KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Il-Lunzjata, tal-Għolja
~ fil-limiti tas-Siġġiewi ~

Kappella oħra li naraw fil-pajsaġġ Malti speċjalment fl-inħawi tas-Siġġiewi u r-Rabat hija dik iddedikata lil Maria Annunzjata li tinsab fuq l-Għolja tas-Salib, fil-limiti tas-Siġġiewi. Din il-kappella ma tantx kellha xorti tajba għax minħabba l-post fejn qegħda waqgħet u kellha tinbena għal diversi drabi. Imma l-qlub kuraġġużi ta’ persuni li ma qatgħux qalbhom mill-istat ħażin li fih kienet waqgħet il-kappella u li raw kif għamlu biex ġiet irrestawrata, żammu lill-kappella wieqfa sal-ġurnata tal-lum.

Oriġini

Mhux magħruf eżatt is-sena meta nbniet l-ewwel kappella fuq tal-Għolja imma l-oriġini tagħha jmorru lura għat-tieni nofs tas-seklu ħmistax. Kien dun Guljelmu Tonna, Dekan tal-Kapitlu tal-Katidral, li bena l-kappella tal-Annunzjata fl-artijiet tiegħu kif ukoll xi kmamar għall-bżonnijiet tal-prokuratur. Kull sena dun Guljelmu kien jagħmel tajjeb minn butu għall-ispejjeż kollha involuti fil-manutenzjoni tagħha u fiċ-ċelebrazzjoni tal-festa.


Ritratt - Carmelo Vella


Dun Guljelmu Tonna kien miet fl-1482 u għalhekk il-kappella ġiet mibnija żgur qabel din is-sena. F’xi dokumenti nsibu miktub li l-kappella reġgħet ġiet mibnija fl-1494 mill-poplu Siġġiewi bit-tħabrik tal-kappillan dun Amator Zammit. Il-monsinjur Vinċenz Borg, wieħed mill-esperti ewlenin tal-istorja ekkleżjastika f’Malta, jidher li ma jaqbilx ma’ dan il-fatt. Borg, fir-riċerka tiegħu, isemmi li ftit snin qabel l-1494, ħu dun Guljelmu, Orlando Tonna, li kien ukoll eredi tiegħu, ħalla għalqa għall-bżonnijiet kollha ta’ din il-knisja u allura kienet tkun ħaġa stramba li sal-1494 il-kappella kellha bżonn tinbena mil-ġdid.
 
L-atti notarili medjevali jagħtuna dawl fuq l-isem li bih kienet magħrufa l-kappella fuq tal-Għolja. L-ewwel darba li din il-kappella tissemma b’mod dirett fid-dokumenti hu fl-1500 fejn in-nutar Ġakbu Zabbara jirreferi għaliha bħala “Santa Marija ta’ Kemmuna” (Sanctae Mariae de la gkemuna). Ta’ Kemmuna kien l-isem tal-istess qasam art li llum hu magħruf bħala tal-Għolja, u b’hekk il-kappella ħadet l-isem tal-art li fuqha kienet mibnija. Probabiliment l-isem ta’ Kemmuna etimoloġikament ġej mill-kelma kemun, xitla li għal żmien twil kienet ikkultivata ħafna f’Malta u tiġi esportata ukoll. Il-professur Godfrey Wettinger, li miet fis-sena 2015, jgħid li jista’ jkun ukoll li l-isem ta’ Kemmuna kien ġej mill-isem personali Kemmun jew minn xi varjant tal-kunjom Lhudi Kemmoun li kien jinstab fl-Afrika ta’ Fuq.  Zgur li sa’ min-nofs is-seklu 16 din il-kappella kienet magħrufa ukoll bħala Santa Marija tal-Għolja, propju minħabba l-altitudni ta’ dan il-post.

Salib tal-Għolja

Fil-viżta pastorali tal-1575 monsinjur Pietru Dusina jsemmi li din il-kappella kienet mibnija fuq ix- xagħra li tinsab fuq il-quċċata tal-għolja magħrufa bħala x-Xagħra l-Fuqanija tal-Qassis. Hi kellha altar wieħed, bibien tal-injam u paviment. Il-kappella ma kelliex rettur, introjtu u affarijiet oħra neċessarji imma Salvatore Montagnere li kellu għalqa fl-akwata magħrufa Ħabel ix-Xiħ (art fl-inħawi ta’ Ħax-Xluq) kellu l-obbligazzjoni fuq l-imsemmija art li fil-ġurnata tal-festa tal-Lunzjata jara li jiġu ċċelebrati l-għasar u l-quddiesa, kif ukoll jagħti ikel lill-qassisin u lill-foqra.

Kważi 50 sena wara, meta l-isqof Cagliares żar din il-knisja fl-1634, sab li kienet miżmuma tajba; forsi għax kellha prokuratur. Il-kappella kienet miżbugħa minn ġewwa bil-ġir u pavimentata biċ-ċangatura. Kellha pittura titulari tirrapreżenta l-Annunzjazzjoni, fonti tal-ilma mbierek, xi pitturi antiki u kienet mgħammra bl-affarijiet neċessarji kollha.

Devozzjoni kbira

Mid-dokumenti jidher li l-poplu Malti kellu stima u devozzjoni kbira lejn il-kappella tal-Għolja. Tant hu hekk li hi murija ta’ spiss fuq il-mapep tal-gżejjer Maltin matul is-sekli. Hu magħruf li l-kappella kienet tgawdi ukoll devozzjoni mill-baħrin peress li kienet l-ewwel post f’Malta li jintlemaħ mill-bogħod minn fuq il-baħar. M’għandniex xi ngħidu li d-devozzjoni lejn din il-kappella kienet imxerrda wkoll fil-poplu tar-raħal tas-Siġġiewi. Nhar il-25 ta’ Marzu ta’ kull sena, f’jum il-festa ta’ Marija Annunzjata, il-poplu tas-Siġġiewi kien jitla’ proċessjonalment sa’ ħdejn il-kappella bis-sehem tal-kleru u l-fratellanzi. Ma nafux minn fejn kienet ġejja din l-użanza imma Achille Ferres jgħid li kienet issir b’ringrazzjament ‘l Alla għall-ħelsien mill-Mori fl-1429. 

Il-kappella terġa’ tinbena

Il-kappella tal-Lunzjata reġgħet inbniet bejn l-1680 u l-1681 fi żmien il-Gran Mastru Caraffa u l-isqof Girolamo Molina.  Il-viżta pastorali tal-1699 isemmi li l-istemmi ta’ dawn il-persuni importanti kienu ġew imqiegħda fuq il-bibien li jagħtu għas-sagristija. Dettalji ta’ x’kienet ir-raġuni ta’ dan l-intervent u kif sar huma nieqsa għal kollox mid-dokumenti storiċi. Mal-medda taż-żmien il-kappella għaddiet minn bosta interventi ta’ tiswija minħabba detorjorazzjoni u ħsarat ikkawżati minn bosta fatturi, fosthom it-terremoti. Minkejja dan kollu hu mifhum li xi partijiet tan-naħa ta’ wara tagħha, li nbnew fl-1680-1681, għadhom sħaħ sal-lum. Dan minħabba l-fatt li l-istemmi tal-Granmastru Caraffa u l-isqof Molina għadhom jidhru sal-lum il-ġurnata.

Il-kappella tal-Għolja ġarrbet ħsarat konsiderevoli bit-terremot tal-1693 u skont Ferres reġgħet bdiet tinbena s-sena ta’ wara bit-tħabrik tal-prokuratur dun Franġisk Attard. Il-kappella ġiet ikkonsagrata mill-isqof Paolo Alpheran de Bussan fl-1749. Jidher li l-kappella kienet miżmuma tajjeb anke fis-seklu tmintax.  Meta fl-1754 l-isqof de Bussan reġa’ żar din il-kappella sab li kienet mgħammra bl-affarijiet neċessarji u saħansitra kellha relikwija f’ostensorju tal-fidda. Xi partijiet minn din il-kappella ġġarrfu minħabba t-terremot tat-12 t’Ottubru 1856. Imma kif turi plakka li hemm fuq ġewwa n-naħa tax-xellug tal-bieb prinċipali, fis-sena ta’ wara ġiet restawrata bil-flus tal-poplu biż-żelu tal-prokuratur dun Nikola Micallef. Fuq l-istess plakka hemm nota li tfakkar li l-istorja irrepetiet ruħha minħabba t-terremot tat-18 ta’ Settembru 1923. Din in-nota hi ffirmata F. La Ferla

Il-kappella minn barra

Il-kappella preżenti għandha forma rettangolari u msaqqfa bix-xorok li jserrħu fuq 8 ħnejjjiet. Il-faċċata esterna hi sempliċi u nieqsa mid-dekorazzjonijiet għajr għall-balavostri li jiffurmaw l-apramorta u l-kampnar li jinsab nieqes minn qanpiena.  L-aħħar qanpiena li kienet tinsab f’dan il-kampnar kienet saret fl-1873 fil-fonderija Maltija ta’ Ġulju Cauchi u ħutu. Din il-qanpiena, li fuqha nsibu xbieha tal-Immakulata u l-arma tal-Papa Piju IX, tinsab fuq il-bejt taċ-Ċentru Pastorali Santissima Trinità, fiż-żona ta’ Kirċippu.

Sas-snin sittin kienet għadha tidher fil-faċċata, taħt it-tieqa prinċipali, l-istemma tal-isqof Davide Cocco Palmieri minquxa fil-ġebel. Din tissemma’ fil-viżta pastorali tal-1699. Għal xi raġuni din it-tieqa inqalgħet u l-ħajt ġie mkaħħal. Mal-faċċata tal-kappella, fuq in-naħa tax-xellug tal-bieb prinċipali, kien hemm ukoll niċċa iddedikata lill-Madonna li x’aktarx inbniet fil-bidu tas-seklu għoxrin. Din in-niċċa tneħħiet fis-snin sittin tas-seklu għoxrin  imma sal-lum għadhom jidhru mal-faċċata sinjali tagħha. Fuq in-naħa ta’ wara tal-kappella hemm mibnija kamra li kienet isservi bħala sagristija. Din tinfed għal ġol-kappella permezz ta’ żewġ bibien, wieħed fuq kull naħa tal-altar. Fuq in-naħa tal-lemin tal-kappella hemm mibnija xi kmamar żgħar għall-użu tal-prokuratur tal-kappella, li jinfdu ukoll għal ġol-kappella.

Il-kappella minn ġewwa

Il-kappella hi nieqsa ukoll mid-dekorazzjonijiet fuq ġewwa, għajr għall-gwarniċa tal-pittura titulari minquxa fil-ġebel u xi dekorazzjoni mal-bordura tal-bibien li jagħtu għas-sagristija. Il-ħitan tal-kappella huma miżbugħin b’żebgħa tal-ġir lewn isfar.


Ritratt - mill-Internet


Il-kappella għandha altar sempliċi b’tabernaklu, l-art taċ-ċangatura u fdalijiet tal-fonti tal-ilma mbierek li kien insteraq dan l-aħħar. Il-pittura titulari ta’ din il-knisja ċkejkna, li tirrapreżenta t-tħabbira tal-Anġlu Gabrijel lil Marija, kienet ittieħdet ġewwa l-knisja parrokjali tas-Siġġiewi minħabba raġunijiet ta’ konservazzjoni u sigurtà. Illum din tinsab fis-sagrisitja tal-knisja parrokkjali.  Din il-pittura hija kopja fidila tal-Annunzjazzjoni tal-artist magħruf Taljan Guido Reni li tinsab fil-Quirinale ġewwa Ruma. L-artist tagħha mhux magħruf imma probabilment hu pittur Malti tas-seklu sbatax. Il-pittura hija iżgħar fid-daqs minn dik tal-Quirinale imma l-kompożizzjoni u l-kuluri huma simili.  Hija turi wkoll l-istemma tal-kavalier li għoġbu jagħti din il-pittura lil din il-knisja.

Il-kappella llum

F’dawn l-aħħar sittin sena, imma speċjalment minħabba l-vibrazzjonijiet siżmiċi li seħħew bejn l-2000 u l-2002, l-istat tal-kappella iddeterjora ħafna. L-art bdiet iċċedi, bdew jidhru konsenturi wesgħin fil-ħitan tagħha u s-saqaf infetaħ. Għalhekk il-kappella ġiet magħluqa għal kollox minħabba l-periklu li tista’ taqa’ minn mument għall-ieħor.  L-ikbar fattur għal din id-detorjorazzjoni kollha hu l-fatt li l-kappella tinsab mibnija fuq qasma (“fault”) ikkaġunata minn ċaqliq fil-blat magħrufa bħala l-qasma ta’ Miġra Ilma.

Fuq inizjattiva tal-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi u b’koperazzjoni sħiħa mal-Arċidjocesi ta’ Malta, sar rapport tekniku fuq iż-żona tas-Salib tal-Għolja fejn hemm il-kappella tal-Lunzjata u s-salib magħruf bħala Laferla Cross.  Dan ir-rapport ġie preżentat nhar l-10 ta‘ April tal-2019 fil-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi.  Ir-rapport sar mil-perit u geo-technical engineer Adrian Mifsud u eżamina l-ħsarat li ġejjin mill-ġeoloġija tal-post. Id-Direttorat tar-Restawr kien għamel dokumentazzjoni b’laser scanning tal-knisja u tal-għar li x’aktarx huwa parti mill-problema wkoll.  L-istudji tad-Direttorat tar-Restawr flimkien mar-rapport tekniku kkummissjonat mill-Kunsill Lokali  u l-Arċidjoċesi ta’ Malta wieħed ikun jista’ jfassal l-intervent korrett biex jiġi salvat dan il-wirt storiku.

 Forsi issa wasal iż-żmien li ‘qalb qawwija’ oħra tegħleb din ix-‘xorti ħażina’! L-aħbar tajba hi li l-awtoritajiet kompetenti diġà għandhom il-ħsieb li jirrestawraw din il-kappella fil-futur qarib.

Kitba ta’ Mario Dimech
Pittura ta' Maris Zammit
Ritratti ta' Carmelo Vella, Carmel Bezzina, Stanley Spiteri, Tony Bonello, Anthony M. Brincat u mill-Internet

Ritratt - Carmelo Vella
Ritratt - Carmelo Vella
Pittura - Maris Zammit - Our Lady of Annunciation Chapel at Is-Salib tal-Gholja
Ritratt - Anthony M. Brincat - Siggiewi - Lunzjata tal-Gholja Titular
Ritratt - Carmel Bezzina -
Ritratt - Carmelo Vella
Ritratt - Tony Bonello - Lunzjata tal-Gholja
Ritratt - Stanley Spiteri - Salib tal-gholja
Ritratt - Carmelo Vella      Salib tal-Gholja

Noel Ciantar © 2012-2023    webmaster@kappellimaltin.com