KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Ritratt - Anthony M. Brincat          Manresa Duluri 2

Il-kappella ta’ Manresa
 ~ Victoria, Għawdex ~

Meta wieħed jitlaq mil-Victoria u jmur lejn il-Munxar, f'nofs triq li hi msemmija għal Santa Dminka, jintaqa' ma’ binja sabiħa u imponenti. Din hija d-Dar tal-Irtiri ddedikata lill-Madonna ta' Manresa u San Injazju ta' Loyola. Din inbniet mill-isqof Ferdinando Mattei bejn is-snin 1810 u 1822 biex fiha jkunu jistgħu jsiru l-irtiri għall-kleru u kif ukoll għal-lajċi.

Din il-binja kienet iddisinjata mill-kanonku Salvatore Bondi'. F'dan il-bini tinsab kappella mill-isbaħ li hi ddedikata lill-Madonna ta' Manresa. Fl-1953 din id-dar għaddiet taħt it-tmexxija tal-Ġiżwiti u llum hi post ta' paċi, talb u riflessjoni mfittex ħafna minn dawk li jkunu jridu jqattgħu ftit jiem ta' irtir spiritwali.
 

Ritratt - Anthony M. Brincat          Manresa facade


Għaliex Manresa

Id-dar u l-kappella jġibu dan l-isem għaliex San Injazju il-kiteb l-Eżerċizzi Spiritwali waqt li għal ħdax-il xahar fis-sena 1522 hu kien qed jgħix f'għar barra l-belt ta' Manresa fi Spanja.  Hu kien iqatta' ħafna ħin f'dan l-għar qrib ix-xmara Cardoner. Tradizzjoni tgħid li kienet il-Madonna stess li ddettat l-Eżerċizzi lil San Injazju. Għalhekk kważi kull dar tal-irtiri li għandhom il-Ġiżwiti hi ddedikata lill-Madonna ta' Manresa.

Qabel l-1810

F'dan il-post qabel l-1810 kien hemm kappella oħra li kienet iddedikata lil San Martin ta' Tours.  Din kienet inbniet min-neguzjant Giovanni Cumbo fil-bidu tas-seklu sbatax minflok oħra li kien hemm qabel.  Il-kappella kienet ukoll magħrufa bħala ta' Santa Dminka (Domenica) għax fiha kien hemm statwa tal-ġebel ta' din il-qaddisa martri. Din kienet ittieħdet hemm minn kappella troglodita li kien hemm qrib ix-Xlendi, u li kienet ipprofanata mill-isqof Balaguer fl-1657. Fil-kappella ta' San Martin għal xi żmien kien hemm ukoll devozzjoni kbira lejn il-Madonna tal-Ħerba, u infatti fid-Dar wieħed għad jista' jara żewġ kwadri ex-voto tal-Madonna taħt dan it-titlu.

Il-kappella

Il-kappella ta' Manresa tbierket mill-Vigarju Ġenerali, il-Monsinjur Emmanuel Rossignaud fl-20 ta' Lulju 1833 u l-isqof Mikiel Gonzi, li dak iż-żmien kien l-Isqof ta’ Għawdex,  ikkonsagraha fil-15 t'Ottubru 1931. Il-kappella tinsab fuq ġewwa tad-Dar u wieħed jidħol għaliha minn żewġ bibien li hemm fil-faċċata tad-Dar.  Dari kien hemm dħul mill-bieb li kien hemm fin-nofs, iżda dan llum hu magħluq.  Il-kappella, waħda mill-isbaħ fil-gżira Għawdxija, hi mibnija fuq pjanta ottagonali, bi tmien pilastri Doriċi għoljin li jerfgħu  erba' arkuni u erba' pendentivi. Fuq dawn jitla' ċ-ċirku tal-koppla, li iżda qatt ma nbniet u li hi magħluqa minn saqaf ċatt tal-konkrit. Bejn il-pilastri nsibu erba' bibien, li tnejn minnhom għandhom niċċa warajhom.
 

Ritratt - Anthony M. Brincat          Manresa int 1


Fil-kappella barra l-altar prinċipali hemm żewġ altari oħra ddedikati lil San Ġilormu u lil San Pawl Eremita. L-altar prinċipali jinsab f'kor naqra fond li fuqu hemm saqaf troll b'żewġ twieqi fil-ġenb u arzella. Fil-kappella nsibu ħafna skultura fil-ġebla Maltija, bħal dik li hemm madwar it-titular, fuq il-bibien u fil-kapitelli tal-pilastri. Fuq il-faċċata tad-Dar hemm kampnar b'qanpiena waħda, taħtu l-arma tal-isqof Mattei.  Fuq il-bieb (llum magħluq) hemm irħama li tfakkar il-bini tad-dar.

Ritratt - Anthony M. Brincat          Manresa marble plq
Ritratt - Anthony M. Brincat          Manresa belfry
Ritratt - Anthony M. Brincat          Manresa St Calcidonius
Ritratt - Anthony M. Brincat          Manresa Crucifix
Ritratt - Anthony M. Brincat          Manresa St Martin
Ritratt - Anthony M. Brincat          Manresa St Francis Xavier
Ritratt - Anthony M. Brincat          Manresa St Ignatius
Ritratt - Anthony M. Brincat          Manresa St Publius1
Ritratt - Anthony M. Brincat          Manresa St Jerome
Ritratt - Anthony M. Brincat          Manresa St Paul Hermit

Ritratt - Anthony M. Brincat          Manresa St DomenicaF'din il-kappella hemm ukoll diversi opri tal-arti. Sabiħ ħafna hu l-kwadru titulari li tpitter minn Giuseppe Hyzler fl-1857 u li hu meqjus bħala l-aħjar xogħol tiegħu.  Hu maqsum fi tnejn – fin-naħa ta' fuq naraw lill-Madonna bil-qegħda fuq is-sħab u b'Binha għadu tifel bil-wieqfa quddiemha u mdawra b'ħafna kerubini u b'erba' angli żgħar. Fin-naħa t'isfel barra għar jidher San Injazju għarkopptejh jikteb u ħdejh anġlu bil-wieqfa jżomm kitba li tgħid “Beati qui audiunt Verbum Dei et custodiunt illum” (Imberkin dawk li jisimgħu l-Kelma t'Alla u jħarsuha). Warajhom tidher il-Muntanja ta' Monserrat, il-belt ta' Manresa u x-xmara. Fin-naħa t'isfel Hyżler pitter  ħafna pjanti li jikbru f'Għawdex.

Fiż-żewġ kwadri ta' fuq l-altari tal-ġenb hemm San Ġilormu u San Pawl Eremita. Fuq altar minnhom hemm kwadru ovali tad-Duluri mdawwar minn gwarniċ skolpit u indurat stil Rococo. Fil-mensa tal-altar l-ieħor hemm il-korpsant ta' Santa Fortunata. F'niċċa waħda nsibu l-istatwa tal-ġebel ta' Santa Dminka, waqt li statwa oħra ta' din il-qaddisa tinsab fis-sagristija.

Fuq l-erba' bibien hemm kwadri ta' San Injazju, San Franġisk Saverju, San Martin u San Publiju.  Quddiem wieħed mill-bibien hemm Kurċifiss artistiku u devot ħafna, xogħol l-istatwarju Għawdxi Wistin Camilleri.  Qabel ma tidħol fil-kappella tista' tara wkoll kwadru ovali ta' San Kalċidonju. Fil-fatt wara l-kappella ta' Manresa hemm kappella oħra żgħira ddedikata lil dan il-qaddis u li fiha hemm kwadru antik tiegħu.

Il-kappella llum

Il-kappella hija miżmuma tajjeb ħafna mill-Ġiżwiti li jieħdu ħsieb l-bżonnijiet kemm ta' dawk li jkunu qed jagħmlu l-irtir fid-Dar u kif ukoll ta' dawk li joqogħdu fil-qrib.  Fiha jitqaddsu żewġ quddisiet kuljum.

Kitba ta’ Anthony M. Brincat
Ritratti ta’ Anthony M. Brincat

BlueScroll01
Ritratt - Anthony M. Brincat          Manresa tit ptg
Ritratt - Anthony M. Brincat          Manresa St Domenica 2

Noel Ciantar © 2012-2023    webmaster@kappellimaltin.com