KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Is-Santwarju tal-Madonna
tal-Ħniena
~ Qrendi ~

Ritratt - Noel Ciantar

Is-Santwarju tal-Madonna tal-Ħniena jinsab fil-parti l-antika tal-Qrendi.  Ta’ min jgħid illi peress li din l-knisja nbniet fl-1250, hija waħda mill-iżjed knejjes antiki f’Malta.  Sa miż-żminijiet bikrin tat-tlettax il-seklu, meta raħal ċkejken ta’ Ħal Lew kien għadu jagħmel parti miż-Żurrieq, inbniet l-ewwel knisja. Uħud jgħidu li l-ewwel knisja kienet sfat sakkeġġjata mit-Torok. Tal-Ħniena kienet saret Viċi-Paroċċa meta ż-Żurrieq kien sar paroċċa u din kinet isservi għall-bżonnijiet spiritwali tar-residenti ta’ dik l-akkwata.
 

Ritratt - Darren Zerafa


Il-knisja ipprofanata

Meta Monsinjur Dusina żar dan ir-raħal sab tlett knejjes żgħar, li l-ewlenija minnhom kienet dik iddedikata lill-Madonna tal-Ħniena.  Monsinjur Dusina fiż-żjara tiegħu sab lil din il-kapella fi stat ħażin ħafna, tant illi ordna li tingħalaq sakemm isir ir-restawr meħtieġ.  Il-knisja jgħidu li ħadet dan l-isem “tal-Ħniena” meta xterdet id-devozzjoni lejn il-Madonna b’dan l-isem wara dehra mirakoluża li saret f’Savona fl-1536.  Oħrajn jgħidu li l-isem ġej minn “Della Mercede” jiġifieri tar-Redenzjoni, tal-ħelsien tal-ilsiera.

Il-knisja tiġi rranġata mill-ġdid

Fil-15 ta’ Frar tal-1618, l-isqof Calgiares qata' ż-żewġ irħula ċkejknin ta’ Ħal Lew u Ħal Manin mill-paroċċa taż-Żurrieq biex twaqqfet il-paroċċa l-ġdida tal-Qrendi. Għalhekk minn dak iż-żmien il-knisja tal-Madonna tal-Ħniena saret parti mill-Qrendi.  Fl-1650, Giovanni Schembri, wieħed għani mill-Qrendi, kien ħa ħsieb jirrestawra minn flusu dan is-Santwarju kif kien jixraq lix-xbieha devota ta’ Sidtna Marija meqjuma fl-istess Santwarju.  Dan ifisser li l-knisja li għadna naraw sal-lum tmur lura għas-sena 1650.

Id-devozzjoni lejn l-Madonna tal-Ħniena

Id-devozzjoni kbira li kienet tgawdi din il-knisja tidher mill-ħafna kwadri tal- wegħda jew “ex-voto”, li hemm imdendlin fiha.  Il-Kommendatur Abela jikteb li l-fidili kienu jiġu minn kull naħa tal-gżira biex iżuru lil din l-knisja, minħabba l-grazzji kbar li kienu jinqalgħu.  Achille Ferres jikteb li dan is-Santwarju kien l-aktar wieħed devot, wara biss dak tal-Mellieħa.

Fost il-benefatturi kbar tagħha, apparti lil Giovanni Schembri, insibu wkoll lil Dun Ġammarė Camilleri u benefattur kbir ieħor tal-knejjes żgħar f’Malta, il-Balliju Fra Wolfgang Filippu von Guttenberg.  Dan ta’ l-aħħar fost oħrajn għen fir-restawr tal-knisja tal-Kunċizzjoni fl-Imsida u dik tad-Duluri f’Tal-Pieta’.  Fl-1668 żdidet sagristija sempliċi imma ħelwa mal-kumpless.  F’din is-sagristija nsibu ħafna affarjiet prezzjuzi, fosthom pittura tal-kurċifiss xogħol ta’ Suor Marija de Dominicis, u kwadru ieħor tal-Maddalena, li hu jew xogħol ta’ Mattia Preti jew ta’ xi alljev tiegħu.  Von Guttemberg jidher li ta għajnuna biex tinbena din is-sagristija għax fuq it-tieqa tagħha nsibu l-arma tiegħu.  Ħafna kwadri u ornamenti oħra li hemm fil-knisja ukoll iġibu l-arma jew xi skrizzjoni ta’ dan il-benefattur. Fost dawn hemm fonti sabiħ tal-ilma mbierek b’forma ta’ arzella li jġib id-data tal-1769, flimkien mal-arma ta’ von Guttenberg.

Ta' min isemmi li Guttenberg kien bena ukoll dar għalih ħdejn din il-knisja. Jekk wieħed iħares lejn din id-dar jinnota muxrabija mal-faċċatta tagħha, li kienet speċi ta' tieqa li kienet ssir normalment għal sigurta aktar milli għal xi ħaġ'oħra.  Din kienet tippermetti lil dak li jkun ġewwa li jħares 'il barra bla ma jkun jidher minn barra (bl-ingliz "spyhole"). B'hekk wieħed kien ikun jista' jgħasses id-dar jew l-uċuħ tar-raba tiegħu fil-madwar.

Opri tal-arti fil-knisja tal-Ħniena

L-ewwel li jolqtok fil-knisja tal-Ħniena huma l-koppla u l-portiku sabiħ imżejjen bl-istatwi. Il-portiku jidher li nbena aktar tard mill-knisja li naraw llum.  Fuqu hemm żewġ kampnari ta’ daqs differenti.  L-istatwi fil-portiku, li kull waħda minnhom hija magħluqa f’arkata, huma ta’ Sant’Injazju, San Gejtanu, San Duminku u San Frangisk filwaqt li fil-ġenb tal-knisja hemm żewġ statwi oħra, waħda ta’ San Pawl u l-oħra ta’ San Ġwann il-Battista.  Fil-pjazza hemm statwa sabiħa tal-Madonna.  Iż-żewg twieqi ta’ quddiem li huma mbarrati bil-ħadid imsallab, u 'l ġewwa mill-ħadid t-tnejn fihom toqba fil-ħoġor biex fiha jissawwab iż-żejt, u xaqq żgħir għall-flus.
 

Ritratt - Rayden Mizzi


Wieħed ukoll jista' jara ħawt tal-ilma maġenb wieħed mill-pilastri li jżommu l-portiku, li fuqu hemm imnaqqxa d-data 1873.  Dan kien sar għal dawk il-pellegrini li kienu jżuru dan is-Santwarju, biex ikollhom ilma frisk minn fejn ikunu jistgħu jixorbu wara mixja twila biex jaslu.

Il-knisja minn ġewwa kellha ħafna opri tal-arti ġo fiha.  Fil-knisja nsibu tlett altari.  L-altar prinċipali huwa rikk ħafna bi skultura fil-ġebel.  Il-prospettiva turi ħafna anġli u tnejn minnhom jidhru jżommu l-kwadru titulari, waqt li tnejn oħra jinsabu fuq il-kwadru u jidhru jzommu kuruna li ħa tiqiegħed fuq ir-ras tal-Madonna. Il-kwadru titulari jirrapreżenta lil Sidtna Marija Assunta bil-Bambin f’idejha bil-qegħda fuq il-qamar, imdawwra b’ħafna anġli. Fuq in-naħa tal-lemin jidher San Gejtanu bi ktieb miftuħ f’idu u fuq n-naħa tax-xellug hemm xi erwieħ.  L-artist ta’ dan il-kwadru sabiħ hu Gużeppi D’Arena, pittur magħruf Malti.

Ritratt - Hajr Qrendi Scout GroupKwadri uniċi f’din il-knisja

Fil-knisja kien hemm ammont kbir ta’ kwadri, xi 65 b’kollox.  Fil-fatt ħafna mill-kwadri li ser nsemmu kellhom jitneħħew mill-knisja, minħabba raġunijiet ta’ sigurta, għax li għal xi żmien kien qed isir ħafna serq minn knejjes simili. Fost dawn, apparti t-titular t’Arena, konna nsibu kwadru sabiħ ħafna ta’ Sant’Antnin ta’ Padova li jidher qed jirċievi lil Bambin Ġesų, imdawwar bl-anġli.  Dan il-kwadru ġie attribwit għal pittur magħruf Rokku Buhagiar. Miż-żjara tal-isqof Alpheran de Bussan jidher li l-festa ta’ Sant’Antnin kienet tiġi ċċelebrata kull sena f’din il-knisja.

Ritratt - Hajr Qrendi Scout GroupF’pittura oħra nsibu lil San Pietro Nolasco, San Raimondo de Pennafort u Jacobus, l-ewwel Re ta’ Aragona, li lilhom kienet dehret il-Madonna fit-tlettax-il seklu u li flimkien waqqfu l-kongregazzjoni “De Mercede redemptionis captivorum”, jiġifieri "tal-Ħniena tal-maqbudin".

Kwadru ieħor interessanti ħafna, li jidher li m’hawnx ieħor bħalu f'Malta u f'Għawdex hu dak l-hekk imsejjaħ tal-“Awżiljaturi” jew tal-għajnuna. Fih hemm erbatax-il qaddis li jħarsu mill-mard u mill-għawdx. Dawn il-qaddisin li nsibu f’dan il-kwadru uniku huma:

Ritratt - Hajr Qrendi Scout GroupSan Blas, li jħares mill-mard tal-grieżem, San Ġorġ, mill-mard tal-ġilda, San Erażmu mill-mard tal-imsaren, San Pantaljun, mit-tuberkolożi, San Vitu, mill-ballu San Vitu u gdim valenuż, San Kristofru mill-vjaggi u tempesti, San Djonisju, mill-possessjoni tax-xitan, San Ċirjaku, mill-mard tal-għajnejn, San Akaċju, mard tar-ras, San Ewtakju mill-ħruq, San Eġidju, mill-ġenn u għajn, Santa Margerita minn mard tal-kliewi u għajnuna waqt il-ħlas, Santa Barbara mis-sajjetti u mill-mewt zobtu u Santa Katerina, studju tal-filosofija.

Kwadru ieħor rari, li ieħor bħalu jinsab fis-sagristija tal-knisja Tal-Mirakli f’Ħal Lija, jirrapreżenta “s-seba’ rjus tad-dnubiet l-mejta”. Dan il-kwadru juri bniedem midneb mgħammad marbut bill-ktajjen minn idu u siequ li jidher qed jiġi mkaxkar minn figura ta’ xitan bil-ġwienaħ.

 Kif semmejna qabel peress li din il-knisja kellha devozzjoni kbira fiha konna nsibu għadd ta’ kwadri “ex-voto” li jmorru lura fiż-żmien.  Fost dawn insibu kwadri ta’ ringrazzjament lill-Madonna talli qalgħet grazzji lil nies li kienu morda u fiequ, oħrajn ta’ nies li ħelsuha mill-passa tal-ġdim tal-1676 u kwadri rregalati minn nies li ħelsuha mill-għarqa waqt xi tempesta.  Dawn il-kwadri jinsabu mdendlin mal-ħitan tal-knisja.

Ritratt - Darren Zerafa
Ritratt - Darren Zerafa
Ritratt - Darren Zerafa
Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Noel Ciantar

Ritratt - Noel Ciantar

Ritratt - Noel Ciantar

Ritratt - Noel Ciantar

Ritratt - Noel Ciantar

Iktar opri tal-arti

Apparti l-ħafna pitturi sbieħ, xi wħud ukoll uniċi kif rajna, li l-knisja tal-Ħniena hi mżejna wkoll b’opri oħra tal-arti.  Kien hemm gallerija tal-għuda fejn dari kien jinżamm l-orgni, konfessjonarju tas-seklu tmintax skolpit u ddekorat b’tiżjin ta’ dik l-epoka u xi statwi.  Fil-knisja kien hemm statwa tar-Redentur li nxtrat mill-Isla iktar minn mitt sena ilu u li sal-lum għadha tinħareġ b’purċissjoni fil-Qrendi matul iż-żmien tal-Ġimgħa Mqaddsa. Statwa oħra li kienet magħluqa f’niċċa tal-injam hi dik tal-Qalb Imqaddsa ta’ Marija fuq stil Spanjol li tinsab fuq n-naħa tal-lemin tal-altar.  Din l-istatwa ingħatat ukoll mill-benefattur kbir ta’ din l-knisja von Guttenberg.

Dun Ġorġ Preca u l-knisja tal-Madonna tal-Ħniena

Jidher illi Dun Ġorġ Preca, il-qaddis Malti, kien jiġbor hawnhekk iż-żgħażagħ tal-MUSEUM minn Malta kollha għall-programm ta’ San Mikiel.

Indulġenzi u żjarat fil-knisja tal-Ħniena

B’digriet tat-18 ta’ Marzu 1695, il-Papa Innoċenz 12 żejjen b’indulġenzi din il-knisja.  Dan sar fuq talba tal-Kapillan Dumink Formosa.  Il-ħeġġa ta’ dan il-qassis kienet il-kaġun tal-mewt tiegħu.  Biex iħeġġeġ lill-parruċċani tiegħu biex jaħdmu fil-bini tal-knisja l-ġdida, dik ta’ Santa Marija Assunta, kien tela b’kantun fuq spalltu fuq sellum għoli, u kif wasal fil-quċċata, żelaq, waqa' u miet.  Dan l-inċident traġiku ġara fl-1699.

Ritratt - Rayden Mizzi Ta’ min isemmi li din l-knisja bħal ħafna oħrajn kellha diversi żjarat minn isqfijiet u żjarat appostoliċi.  Apparti dik tal-1575 minn Monsinjur Dusina li kien ipprofanaha minħabba l-istat ħażin li kienet fiha, jidher li l-isqof Molina sabha f’kundizzjoni ferm aħjar għax fit-3 ta’ Mejju tal-1679 irrefera għaliha bħala ta’ Sidtna Marija tal-Grazzji, minħabba l-grazzji li kienu jinqalgħu.  Żjara oħra li kienet saret kienet dik tal-isqof Alpheran de Bussan li kien beda b’din il-knisja fl-1745 meta għamel żjara pastorali fil-Qrendi. Hu kien ġie milqugħ minn Dun Ġorġ Hellul.

Il-knisja llum

Riċentement f'din il-knisja beda xogħol ta' restawr mill-organizzazzjoni non-governattiva Din l-Art Ħelwa.  Wieħed jawgura li x-xogħol ta' restawr jerġa' jagħti lil din il-knisja d-dehra imponenti li kellha fil-passat.  Il-ħafna kwadri li semmejna f'din il-kitba bħalissa tneħħew minn din il-knisja u ttieħdu lejn il-knisja parrokkjali tal-Qrendi, iżda mhux qegħdin f’post fejn jistgħu jitgawdew.  Wieħed jistenna li wara li jitlesta x-xogħol ta' restawr dawn jerġgħu jitqegħdu f'posthom, ħalli jkunu jistgħu jerġgħu jibdew jitgwadew mill-ħafna devoti ta' dan is-Santwarju Marjan.


Kitba ta’ Roderick Busuttil
Ritratti ta’ Noel Ciantar, Darren Zerafa u Reyden Mizzi, Luke Ciantar u Qrendi Scout Group.  Ir-ritratti minn www.qrendiscouts.org użati bil-permess tal Webmaster David Schembri.

Ritratt - Rayden Mizzi
Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Rayden Mizzi
Ritratt - Luke Ciantar

Noel Ciantar © 2012-2023    webmaster@kappellimaltin.com