KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Ritratt - Anthony M. Brincat   Kitba ta’ Anthony M. Brincat

Il-knisja tal-Madonna tal-Pilar
~ Valletta ~

Waħda mill-isbaħ knejjes żgħar li nsibu fil-Belt u li ħallewlna l-Kavallieri, hija dik iddedikata lill-Madonna tal-Pilar li hemm fin-naħa t'isfel ta' Triq il-Punent qrib ħafna tal-Auberge d'Aragon u fuq wara tagħha tant li tista’ tgħid huma binja waħda. Triq il-Punent fil-Belt hija dejqa u għalhekk wieħed ma tantx jista’ japprezza l-faċċata ta’ din il-knisja. Ta’ min jgħid ukoll li din il-knisja tal-Pilar tinsab proprju quddiem id-dar fejn fit-12 ta' Frar tal-1880 twieled San Ġorġ Preca.

Oriġini

Din il-knisja nbniet fl-1670 biex tkun il-knisja tal-Kavallieri Aragoniżi u nbniet biswit l-Auberge tagħhom. Bnieha l-Balliju ta' Caspe', Fra Felix Inniquez de Ayerbe. Dan, meta miet fl-1691, indifen kif xtaq fl-istess knisja quddiem l-altar, u fl-1708 neputih żejjen il-qabar tiegħu b'lapida tal-irħam. Hu kien għal erbatax-il sena amministartur tal-Auberge d'Aragon u devot kbir tal-Madonna taħt dan it-titolu.
 

Ritratt - Anthony M. Brincat


Il-leġġenda marbuta mat-titolu "Tal-Pilar"

Il-leġġenda tgħid li l-Appostlu Ġakbu kien imġiegħel mill-Madonna biex imur fi Spanja fil-belt ta' Cesarea Augusta, li aktar tard dan l-isem inbidel f'Saragozza, biex hemm jippriedka l-Fidi Nisranija. Meta kien hemm il-Madonna dehret merfugħa minn qtajja' ta' anġli waqt li oħrajn kienu qed iġorru xbieha tagħha fuq kolonna bajda, li bl-Ispanjol hija “Pilar”. Fil-post tad-dehra inbena Santwarju.  Il-Kavallieri Spanjoli tal-Lingwa ta' Aragona daħħlu din id-devozzjoni f'pajjiżna.
 
Il-knisja tal-lum

Il-kappella li nbniet fl-1670 sofriet ħsarat kbar, speċjalment fil-koppla, fit-terremot li laqat dawn il-gżejjer f'Jannar tal-1693 u għalhekk fl-1718 il-Lingwa ta' Aragona qabbdet lill-perit Taljan Romano Carapecchia biex jerġa’ jibni l-knisja mill-ġdid. Għalkemm ristrett mis-sit li kien dejjaq u mhux fond ħafna hu rnexxielu jagħtina knisja mill-isbaħ bi pjanta oriġinali u b'ħafna dekorazzjonijiet ta' skultura barokka, b'ħafna induratura, fejn tispikka ħafna l-figura tal-anġlu (hemm madwar 70 wieħed) u l-arzella, li hi l-emblema ta' San Ġakbu. Carapecchia, li kien imħarreġ fil-magħrufa Accademia di San Luca tal-Belt Eterna ta’ Ruma, irnexxielu jdaħħal il-Barokk Ruman fil-belt kapitali tagħna, fejn insibu wkoll il-knejjes ta' San Ġakbu, Santa Katerina ta' Lixandra u Santa Barbara fi Triq ir-Repubblika, Santa Katerina tal-Italja u l-Vitorja ħdejn Kastilja.
 

Ritratt - Anthony M. Brincat


Il-faċċata

Il-faċċata tal-knisja hija maqsuma f'żewġ sulari, b'żewġ ordnijiet tal-istil Kompost sovvraposti fuq xulxin. Il-parti tan-nofs tal-faċċata hi maħruġa naqra 'l barra. Fin-naħa t'isfel il-bieb hu ffjankeġjat minn żewġ kolonni ta' stil Kompost u li jerfgħu entablatura u pediment segmentali. Fil-ġenb hemm żewġ niċeċ vojta u pilastri doppji. L-istess narawh fil-biċċa ta' fuq, iżda flok il-bieb hemm tieqa kbira. Fuq kollox insibu pediment triangolari fuq il-wisgħa kollha tal-faċċata. Din kienet faċċata moderna għal dawk iż-żminijiet li bil-mod bdiet tiġi ikkupjataha mill-periti Maltin.

Il-knisja minn ġewwa

Carapecchia għal ġewwa fassal pjanta b'nava kwadra fid-dħul u b'saqaf troll bit-twieqi fil-ġenb, warajha arja ottagonali bil-koppla għolja fuqha, arja oħra rettangolari għall-kor u l-apside għan-nofs tond bl-altar ġewwa fih. Dan il-ġewwieni, kif għidna aktar 'il fuq, hu kollu mżejjen bi skultura mill-isbaħ iżda r-reredos (jew perspettiva) ta' wara l-altar tiżboq kollox. Fuq kull ġenb tal-altar naraw bażi li terfa' par kolonni ta' stil Kompost li fin-naħa t'isfel għandhom gruppi ta' anġli u bejniethom statwi ta' San Ġwann il-Battista u San Ġakbu. L-entablatura ta' fuq il-kolonni hi mimlija skultura u fin-nofs żewġ anġli qed iżommu gwarniċa ovali bi kwadru tal-Missier Etern. Fil-ġnub tiegħu hemm żewġ pedimenti u aktar 'il fuq naraw l-arzella ta' apside mimlija kerubini u skultura floreali. Dan kollu hu ndurat bid-deheb li ġie rrestawrat ftit tas-snin ilu. Fil-ġnub tal-kor hemm żewġ bibien u taħt il-koppla hemm żewġ altari oħra.  Il-knisja hija mdawwla sew.
 

Ritratt - Anthony M. Brincat


Oġġetti tal-arti

F'din il-knisja barra l-iskultura nsibu ħafna xogħol ta' artisti Maltin. Il-kwadru titulari sar minn Stefano Erardi, u juri l-Madonna qed tidher lil San Ġakbu. Fuqu hemm kwadru ovali tal-Missier Etern. Fis-saqaf troll tal-kor Gian Nikola Buhagiar pitter l-Inkurunazzjoni tal-Madonna. Din kienet donazzjoni tal-Gran Mastru Ramon Perellos y Roccaful għax fit-truf tagħha tidher l-arma tiegħu. Fin-nava hemm erba' kwadri kbar li juru t-Twelid tal-Madonna, iż-Żwieġ Tagħha, it-Taħbira tal-Messija u l-Visitazzjoni lil Santa Eliżabetta.

Fuq il-gallarija tal-orgni hemm affesk, li llum ma tantx hu fi stat tajjeb, li juri l-Gran Mastru Perellos qed jilqa' lill-Balliju ta' Maiorca Fra Raimondo de Soler, li hu wkoll kien benefattur tal-knisja, u l-flotta tal-Ordni. Fuq il-vaska tal-ilma mbierek ukoll tidher l-arma tal-Kavallier Soler. Taħt il-gallarija hemm żewġ kwadri oħra ritratti tal-Gran Mastru Perellos u l-Balliju Inniquez. Żewġ kwadri oħra juru lil San Filippu Neri u l-ieħor lil San Alwiġi Gonzaga. L-altari tal-ġnub li saru fil-bidu tas-seklu għoxrin huma ddedikati lill-Qalb ta' Ġesù u lil San Ġużepp.

Fl-1866 f'din il-knisja twaqqaf istitut għat-tagħlim tad-duttrina lill-bniet u l-pittur Taljan Domenico Bruschi pitter kwadru li juri l-Madonna bil-Bambin u żewgt ibniet. F'niċċa naraw statwa żgħira tal-Madonna fuq kolonna tal-irħam. Tal-irħam u sbieħ ukoll huma l-balavostri li jifirdu l-kor mill-kumplament tal-knisja.
 

Ritratt - Anthony M. Brincat


Restawr riċenti

Bil-għan li mkejjen storiċi jkunu rrestawrati u miftuħin għall-pubbliku f’okkażjonijiet diversi, il-Gvern iddeċieda li jgħaddi l-knisja tal-Madonna tal-Pilar lil Heritage Malta, wara li s-Sorijiet Franġiskani ma baqgħux jagħmlu użu mill-istess Knisja u tterminaw il-kirja favur tagħhom.

Fl-aħħar snin tas-seklu li għadda sar ħafna xogħol ta' restawr f'din il-knisja li bih hi reġgħet ħadet lura s-sbuħija kollha tagħha. Dnub li llum ma għadhiex tintuża u rari tkun miftuħa għajr għal xi esibizzjonijiet li kultant isiru fiha bħalma ngħidu aħna dik li kienet saret f’waħda min-"Notte Bianca" ta’xi snin ilu.

Kitba ta’ Anthony M. Brincat
Ritratti ta’ Anthony M. Brincat

Ritratt - Anthony M. Brincat
Ritratt - Anthony M. Brincat
Ritratt - Anthony M. Brincat           Tal-Pilar detail reredos 2
Ritratt - Anthony M. Brincat
Ritratt - Anthony M. Brincat
Ritratt - Anthony M. Brincat
Ritratt - Anthony M. Brincat
Ritratt - Anthony M. Brincat
Ritratt - Anthony M. Brincat
Ritratt - Anthony M. Brincat

Noel Ciantar © 2012-2023    webmaster@kappellimaltin.com