KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

San Ġwann t’Għuxa
~ Bormla ~

Ritratt - Joe Brincat

Waħda mill-iżgħar knejjes ta’ Bormla hija bla dubju ta’ xejn dik ta’ San Ġwann t’Għuxa jew San Ġwann l-Elemożinier. Sa ftit taż-żmien ilu, ftit kienu dawk li jgħaddu minn ħdejn din il-knisja, għax dawn l-akwati kienu disabitati. Iżda llum minħabba l-iżvilupp kbir li sar f’din in-naħa ta’ Bormla, ħafna huma dawk in-nies mill-inħawi tal-Kottonera li marru joqgħodu fil-qrib ta' din il-knisja.

Ħafna wkoll huma dawk li meta jkunu sejrin lejn il-Belt Valletta jgħaddu bil-karozza tal-linja minn quddiem din il-knisja antika u storika.


Ritratt - Joe Brincat


Il-knisja l-antika


Flok il-knisja li hemm illum, fiż-żmien kien hemm oħra li kienet qadima ferm. Tant kienet antika li kellha l-arma tal-isqof Antonio Vulpano, li kien Isqof ta’ Malta bejn is-snin 1375 u 1392.  Ma' din il-knisja kien hemm dar bil-ġnien. Din id-dar kien joqgħod fiha eremit.

Dik il-knisja l-antika kienet tagħmel mal-parroċċa tal-Gudja, u meta fis-sena 1593 twaqqfet il-paroċċa ta’ Ħal Tarxien, dik il-knisja antika spiċċat tagħmel taħt il-ġuriżdizzjoni tal-kappillan ta' dan ir-raħal peress li ġiet fil-konfini tiegħu.

Il-festa ta’ San Ġwann ta’ Għuxa, li taħbat fit-23 ta’ Jannar, kienet tiġi ċċelebrata kull sena, l-ewwel mill-kappillan tal-Gudja, u wara mill-kappillan ta’ Ħal Tarxien. Dan insibuħ miktub fir-rapporti li kien għamel Mons. Pietru Dusina fil-visti pastorali tiegħu.   

Fi żmien il-Kavallieri din il-knisja twaqqgħet b’ordni tal-Gran Mastru għaxi setgħet tkun ta’ ħsara għall-fortifikazzjonijiet ġodda tal-Kottonera.

Il-knisja li hemm illum

Meta iżda bdew jinbnew is-swar ta’ Bormla, inbniet ukoll il-knisja li hemm illum u ħallas għaliha il-Pirjol Fra Pietru Viany. Din inbniet 'il ġewwa mis-swar fil-limiti tal-parroċċa ta’ Bormla fis-sena 1682. Dan jixdhu l-annu li jinsab imnaqqax taħt is-salib ta' tmien ponot tal-Kavallieri li hemm inaqqax fuq il-bieb tal-knisja.

Ma' din il-knisja kien hemm palazz li fih kellu appartament għaliħ il-Kappillan Konventwali li kien iqaddes u jieħu ħsieb din il-knisja.  Sfortunatament dan il-palazz ġarrab ħsarat kbar mill-ħbit tal-għadu fl-aħħar gwerra dinjija, u minflok ma ġie rranġat u rrestawrat, twaqqa' kollu kemm hu mill-ħaddiema tal-Public Works.

Id-dedika ta’ din il-knisja

Din il-knisja antika hija ddedikata lil-San Ġwann Elemożinier jew ta’ Għuxa. Dan il-qaddis mhux San Ġwann il-Battista, padrun tal-Kavallieri u lanqas huwa San Ġwann l-Evanġelista. San Ġwann Elemożinier jew ta’ Għuxa kien Isqof, Patrijarka ta’ Lixandra, li twieled fil-gżira ta’ Ċipru fis-sena 556 WK.  Wara li tilef 'il martu u 'l uliedu, qassam flusu kollha lill-foqra, u mar lejn l-Eġittu biex jgħix ħajja qaddisa ta’ eremit. Iżda minħabba l-fama tiegħu ta’ qaddis ħatruħ Patrijarka ta’ Lixandra. Kien imlaqqam “Ta’ Għuxa” jew “Elemożinier” għal karita kbira li kien jgħamel ma’ min kien fil-bżonn. Fi ħwejġu u fl-ikel tiegħu għex ta’ fqir.

Il-kelma “Elemożinier” tfisser wieħed li jagħti l-elemożina, jiġifieri għajnuna lil min hu batut sabiex ikun jista' jgħix. Hekk il-kelma “Ta’ Għuxa”, li ġejja mill-kelma “għexien”, tfisser wieħed li jagħti għexien lil min huwa fil-bżonn. Il-kelma għexien hija mnissla mill-kelma “għaxra” u għalhekk, għexien tfisser “wieħed minn kull għaxra”, jiġifieri wieħed minn kull għaxra tad-dħul li wieħed ikollu.  Mela San Ġwann ta’ Għuxa tfisser San Ġwann li kien iqassam l-ikel jew l-għexien lill-fqar. 

Din hija l-unika knisja f’Malta li hi ddedikata lil dan il-qaddis.

Xogħol artistiku li kien hemm f’din il-knisja

F’arkivju tal-Kolleġġjata ta’ Bormla hemm lista (inventarju) tal-oġġetti kollha li kienu jappartjenu lill-knisja ta’ San Ġwann ta’ Għuxa.  L-aktar oġġett ta' preġju artistiku li kien hemm żgur li kien il-kwadru titulari, xogħol sabieħ ferm tal-magħruf Mattia Preti.  Dan il-famuż kwadru juri 'il San Ġwann ta’ Għuxa liebes ta’ Isqof iqassam l-elemożina lil-fqar. Illum dan il-kwadru kif ukoll il-lunetta ta' fuqu jinsabu fil-Mużew Nazzjonali tal-Belt Valletta, u qiegħdin f’post prominenti f’waħda mis-swali ta’ dan il-mużew.  Minflokhom fil-knisja ta' Bormla hemm kopji.
 

Ritratt - Joe Brincat

 

Kien hemm ukoll pittura oħra ta’ Mattia Preti li turi 'il Missier Etern. Din ukoll illum tinsab f’Mużew Nazzjonali tal-Belt. Fis-sagristija kien hemm pittura oħra, xogħol artistiku ieħor, iżda ta’ pittur mhux magħruf.  Dan il-kwadru ħadd ma jaf x’sar minnu.

Jingħad ukoll li kien hemm statwa antika ħafna li turi 'il dan il-qaddis Ċipriott. Din ukoll ħadd ma jaf x’sar minnha.

Il-knisja minn barra u minn ġewwa

Il-knisja għandha faċċata sempliċi, b’żewġ pilastri fil-ġenb li jerfgħu entablatura, u iktar ‘il fuq, pediment triangulari.  Fuq dan il-pediment insibu l-arma bit-tmien ponot tal-Ordni ta’ San Ġwann li tfakkarna fir-rabta li din il-kappella għandha mal-kavallieri.  Fuq il-bieb hemm gwarniċa u fuqu naraw salib ieħor tal-Kavallieri bit-tmien ponot. Taħt dan is-salib insibu mnaqqxa d-data 1862, li tfakkar is-sena meta kienet inbniet mill-ġdid din il-kappella. Mal-faċċata l-kappella m’għandiex twieqi u lanqas kampnar. Iżda fil-ġenb tal-kappella nsibu żewġ twieqi kbar bil-persjani tal-injam, waħda fuq kull naħa li jagħtu d-dawl lil din il-kappella. Fuq in-naħa tax-xellug naraw ukoll xi mwieżeb għall-ilma.  Il-kappella għandha wkoll zuntier żgħir.

Bormla - San Gwann t'Ghuxa, fil-1950sMinn ġewwa l-kappella għandha pjanta rettanogolari u hi mdaqqsa. Għandha saqaf troll li jistrieh fuq arkati nofs tondi. Il-kappella għandha altar wieħed li llum fuqu insibu kopja tal-pittura sabiħa tal-Preti li tinsab fil-Mużew Nazzjonali fil-Belt Valletta. Fuq il-gwarniċ tal-ġebel tat-titular naraw skolpita kuruna u żewġ palmiet, waħda fuq kull naħa. Iktar ‘il fuq fil-pittura tal-apside naraw lill-Missier Etern. Din hi wkoll kopja ta’ pittura oħra sabiħa ta’ Mattia Preti li llum tinsab fil-Mużew Nazzjonali fil-Belt Valletta. Fuq l-altar li titla’ għalih permezz ta’ żewġ tarġiet insibu żewġ bibien, wieħed fuq kull naħa tal-altar, li jwasslu għal sagristija żgħira. 
 
Il-kappella hi kompletament vojta minn ġewwa u lanqas fiha altar mejda. Sfortunatament fiha ma jsir l-ebda servizz reliġjuż. L-uniku użu għal din il-kappella huma xi esibizzjonijiet fi żmien il-Milied u l-Ġimgħa l-Kbira.

Il-knisja f’dawn l-aħħar snin

Sa ftit qabel l-aħħar gwerra din il-knisja ġieli serviet għal xi laqgħat jew konferenzi u ġieli anke saret xi quddiesa fiha. Ix-xjuħ Bormliżi jgħidu li nhar ta’ Ħadd kienu jmorru passiġġata f’dawk l-inħawi ma’ Dun Spir Penza, u qabel jirtiraw lejn id-dar kien jagħtihom il-barka bis-Santissimu Sagrament, wara li jkunu rreċitaw hemm ir-Rużarju flimkien. Dawn ix-xjuħ ukoll jiftakru lil-Kurat Camilleri li fil-ġranet tal-Karnival kien itella' hemmhekk it-tfal tad-Dutrina biex jevitalhom it-taħwid ta' dawk il-ġranet.

Fl-aħħar gwerra dinjija din il-knisja intlaqtet mill-bombi tal-għadu u għamlet żmien twil mitluqa u abbandunata, sakemm fl-aħħar ħa ħsiebha il-Gvern Malti, u rrestawraha bis-sehem tal-istudenti tal-iskola “Gerolomo Cassar”.

Il-knisja llum


Minħabba l-iżvilupp li sar f’dawn l-akwati ta’ Bormla, din il-knisja ħelwa ġiet issa fl-abitat.  Wara diversi snin fejn f’din il-kappella ma kien isir xejn għajr xi wirja kultant, l-Għaqda Dilettanti tal-Polverista ta’ Bormla qed tieħu ħsieb torganizza attivitajiet fiha. Darba fil-ġimgħa qed jingħad ir-Rużarju fiha. L-istess Għaqda qed jieħdu ħsieb ukoll jorganizzaw il-festa ta’ dan il-qaddis.  Fil-fatt din is-sena (2016) għall-ewwel darba wara ħafna snin ġiet iċċelebrata din il-festa permezz ta’ quddies. L-istess grupp organizzaw kunċert fiha u jieħdu ħsieb li jorganizzaw wirjiet għal żmien il-Ġimgħa l-Kbira.  Wieħed jieħu gost jara li din il-kappella qed terġa’ tintuża.

Kitba tal-Kanonku Joseph Bonello
Deskrizzjoni arkitettonika ta’ Roderick Busuttil
Ritratti ta’ Joe Brincat u Caroline Busuttil

Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Joe Brincat
Bormla - Dun-Spiro-Penza
Ritratt - Joe Brincat
Ritratt - Joe Brincat

Noel Ciantar © 2012-2023    webmaster@kappellimaltin.com