KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Ritratt - Caroline Busuttil

Il-Madonna tal-Karmnu
~ Fawwara, limiti tas-Siġġiewi ~

Il-medda tal-art bejn is-Siġġiewi, ir-Rabat u Ħad-Dingli hija magħrufa bħala “tal-Fawwara”. It-toponomastika ta’ dan il-lokal ġejja minn għajn antika ħafna, magħrufa għall-kwantita’ ta’ ilma li jnixxi minnha li hemm f’dawk l-inħawi. Iż-żona hija tassew sabiħa u pittoreska, fil-maġġur parti tagħha għadha ma’ tilfitx ġmielha naturali peress li ma’ nqreditx bl-iskuża tal-iżvilupp. Fil-lbiċ ta’ Malta, l-għoljiet ta’ Żuta u ta’ Ġebel Ciantar, barra milli jagħtu lil Malta l-kenn mill-irjieħ qawwija tat-Tramuntana u tal-Majjistral, jagħtuha wkoll l-ilma li jixorbu mix-xita u li waqt li jkun sejjer jiżżerżaq għal ġol-baħar ta’ taħtha, isib is-saff tat-tafal li jżommu milli jinżel aktar ‘l isfel għal ġol-blat. Minn fuq is-saff tat-tafal joħorġu l-miġriet ta’ ilma ġieri li l-Fawwara hija magħrufa għalihom. Huma dawn il-miġriet, flimkien mal-blata dejjem friska ta’ taħt il-ħamrija li jagħtu l-uċuħ sbieħ u bnien tar-raba’ tal-Fawwara.

Ritratt - Caroline Busuttil


Biex wieħed jilħaq dil-medda jrid jaqbad it-triq li mis-Siġġiewi tieħu għar-Rabat sakemm jiltaqa’ ma' statwa ta’ ruħ fil-Purgatorju u mbagħad idur fuq ix-xellug u jibqa’ dieħel ‘il ġewwa. Insibu żewġ knejjes żgħar: l-ewwel waħda hija ddedikata lill-Annunzjazjoni tal-Madonna fil-waqt li t-tieni waħda, dik mibnija aktar ‘il ġewwa fil-wied, hija ddedikata lill-Madonna tal-Karmnu. Dil-knisja hija mibnija fuq l-għajn fawwara li minnha ħadet isimha l-art.

Sfond storiku taż-żona

Il-Fawwara mhix magħrufha biss għall-għajn tal-ilma u għall-ġmielha. Iż-żona mhix nieqsa minn ċertu nteress storiku mħallet bi stejjer antikissmi li l-oriġni tagħhom ġej minn żmien meta l-istorja tiżżewwaq mal-leġġenda. L-aktar antiki fost dawn ġejjin minn żmien l-Arab, mis-seklu tlettax.

Fl-arkivju tal-Katidral tal-Imdina nstabu żewġ karti fost il-kitbiet ta’ ċertu Dun Franġisk Cilia li miet nhar il-15 ta’ Settembru 1864. Fihom hu jfakkar il-mewt ta’ numru ta’ tfajliet minn dawk l-inħawi, li ġew maqtula fuq l-ordni tal-kmandant qalil Ali Sid, li kien wieħed mill-aħħar kmandanti Arab li ħallew in-Normanni wara l-miġja tagħhom f’dawn il-gżejjer. Hawn tajjeb li wieħed jinnota li n-Normanni ma keċċewx lill-Arab minn Malta - huma biss żiedu lil Malta mas-saltna tagħhom, għażlu lil xi kmandanti Arab li ġegħluhom iħallsu taxxi qawwijin biex ikompli jmexxu l-gżira sakemm jitilqu. Ali Sid kien wieħed minn dawn. Fl-ibliet u fiċ-ċentri popolati ħafna dawn l-Arab kienu jżommu mal-ordnijiet mogħtija min-Normanni, imma fl-irħula mbegħda u mwarrba ħadd ma kien jindaħlilhom x’jagħmlu jew iwaqqafhom milli jaħqru lil min ma jħaddanx il-fidi Iżlamika.

warriorsDun Franġisk Cilia, fil-kitbiet tiegħu, jagħti diversi dettalji terribbli ta’ x’għamlu dawn l-Arab lil xi tfajliet li kienu joqgħodu fil-Fawwara madwar is-sena 1270. Hu jsemmi li fis-7 ta’ Marzu ta’ dik is-sena nqatlu tliet tfajliet wara ġranet sħaħ ta’ tortura talli żammew it-twemmin Nisrani tagħhom. Ix-xebbiet kien jisimhom Genesia, Cherubina u Aurelia. Lil Genesia, li kellha 16-il sena, qatgħulha rasha wara żammewha għal ħamsa u għorxin ġurnata fuq ħobż u ilma u jsawwtuha bil-vireg tal-ħadid. Cherubina, tfajla ta’ 13-il sena, ġiet miżmuma ġimgħatejn bil-ġuħ u mbagħad dendluha rasha l-isfel minn sieq waħda sakemm mietet. L-akbar waħda fosthom, Aurelia, li kellha 25 sena, inqatlet billi ingħatat 143 daqqa ta’ stallett fuq ġisimha kollu. It-tlieta ndifnu “taħt siġra tat-tin fil-post li kienu jgħidulu l-Minkeb qrib it-tliet tarġiet tal-ġebel biex jibqgħu sinjal aħjar”.

F’karta oħra nsibu l-kronaka tal-qtil ta’ erba’ tfajliet oħra li seħħew fil-Fawwara. Verdina, ta’ 14-il sena, fl-1276 tħalliet bil-ġuħ u bil-għatx għal ħmistax-il ġurnata u mbagħad ġiet mgħoddija minn taħt rota tal-ħadid li għaffġitha u qatlitha.  Anastasia kellha 12-il sena meta mietet fl-1280 wara li qalgħet daqqa ta’ ħadida f’rasha.  Lil Teodora qatluha billi qatgħulha rasha fl-1274. Domitilla ġiet imgerrba t-tul kollu ta’ għolja fil-qrib meta kellha tnax-il sena. Kollha ġew midfunin f’għelieqi fil-limiti tal-Fawwara int u tiela’ mix-xatt. Dun Franġisk Cilia jsemmi li taħt il-ħakma tat-tirann Ali Sid mietu ‘martri’ aktar minn elf Malti u Maltija.

Naturalment kemm hemm verita’ f’dan kollu qatt m’aħna se nsiru nafu. Biss l-istess eżistenza ta’ dawn l-istejjer tixhed li dawn l-inħawi kienu popolati minn żminijiet imbegħda u jispjegaw anke xi affarijiet li naraw aktar ‘il quddiem.

Il-leġġenda tal-bini tal-ewwel kappella

Bħalma għedna l-għajn tal-Fawwara ilha għal sekli sħaħ magħrufa għall-abbundanza tal-ilma li kienet tnixxi u li kien jintuża għall-għelieqi ta’ dawk l-inħawi. L-ilma kien jinġabar fl-għalqa-ġiebja ta’ quddiem il-mina tal-għajn, li llum tinsab taħt il-knisja u l-bdiewa kienu jieħdu l-ilma minn hemm. Prattikament nistgħu ngħidu li l-bdiewa tal-Fawwara kienu jgħixu bl-ilma ta’ din l-għajn.

Ritratt - Caroline Busuttil Il-leġġenda tgħid li fil-bidu tas-seklu sbatax kien hemm nixfa kbira, tant li l-ġiebja tal-għajn nixfet u deher li l-għajn waqfet tnixxi l-ilma. Naturalment dan in-nuqqas ħasseb sewwa lill-bdiewa li kienu jafu li mingħajr l-ilma tal-għajn setgħu jaqtgħu jieshom minn ħsad tajjeb ieħor. Dan l-inkwiet mill-inċertezza tal-ġejjieni tagħhom wassal lil Ġlorma Ciantar, li kienet sid ta’ diversi għelieqi f’dawk l-imkejjen, biex tagħmel wegħda lill-Madonna li jekk l-ilma jerġa’ jfeġġ fl-għajn, hija tibnilha knisja f’waħda mill-għelieqi tagħha.

L-ilma ma damx ma reġa’ beda jiġri mill-għajn, aktar abbundanti minn qabel! Il-bdiewa serrħu rashom minn ħobżhom ta’ kuljum għax grazzi għall-ilma l-għelieqi tagħhom reġgħu ħadu l-ħajja mill-ġdid. Ġlorma żammet kelmitha u fl-atti tan-nutara Pietro Paolo Vincella di Santoro u Giovanni Simone di Lucia nhar il-5 ta’ Marzu 1616 hija ħalliet biżżejjed flus biex tinbena l-knisja ċkejkna ddedikata lill-Madonna tal-Karmnu fil-post fejn hemm dik tal-lum. Fl-istess atti nsibu li Ciantar ħalliet il-knisja f’idejn il-Fratellanza tal-Madonna tal-Karità mwaqqfa fil-Kolleġġjata ta’ San Pawl Nawfragu tal-Belt.  Iżda ‘il hinn mill-leġġenda, fil-ktieb “Il-Franġiskani Malti (Ta' Ġieżu)”,  Patri Ġorġ Aquilina OFM jgħid li din il-kappella nbniet minn Geronima Ciantar b'tifkira ta' ħuha Dottor Federico, li kien Assesur tat-Tribunal tal-Inkwiżizzjoni, u li kien ġie assasinat fl-1613 mill-Kavallier Carlo Aymede.  

Mal-ħajt tal-knisja, fuq barra, nsibu rħama li tfakkar din id-donazzjoni. Din il-kitba bil-Latin tgħid “Hoc templum Beatissimae V. de monte Carmelo dicatum quod anno dni. MDCXVI aedificaverat quondam domina Hieronyma Ciantar juxta voluntatem marii et Frederici ejus patris et fratris raedieicaverat ven. Confrat. Virginis Mariae Charitatis urbis Vallettae procuratore Pasquale Bonanno MDCLXIX et procuratore Antonio Palma MDCCLXI”.

Ġlorma ħalliet ukoll somma flus biex kull tfajla kunjomha Ciantar li tiżżewweġ f’ġurnata partikulari tingħatha xi ħaġa minnha biex tkun ta’ għajnuna għaliha fil-bidu tal-ħajja ġdida tagħha. Din il-biċċa nformazzjoni tinsab f’kitba li hemm fid-dar li hi mibnija mal-kappella. Ma fihiex ħafna dettalji.

L-irdum qrib il-Fawwara baqa’ magħruf bħala Ġebel Ciantar bħala tifkira tal-proprjetarja Ġlorma li permezz tal-wegħda li għamlet ‘salvat’ il-bdiewa min-nixfa.

Il-kappella li hemm illum

L-istess irħama tgħid li l-knisja reġgħet inbniet fl-1669 mill-istess Fratellanza meta l-prokuratur tagħha kien Pasquale Bonanno. Insibu miktub ukoll li sar aktar xogħol fl-1756, fiż-żmien il-prokuratur Antonio Palma. Huwa maħsub li f’din is-sena l-knisja ġiet irranġata u ħadet id-dehra li għandha llum.

Pittura - Maris Zammit - Our Lady of Carmel Chapel in Fawwara


Mhix knisja kbira; hija ftit iċken mill-kappella ta’ San Ġakbu li hemm fiż-Żurrieq. Għandha forma kwadra u fuq l-erba’ pilastri tagħha sserraħ koppla żgħira bla lanterna. Dan jidher li kien xi stil partikulari għall-binja tal-kappelli ta’ dawk l-inħawi għax il-knisja tal-Lunzjata li nsibu ftit aktar ‘il barra għandha eżatt l-istess forma. Maġenbha l-koppla għandha kampnar żgħir li fih qanpiena waħda li l-ħoss tagħha fl-imgħoddi kien iħajar lill-bdiewa li kienu joqgħodu hemm biex jattendu għal-liturġija.

Minn barra l-knisja għadha f’kundizzjoni tajba ferm. Fuq il-portiku hemm l-arma tal-fratellanza tal-Madonna tal-Karità - din tixbaħ lil ostja titfa’ r-raġġi li f’nofsha hemm il-kelma “Charitas”. Aktar ‘il fuq insbu arma kbira ta’ Ciantar li jfakkar lill-benefattriċi ta’ dil-knisja. Din l-arma m’ilhiex li ġiet irrestawrata għax fil-kitbiet dwar il-kappelli f’Malta ta' Kilin insibu li ma kienetx tidher ċara. Aktar ‘il fuq mill-arma hemm tieqa kbira li tixħet id-dawl fuq l-altar ta’ ġewwa. Quddiem il-bieb tal-knisja hemm zuntier żgħir li minnu tidher veduta verament sabiħa ta’ għelieqi u baħar li f’nofsu hemm il-gżira ta’ Filfla.

Tinfed mal-knisja hemm dar żgħira li s-sular t’isfel tagħha jintuża bħala sagristija; is-sular ta’ fuq ġie rranġat biex jintuża bħala appartament minn xi nies li jmorru hemm biex jgħaddu xi ġranet ta’ mistrieħ u riflessjoni.

Il-knisja minn ġewwa

Minn ġewwa l-knisja hija sempliċi ħafna, imma dis-sempliċita’ tħaddan fiha eleganza partikulari. Fiha altar wieħed iddedikat lill-Madonna tal-Karmnu. Mhix imbajjada - għadha kollha fuq il-ġebla ħlief għall-prospettiva tal-altar. Dil-prospettiva hija elaborata ħafna - kollha kemm hi miżbugħa b’tali mod li tidher qisha rħamata. Fuq nett insibu mill-ġdid l-emblema tal-Fratellanza, bħal dik li hemm fuq il-bieb minn barra. Bejn din l-emblema u l-kwadru titulari hemm plakka bil-kliem Regina decor Carmeli (“Sultana u ġmiel tal-Karmelu”). L-altar huwa magħmul minn ġebel, injam u tila.  Mal-faċċata tal-mensa ta’ dan l-altar hemm impittra arma sabiħa tan-nome di Maria imdawwar bil-ward tal-ġilju. Sfortunatament dit-tpinġija tkun dejjem mgħottija minħabba li l-ventaltar tal-festa jitħalla quddiem il-mensa (mgħotti) matul is-sena kollha.
 

Ritratt - Caroline Busuttil


F’niċċa fuq ix-xellug tal-altar hemm statwa ħelwa tal-injam tal-Madonna tal-Karmnu. Fl-istil tagħha tixbaħ ħafna lil diversi statwi li jinsabu fil-knejjes Maltin iżda li nħadmu lejn nofs is-Seklu Għoxrin f’Bolzano, l-Italja. Probabilment li din inħadmet hemm f’dak iż-żmien ukoll. Il-Madonna hija liebsa abitu Karmelitan u m’għandhiex ħjiel ta’ nduratura bid-deheb biex tibqa’ tidher aktar naturali. Il-labti li hemm f’idejha u f’idejn il-Bambin huma tad-drapp.

L-isbaħ ħaġa u l-aktar li tiġbed l-għajn hija l-pittura ta’ fuq l-altar. Din tirrappreżenta lill-Madonna bil-Bambin f’ħoġorha. It-tnejn qed iżommu labtu f’idejhom. Taħthom, wieħed fuq kull naħa, hemm San Ġlormu u Santa Katarina ta’ Lixandra jħarsu lejhom. Bejn daż-żewġ qaddisin, aktar ‘l isfel, hemm grupp żgħir ta’ fratelli b’wiċċhom mgħammad bl-emblema Charitas f’nofshom. Fil-kwadru nsibu wkoll l-arma ta’ Ciantar bl-ittri G. C. u d-data 1674.

Il-figura ta’ San Ġlormu żgur li qegħda hemm biex tfakkar il-benefattriċi Ġlorma Ciantar. Jista’ jagħti l-każ li l-figura ta’ Santa Katarina tfakkar dawk it-tfajliet li ġew maqtulha xi sekli qabel f’dawk l-inħawi.  Inżommu f’moħħna li ħafna minnhom inqatlu permezz tal-qtugħ ir-ras, u waħda minnhom inqatlet b’rota - daż-żewġ martirji għandhom konnessjonijiet qawwijin mal-istorja ta’ Santa Katarina. Id-dettall żgħir li juri l-fratelli jimplika l-konnessjoni li hemm bejn il-knisja u l-Fratellanza, filwaqt li l-arma ta’ Ciantar u l-l-ittri G.C. qegħdin hemm biex il-memorja tad-donazzjoni ta’ Ġlorma Ciantar tibqa’ mfakkra. Id-data 1674 hija d-data ta’ meta tpitter il-kwadru, ħames snin wara li reġgħet inbniet il-knisja. B’xorti ħażina mhux magħruf min pitter dal-kapulavur żgħir.

Din il-pittura kienet tgawdi ċerta devozzjoni fl-imgħoddi u nsibu diversi xhieda ta’ dan. L-ewwel nett huma l-kuruni mwaħħlin fuq irjus il-Madonna u l-Bambin, kif ukoll l-istellarju mwaħħal madwar ras il-Madonna. Aktar minn hekk, fis-sagristija nsibu mdendlin mal-ħitan diversi ex voto tal-fidda li jirrappreżentaw fost l-oħrajn trabi, idejn, riġlejn u għajnejn - kollha tifkiriet ta’ grazzji li l-Madonna qalgħet lid-devoti tagħha.

Fis-sagristija nsibu aktar affarijiet interessanti, fosthom riproduzzjonijiet tal-pitturi titulari tal-Kolleġġjata ta’ San Pawl (għax il-Fratellanza tal-Karità hija mwaqqfa f’dil-knisja) u tal-Bażilka-Santwarju minuri tal-Karmnu tal-Belt, li fl-imgħoddi kienet tifforma parti mill-parroċċa ta’ San Pawl. Hemm il-bradella tal-injam tal-vara, lavabo skulturat tal-ġebel antik ħafna u l-armar kollu li jintuża fil-knisja fil-festa.

Il-festa ssir Ħadd wara l-festa tal-Madonna tal-Karmnu tal-Belt, għalhekk xi drabi taħbat mal-festa taż-Żurrieq. Il-fratelli jorganizzaw quddiesa f’din il-knisja u jgħaddu ġurnata ta’ mistrieħ hemm.  Jitqassmu wkoll il-labtijiet lil min jattendi. Il-gandlieri u l-biqija tat-tiżjin inxtraw mill-fratellanza wara li, lejn l-aħħar tas-seklu dsatax, il-Gvern ħa f’idejh l-għajn ta’ taħt il-knisja biex minnha iwassal l-ilma fir-reġjun tal-Kottnera. Flok l-għajn il-fratelli ingħataw xi artijiet li mid-dħul tagħhom setgħu jixtru dak kollu meħtieġ biex tissebbaħ il-knisja.

Insibu wkoll żewġ dokumenti nteressanti ferm imdendlin mal-ħitan. Wieħed minnhom huwa d-dokument tal-awtentiċita’ tar-relikwa li għandha l-knisja. Dir-relikwija hija parti mil-qabar tal-Madonna: ex sepulchro B.V.M. Ġiet mogħtija minn Ruma fis-17 ta’ Ġunju 1893. Iċ-ċertifikat ħareġ mill-kardinal Lucindus Maria, Episcopus Portuensis S. Romanae.

Id-dokument l-ieħor huwa parċmina li fiha ittra li bagħat Ruma il-prokuratur Michele Claudio Debono biex jitlob permess idaħħal id-devozzjoni lejn il-Via Crucis f’dil-knisja. L-ittra li kiteb il-Malti hija bit-Taljan fil-waqt lir-risposta li rċieva minn Ruma hija miktuba bil-Latin.

Il-Via Crucis li ġabu l-Fratelli f’din il-knisja hija magħmulha minn arzellel tondi tal-madre perla, kull waħda wiesgħa tmien pulzieri, imwaħħlin fl-injam. Matul is-sena dawn ma jkunux fil-kappella minħabba l-preġju tagħhom.  Huwa mifhum li jinħarġu fil-festa.

Tiskanta naqra ta’ knisja f’nofs l-għelieqi fejn illum qajla jmur xi ħadd xi storja twila jista’ jkollha, u kemm affarijiet ta’ preġju jista’ jkun fiha! Tassew li d-devozzjoni lejn il-Madonna tal-Karmnu kienet verament qawwija fost il-bdiewa ta’ dawk l-inħawi!

Kitba ta’ Fr. Jonathan Farrugia
Ritratti ta' Caroline Busuttil u Tony Bonello
Pitturi ta’ Jacqueline Agius u Maris Zammit

Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Pittura - Jacqueline Agius - Fawwara
Ritratt - Tony Bonello - Il-Knisja tal-Karmnu fil-Fawwara minn Rdum Buxih
Michele Bellanti (1807-1883)  - Fawwara tal-Karmnu

Noel Ciantar © 2012-2023    webmaster@kappellimaltin.com