KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Editorjal    

Il-Barbari għadhom magħna …

Meta bdejt naħdem fil-bidu tat-tmeninijiet, ġieli kont niltaqa' mal-iskultur Frans Galea, mir-Rabat u li sfortunatament miet ta' eta żgħira.  Frans kien studja fl-Akkademia di Belle Arti ta' Firenze u dak iż-żmien kien wieħed mill-artisti emerġenti f'Malta bi stil modern li kien sar it-timbru tiegħu.  Xogħol interessanti tassew tiegħu, għal min jinteressah, jinsab fix-xatt tal-Gżira u juru numru tat-tfal żgħar jilgħabu biċ-ċrieki.  Oħrajn jinkludu San Franġisk kif ukoll Madonna fis-Seminarju.

Frans kien jieħu r-ruh meta jarani ma' wiċċu meta kont nizerta xogħol miegħu.  Kien jgħidli li jieħu pjaċir jitkellem miegħi "għax hawn (i.e.:  fejn konna naħdmu) altrimenti jien imdawwar bil-barbari".  Għalkemm kont għadni żgħir fl-età kont nogħxa nitkellem miegħu fuq l-esperjenza tiegħu fl-akkademja.  Fost il-mistoqsijiet li staqsejtu ta' innoċenti li kont kien hemm dik dwar jekk kienx jistudja l-iskultura f'materjali differenti bħal ġebel u njam.  B'nofs daħka qalli li kien studja mhux biss l-iskultura fid-diversi aspetti tagħha iżda wkoll il-pittura, il-kimika, il-fotografija, l-istorja, il-politika, l-arkitettura, il-forma, l-illegar tal-kotba, ir-restawr u pataflun ta' suġġetti oħra li mad-daqqa t'għajn m'humiex relatati mal-iskultura.  Iżda t-tagħlima kienet li l-arti hija attitudni u mhux impjieg.  Imbagħad bdejt nifhem għaliex kien igerger li kien "imdawwar mill-barbari".

F'soċjetà materjalista, pragmatika u utilitarja tal-lum, is-sbuħija tal-arti bħala valur astratt ma tantx iqanqal lill-massa.  Niskanata kif ftit snin ilu ħafna nies riedu li l-Gvern jerġa' jibni it-Teatru Rjal mill-ġdid meta fir-realtà jekk tittella' xi opra li ma tkunx xi Rigoletto jew xi Aida ħadd ma jmur jaraha.  U dan għadni ma bdejtx insemmi mużika aktar speċjalizzata bħalma huma xi Kwartett tal-Korda li ġieli jdoqqu għal nofs teatru.  Iżda f'pajjiż fejn smajt b'widnejja stess wieħed li joqgħod Ħal Tarxien jissuġġerixxi li għandhom jitwettew it-Tempji ta' Ħal Tarxien u minflokhom isir parkeġġ tal-karozzi "għax dak għandna bżonnu iktar illum il-ġurnata" ma niskanta b'xejn.

Il-wirt tal-kappelli huwa wirt artistiku ieħor li ħallewlna missirijietna li ta' min nibżgħu għalih u nippreservawh.  Il-barbari ma jinteressahhomx dan il-wirt storiku u jippreferu li jwaqqawh jew jarawh jaqa' għal dak li huma jsejħu "żvilupp", bħalma qed jiġri lill-kappella ta' San Pietru f'Baħar iċ-Ċagħak fost oħrajn.  Kappelli oħrajn teqridhom it-telqa minħabba nuqqas ta' fondi jew minħabba argumenti bejn partijiet diversi b'aġendi moħbija li jista' jkollhom.  Sfreġju ieħor isir minn tabelli u wires imwaħħlin mal-binja jew bini li jitgħatta b'siġar.  Iżda l-akbar qerda tiġi żgur min-nuqqas t'għarfien fost in-nies tal-importanza ta' dawn il-kappelli fl-istorja arkitettonika ta' Malta kif ukoll fit-tiswir tal-identità tagħna l-Maltin fl-istorja bħala pajjiż Ewropew Kattoliku.

Iżda mhux kollox mitluf.  Soċjetajiet bħall-Għaqda Ħbieb il-Kappelli Maltin, li issa reġgħet għandha Kumitat ġdid li jiffunzjona, jgħinu biex iqajjmu għarfien fost il-poplu dwar dan il-wirt u bil-mod il-mod jipperswadu lill-awtoritajiet jieħdu azzjoni.  Għalkemm m'għandhomx is-saħħa bħal għaqdiet oħra bħal Heritage Malta u oħrajn, iridu jkunu huma li jxerrdu l-imħabba lejn dan il-wirt fost il-Maltin b'attivitajiet, press releases, tagħlim, dehriet u kitbiet fuq il-mezzi tax-xandir u lobbying mal-awtoritajiet.  Bħall-Papa Ljun il-Kbir, iridu jirbħu l-battalja kontra l-Barbari bil-persważjoni u d-diplomazija u mhux bis-saħħa tad-driegħ u l-armi.  B'nies u għaqdiet bħal dawn, forsi kieku kien għadu jgħix illum, Frans Galea, li miet fl-14 ta' Frar 1994, kien ikollu anqas għalfejn igerger li "jinsab imdawwar mill-barbari" għax f'dan l-aħħar snin qed nerġgħu naraw għarfien ġdid ta' dak il-wirt tagħna li għandu jkun għażiż għalina u għal dawk li jiġu warajna.

Inselli għalikom,

Noel Ciantar
webmaster@kappellimaltin.com

Noel Ciantar

 

Editorjal2
Frans Galea jahdem fuq San Frangisk
Frans_Galea_Gzira_-_Triq_Ix-Xatt_06_ies

Noel Ciantar © 2012-2023    webmaster@kappellimaltin.com