampir bil-lampa. Din il-kappella kellha l-obligi li jinxtegħel il-lampier kull nhar ta’ Sibt, u li jsir il-quddies fil-festi ta’ San Nikola u Santa Luċija. Dan kien ħallas għalihom ċertu Agostin Agius fis-sena 1651.

Qabel il-gwerra, l-Kleru tar-Rabat kien ikanta l-vespri u jqaddes quddiesa f’din il-kappella fis-6 ta’ Diċembru, fil-festa ta’ San Nikola, u fit-13 ta’ Diċembru fil-festa ta’ Santa Luċija.

Fi żmien it-tieni gwerra dinjija din il-knisja serviet bħala ċentru ta’ refuġju, għal numru ta’ refuġjati. Fost dawn kien hemm familja mir-Rumanija. Insibu li fl-1941, tfajla ta’ erbatax-il sena minn din il-familja inqatlet minn bomba tal-ajruplani Ġermaniżi li kienet waqgħet qrib tal-kappella. Il-kappella tgħeżżet iżda ma ġarbet l-ebda ħsara fil-kostruzzjoni tagħha. Iżda l-kwadru titulari ġarrab ħsarat kbar, tant hu hekk li kellu jiġi mneħħi. Dan il-kwadru kien juri lill-Madonna b’Ġesù Bambin fi ħdanha u San Nikola u Santa Luċija bil-wieqfa fil-ġnub fil-parti t’isfel tal-kwadru. F’din il-pittura kien hemm ukoll l-arma ta’ Agostin Agius li bena l-kappella.

Fl-1944 din il-kappella għaddiet f’idejn il-patrijiet Agostinjani biex jieħdu ħsiebha. Wara, għamlet xi żmien mitluqa, u fl-1960 ċertu patri Agostinjan, Patri Rafel Azzopardi, irranġaha u reġa’ berikha. Dan l-aħħar kien isir it-tagħlim tal-katekiżmu mill-fergħa tal-Legion Of Mary tal-Buskett, u kienu jsiru rtiri reliġjużi fiha.

Fis-sittinijiet, din il-kappella kellha bħala kwadru titulari biċċa xogħol mill-isbaħ tal-pittur Malti Ġużeppi Briffa. Dan il-kwadru jiffigura lil Kristu b’idejħ miftuħin u lil San Nikola ta’ Bari u lil San Publiju għarrkubbtejhom quddiemu.  Fil-ġnub ta’ dan il-kwadru hemm żewġ kwadri oħra, wieħed ta’ Santa Luċija u l-ieħor ta’ San Nikola.

Il-kappella illum

Il-kappella, li llum tinsab xi ftit abbandunata, għandha għamla rettangolari u msaqqfa b’saqaf troll għoli li jistrieħ fuq erba arkati li jitilgħu minn fuq gwarniċa għolja li ddur mal-erba’ ħitan tal-kappella.

Din il-knisja għandha altar wieħed tal-ġebel, u quddiemu hemm altar mejda. Fuq l-altar tal-ġebel jidher il-post fejn kien imdendel il-kwadru titulari. Flok il-kwadru titulari, insibu tlett kwadri wieħed ta’ San Nikola, ieħor ta’ Santa Luċija u kwadru ieħor ta’ Santa Rita. F’din il-knisja hemm ukoll set ta’ kwadri żgħar tal-Via Sagra.


Ritratt - Caroline Busuttil


Minnbarra, din il-kappella għandha faċċata sempliċi, imma ħelwa. Fuq il-bieb ewlieni,li qiegħed fin-nofs tal-faċċata, hemm tieqa tonda li qegħda tagħti l-arja u d-dawl lil din il-knisja. Fuq din it-tieqa hemm erba armi. Ta’ fuq nett, hi tal-Gran Mastru Martin De Redin. Taħt, dik tax-xellug, hi tal-Gran Mastru Jean Paul Lascaris Castellar. Ħdejha hemm tal-isqof Balaguer Camarasa, u l-oħra, li qegħda taħt, hija tal-familji Agius u Xerri. Fuq l-arma li l-aktar qegħda fl-għoli, jiġifieri dik tal-Gran Mastru De Redin, insibu salib tal-ġebel.

Fin-naħa t’isfel tal-faċċata hemm żewġ twieqi żgħar li illum huma imbarrati bil-ġebel. Dawn qabel kienu jintużaw biex meta din il-kappella kienet tkun magħluqa, ir-raħħala ta’ dawk l-inħawi kienu jkunu jagħmlu xi talba qasira minn dawn it-twieqi.

Fuq il-parti ta’ fuq, fuq il-ħajt tal-ġenb tan-naħa tax-xellug, hemm kampnar żgħir. Mal-ġnub tal-knisja hemm għelieqi maħduma.

Għeluq

Dan l-aħħar din il-kappella għamlet xi żmien mitluqa, iżda xi żmien ilu għaddiet f’idejn sid ġdid u kien hemm il-ħsieb li tiġi rrestawrata. Iżda sallum (2016) għadu ma sar xejn u din il-kappella tinsab fi stat t’abbandun u fiha ma jsir xejn.
 
Kitba ta’ Joe Brincat
Ritratti ta’ Caroline Busuttil

Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil

Noel Ciantar © 2012-2023    webmaster@kappellimaltin.com