KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Ritratt - Caroline Busuttil

Il-knisja tal-Lunzjata
~
Kerċem/Victoria, Għawdex ~

IWaħda mill-aktar kappelli pittoreski li nsibu f’Għawdex hija bla dubju dik tal-Lunzjata li tinsab fil-wied li jgħaqqad il-belt tal-Victoria u r-raħal ta’ Kerċem. Dan il-wied pittoresk li qabel kien magħruf  “is-Saqqajja” hu wied fertili ħafna.  Issa jġib l-isem ta’ “Wied il-Lunzjata” minħabba din il-kappella.
 

Ritratt - Caroline Busuttil


Oriġini

Id-devozzjoni lejn il-Lunzjata hi antika ħafna u tmur lura sas-seklu 5 W.K. Sas-seklu 7 W.K. din id-devozzjoni kienet diġà stabbilita fil-punent bħala waħda mill-festi Marjani ewlenin. F’Għawdex ukoll din id-devozzjoni hi antika ħafna u jidher li fl-antik kien hemm ħames kappelli ddedikati lejn dan it-titlu tal-Madonna. Waħda minn dawn il-kappelli kienet trogloditika, jiġifieri kappella tal-għar, u kienet tinstab fil-wied tas-Saqqaja, fejn wara nbniet il-kappella li naraw llum. Illum din hi l-unika kappella li għadha teżisti li hi ddedikata lill-Lunzjata f’Għawdex.

Il-kappella tal-Lunzjata, li tmur lura żgur sal-1347, kienet mibnija f’wieħed mill-għerien li hemm f’dan il-wied. Saret b’titlu ta’ ġuspatronat rjali b’fondazzjoni mħollija minn Donna Sibella d’Aragona. Dokument dwar dan jinsab f’sett ta’ manuskritti flimkien iddatati 1347 iżda d-data preċiża tat-twaqif mhix ċara. Iżda hu ċar li din twaqqfet fl-ewwel nofs tas-seklu erbatax. Jidher li aktar tard fl-1370 din il-kappella kellha benefizzju rjali u kienet taqa’ taħt ir-re ta’ Sqallija billi dak iż-żmien l-gżejjer tagħna kienu taħt l-ħakma Aragoniża. F’din il-kappella antika jingħad li kien hemm l-arma tar-re ta’ Spanja, u li kienet saret minn Sibella d’Aragona fl-1370.

Fit-12 ta’ Novembru tal-1372, wara l-mewt ta’ Pietro Barba, li probabilment kien l-ewwel jew it-tieni rettur tagħha, din il-kappella inagħtat f’idejn il-kanonku kantur don Bartolommeo Asciach, li kien qassis Malti. Dan kien sar mir-re Federiku li kien jinsab hawn. don Bartolomeo kien ingħata flus u ħwejjeġ oħra mill-istess segreterija tar-Re f’Għawdex biex ikun jista’ jamministra sew il-kappella. Id-dokument tat-12 ta’ Novembru tal-1372 jidentifika lil Donna Sibella bħala “Madonna Sibilla de Ulmella amasia di quondam re Fridericu” jiġifieri Donna Sibella ta’ Ulmella (jew forsi “Olivella”) il-maħbuba tar-re Federiku III ta’ Sqallija. Federiku jidher li kien ftit imqareb u kellu maħbubin sew qabel kif ukoll wara ż-żwieġ tiegħu ma’ Elonora tant li Francesco Testa, l-isqof ta’ Monreale kien sejjaħlu “quod turpius est” (dak li hu mill-agħar).

F’ittra tar-re Martinu mogħtija fi Sqallija nhar il-15 t’Ottubru tal-1398, il-benefizju ġie ċedut lill-qassis Malti ċertu dun Rogerius Sagona (Malti skont Achille Ferres iżda Għawdxi skont il-professur Stanley Fiorini). F’din l-ittra hemm ċar kif din il-kappella kienet inbniet minn Donna Sibella li, peress li mietet mingħajr eredi, il-beni tagħha għaddew għand il-kuruna. Fl-10 ta’ Diċembru tal-1472 il-viċi re ta’ Sqallija Lop Ximen D’Urrea ta l-kappella f’idejn il-kjeriku Girolamo Farahone (mhux Tabone kif jagħtih Ferres).

Ir-retturi ta’ wara kienu xi ftit sfortunati għax it-tnejn waqgħu skjavi tal-furbani. Fl-1501 il-kappella inagħtat lis-saċerdot Alvaro de Castella peress li dak ta’ qablu, is-saċerdot Pietro de Beniamin, kien inqabad skjav mill-Mori. Iżda x-xorti riedet li anke dan Alvaro de Castella waqa’ skjav tal-furbani u fit-2 ta’ Settembru tal-1507 il-viċi re ta’ Sqallija għaddiha għand don Pino. Iżda Pietro de Castella rritorna lejn Għawdex b’xi mod jew ieħor fis-sena 1511 u reġa tqiegħed fil-kariga li kellu qabel.

Meta fl-1530 waslu l-Kavallieri ta’ san Ġwann fi gżiritna din il-kappella waqgħet f’idejhom.  Dak iż-żmien il-kappella kellha benefizzju ta’ tletin skud fis-sena. Dak li jieħu ħsiebha kien marbut li jagħmel quddiesa kull nhar ta’ Ħadd u li jorganizza l-festa bil-vespri u quddiesa kkonċelebrata nhar il-Lunzjata fil-25 ta’ Marzu. Fl-atti tal-visti pastorali kemm tal-isqof Balaguer (dik tal-1663) kif ukoll tal-isqof Molina (dik tal-1678) insibu dettalji dwar il-benefiċċji u l-piżijiet marbutin ma’ dan il-benefizzju.

Fil-bidu tas-seklu sbatax (1600), il-kappella reġgħet inbniet mill-ġdid fi żmien ir-rettur Fra Paolo Tabone, u jidher li din kellha devozzjoni kbira. Dan jikkonfermah il-fatt li għalkemm kappelli oħrajn li kienu jinsabu fil-kampanja kienu fi stat ħażin din tal-Lunzjata kienet f’kundizzjoni tajba ħafna.

Aktar qribna fl-1889 il-benefikat għadda għand ċertu Savatore Antonio Grech. Lapida mwaħħla mal-ħajt tal-faċċata tal-knisja fuq il-lemin, tgħid li nhar l-20 ta’ Lulju tal-1889, skont l-atti tan-nutar Cristoforo Frendo, l-artijiet u benefikati marbutin mal-kappella Lunzjata għaddew b’emfeteusi għal 99 sena għand dan Grech.

Minn dak iż-żmien il-kappella sarilha xogħol ta’ restawr speċjalament wara t-Tieni Gwerra Dinjija. Il-kappella reġgħat ġiet ikkonsagrata fit-18 t’Ottubru tal-1959.

Il-kappella minn barra

Din il-kappella hi mibnija ġo daħla fil-blat ta’ Wied il-Lunzjata. L-istil tagħha hi tal-kappelli medjevali li kienu jinbnew bejn is-seklu erbatax u ħmistax. Għandha faċċata sempliċi nieqsa minn kull tiżjin u kulma fiha hu bieb b’forma nofs tond u tieqa tonda, jew oculus, fuqu. Fuq wara iktar tard, fl-1700 inbniet kamra oħra li hi għola mill-kappella li fuqha hemm kampnar fejn jistgħu jiddendlu xi qniepen. Mal-faċċata hemm imwaħħla lapida tal-irħam bil-kliem “Non gode immunita ecclesiastica”. Il-knisja għandha ukoll parapet żgħir quddiemha.

Qrib il-kappella hemm arkata b'għajn tal-ilma. Din inbniet fi żmien il-Gran Mastru Perellos u fiha kien hemm maqtugħin banjijiet fil-blat li fihom in-nies tal-inħawi kienu jmorru jaħslu l-ħwejjeġ fl-ilma ġieri ta' dan il-wied. Fl-1698 dun Erkole Martino Testaferrata li kellu l-benefizzju f'idejh bena l-loġġa li hemm fil-qrib tal-kappella.

Il-kappella minn ġewwa


Għalkemm meta tħares lejn din il-kappella minn barra tieħu mpressjoni li din hi żgħira ħafna, kif tidhol fiha tinduna li mhux żgħira daqs kemm wieħed jimmaġina. Il-kappella hi ta’ forma rettangolari u għandha saqaf xorok li jistrieħ fuq sitt arkati. L-art ta’ din il-kappella hi tal-mużajk u għandha altar wieħed. Quddiem l-altar illum insibu altar mejda skont kif jitlob il-Konċilju Vatikan it-Tieni. Fuq il-bieb ta’ barra hemm gallerija tal-injam.
 

Ritratt - Caroline Busuttil


L-altar li naraw f’din il-kappella hu tal-irħam u kien inġieb mill-knisja ta’ Savina fir-Rabat stess. Il-kwadru titulari hu sabiħ ħafna u hu tal-kavallier pittur Fra Luca Garnier, li kien sar fis-seklu sbatax. Dan juri lill-Arkanġlu Gabriel iħabbar lil Sidtna Marija li tidher għarkubtejha titlob. Fuq in-naħa ta’ fuq tidher il-ħamiema bajda, simbolu tal-Ispirtu s-Santu, b’dija ħierġa minnha u xi putti. F’nofs is-seklu tmintax xi devoti kienu żejnu lil dan il-kwadru billi għamlu kuruna u dijadema ta’ tnax-il kewkba tal-fidda madwar ras il-Madonna. Iżda hawnhekk ma nistgħux ma nikkwotawx lil Akille Ferres li jgħid “Il detto quadro ha perduto il suo pregio, essendo stato toccato da diverse mani, profane nell’arte”. Jidher li l-entużjażmu ta’ min mhux dejjem jifhem fl-arti mhux illum biss isuq lil xi wħud biex jindaħlu biex “isebbħu” ħwejjeġ tal-arti.

Intant, dan il-kwadru kien ġie kummisjonat minn dottor dun Nikol Mangion, qassis Malti, li dak iż-żmien kien hu li jieħu ħsieb il-kappella. Dan kien ħallas ukoll għall-prospettiva tal-altar li fiha ħafna dekorazzjonijiet imnaqqxin fuqha, fosthom l-arma tal-familja tiegħu

Ta’ min isemmi wkoll li dan il-kwadru kien sar minflok ieħor tal-pittur Bartolomeo Garagona li kien sar fi żmien Fra Paolo Tabone u li fih kienet tidher ukoll l–arma tal-familja Tabone.

Kif għidna, il-kwadru titulari qiegħed f’perspettiva eleganti tal-ġebel u fuq it-titular, imdawwar minn żewġ anġli tal-ġebel, insibu kwadru ieħor li juri lil Missier Etern, pittura riċenti ta’ dun Roberto Gauci.

Fil-kappella, fuq in-naħa tax-xellug tal-altar, insibu pittura oħra antika li turi lil Sant’Antnin bil-Bambin Ġesù f’idejh. Dan il-kwadru ma nafux ta’ min hu.

Fil-kappella nsibu żewġ statwi tal-kartapesta. Waħda minnhom hija dik tal-Lunzjata li saret minn Wistin Camilleri li ġiet irregalata lil din il-kappella minn Joseph Formosa fl-1954. L-istatwa l-oħra hi ta’ San Ġużepp.

Fuq in-naħa ta’ wara tal-kappella hemm kamra żgħira li sservi bħala sagristija. Fiha nsibu l-arma tal-familja Testaferrata. Dan jista’ jindika li din il-kamra saret fi żmien dun Ercole Martino Testaferrata, wieħed mir-retturi tal-kappella li diġà semmejna aktar ‘l fuq. Din is-sagristija kellha terġa’ tinbena mill-ġdid ftit tas-snin ilu, minħabba short circuit tal-elettriku li ġarraf din il-kamra. Għalkemm il-kappella sofriet xi ħsara minħabba d-duħħan fortunatament ma saritilha l-ebda ħsara strutturali jew permanenti. Il-kwadru titulari nzerta li kien għar-restawr u għalhekk ma ġralu xejn, iżda l-istatwa ta’ San Ġużepp kellha tiġi rrestawrata u l-kappella kellha titbajjad mill-ġdid.

Il-festa tal-Lunzjata

F’din il-knisja għadha tiġi ċċelebrata bil-kbir il-festa tal-Lunzjata. Il-festa ssir kif isiru l-festi fi knejjes ferm ikbar minn din, bit-tridu, konċelebrazzjioni lejlet il-festa, biex imbagħad fil-25 ta’ Marzu nhar il-Lunzjata ssir il-festa fejn anki jqaddes l-Isqof t’Għawdex. L-istatwa tal-Lunzjata tinħareġ min-niċċa tagħha u tiġi armata fil-kappella. Nhar il-festa fil-kappella ssir quddiesa kull siegħa bejn is-sitta ta’ filgħodu u l-ħamsa ta’ wara nofs in-nhar. Għaliha jattendu ħafna Għawdxin u anki Maltin. Din id-devozzjoni tista’ tkun ukoll peress li f’Għawdex din hi l-unika knisja ddedikata lill-Lunzjata.

Il-knisja tinsab fi stat tajjeb ħafna grazzi għall-ex-rettur ħabrieki tagħha l-Monsinjur Ġużeppi Azzopardi li dam jieħu ħiebha mill-1956 sal -2009. Fiha ssir quddiesa kuljum fil-ħamsa ta’ wara nofs in-nhar u waħda l-Ħadd fis-1pm. Isiru wkoll fiha quddies ta’ tigijiet.

Wieħed jiehu gost jara li din il-kappella ħelwa li għandha oriġini li jmorru lura ħafna fiż-żmien u li tinstab f’post tant pittoresk, għadha f’qalb ħafna Għawdxin u anki Maltin. J’Alla din tibqa’ fl-istat tajjeb li tinsab fih llum ħalli qatt ma titħassar d-devozzjoni lejn dan it-titlu Marjan tal-Lunzjata li ta l-isem lil dan il-wied tant għammiel.


Kitba ta’ Roderick Busuttil
Ritratti ta' Caroline Busuttil

Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - minn Wikipaedia-Aragon-Sicily_Arms
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil

Noel Ciantar © 2012-2023    webmaster@kappellimaltin.com