KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Ritratt - Caroline Busuttil

Il-knisja ta’ San Ġwann
il-Battista
~ Naxxar ~

Fin-Naxxar insibu għadd sabiħ ta’ kappelli.  Xi wħud minnhom m’għadhomx jagħmlu ma’ din il-parroċċa għax waqgħu fit-territorju ta’ parroċċi oħra fil-viċin. Hawnhekk sejrin nitkellmu fuq il-kappella ta’ San Ġwann il-Battista li tinsab fit-tarf ta’ Triq Santa Luċija. Biex tasal għaliha minn quddiem il-knisja parrokkjali trid taqbad triq Santa Luċija, tgħaddi minn quddiem il-kappelli tal-Vitorja u Santa Luċija u tibqa’ nieżel sakemm tasal quddiemha. Din il-knisja għandha forma ottagonali, li hi l-unika waħda ta’ dan l-istil f’dan il-lokal.
 

Ritratt - Caroline Busuttil


Oriġini

Bħall-kappelli ħafna kappelli oħrajn, l-ewwel darba li nisimgħu b’din il-kappella huwa fir-rapport ta’ monsinjur Pietro Dusina fil-1575. Meta huwa żar din il-kappella qal li kellha altar tal-ġebel kif ukoll saqaf  tal-ġebel iżda kienet nieqsa minn kull ħaġa oħra, bla bieb tal-injam, bla bżonnijiet għall-quddies u mingħajr Rettur. Din tan-nuqqasijiet kienet ħaġa komuni fil-kappelli. Ma rridux ninsew li għaxar snin qabel kien hawn f’Malta t-Torok li kienu ħarbtu kull ma sabu fil-kampanja Maltija.

Fil-jum tal-festa kien jitkanta l-għasar u issir quddiesa. Dan kienu jieħdu ħsiebu ċertu Pawlu Borg u Ġanni Zarb li kien jgħamlu dan kollu b’devozzjoni. Id-Delegat Appostoliku Dusina qalilhom li kellhom jagħmlu bieb fi żmien xahar taħt piena ta’ 15-il skud.  Huwa ordna wkoll li ma kellux isir quddies fil-kappella u l-obbligi kellhom isiru fil-knisja parrokkjali.

Dan jagħti wieħed x’jifhem li l-kappella ma baqgħetx tintuża fis-snin ta’ wara. Terġa’ tissemma’ fil-Vista Pastorali tal-1598 minn l-isqof Gargallo u wara bħala kappella fit-tarf tar-raħal. Fil-1628 l-isqof Cagliares jirrapporta li l-pittura ta’ fuq l-altar kienet ta’ San Ġwann jgħammed lil Kristu. Tmien snin wara l-isqof Balaguer isemmi pittura oħra mpittra fuq l-injam, antika ħafna, li kienet turi lil San Ġwann.  Kienet tinsab fuq in-naħa tax-xellug tal-altar. Dan l-istess isqof, fil-1659 ipprofana l-kappella għaliex kienet ġiet traskurata. Fi żmien il-pesta tal-1676 il-kappella ntużat bħala ċimiterju. Kienu ndifnu fiha xi nies li kienu mietu bil-pesta.

Il-knisja tinbena mill-ġdid

Il-knisja nbniet mill-ġdid fil-bidu tas-seklu tmintax. L-isqof Cannaves jgħid fl-1716 li l-knisja kienet inbniet mill-ġdid. Huwa isemmi wkoll pittura ta’ San Ġwann jgħammed lil Kristu  u oħra żgħira forma ovali li kienet turi lil Madonna żżur lil Santa Eliżabetta. Fis-sena 1744 l-isqof Alpheran imbagħad  jagħtina deskrizzjoni tal-knisja meta jgħid li kienet kwadra u kellha saqaf  bil-ħnejjiet forma ta’ koppla. Għalhekk, billi l-isqof  kiteb li kienet forma kwadra, għandna nifhmu li qiegħed jirreferi għall-kappella li teżisti llum.

Ma hemm l-ebda dokumentazzjoni oħra li turi li l-kappella kienet reġgħet inbniet għat-tielet darba.  Il-kappella kellha altar tal-ġebel li fuqu kien hemm imdendel pittura ta’ San Ġwann jgħammed lil Kristu. Dan l-inkwadru kien fih ukoll l-arma tal-kappilland dun Ġakbu Casha u allura nistgħu ngħidu li kien sar wara l-1720. Dan kien pittru Gian Nicola Buhagiar. Aktar tard għall-ħabta tal-1745, l-istess pittur penġa  ż-żewġ kwadri tal-ġnub tal-altar: It-Twelid  u Il-Qtugħ ir-Ras ta’ San Ġwann Battista, kif ukoll il-kwadru żgħir forma ovali fuq il-bieb tal-kappella li kien juri lill-Madonna żżur lil Santa Eliżabetta.

Il-bini ta’ din il-kappella jista’ jitqies oriġinali billi l-forma tagħha hija unika  fin-naħat tan-Naxxar fejn tinsab. Fil-fatt mhix kwadra iżda għandha forma ottagonali sat-troll, imbagħad titla’ l-koppla li talaq b’lanterna li fiha sitt itwieqi għad-dawl. Din l-aħħar biċċa tal-koppla sal-1753 kien għadha ma nbnietx.  F’dokument sfuż  nafu li il-prokuratur, dun Ġwann Battista Grech, talab lill-Isqof jeżantah milli iħallas 20 skud lill-parroċċa għall-bini tal-altar maġġur.  Huwa jgħid li dawk il-flus kienu nġabru mill-poplu bi skop li jitkompla x-xogħol fil-kappella, speċjalment biex jitlesta x-xogħol tal-koppla (coppolino).  Għalhekk, nafu wkoll li sa dan iż-żmien il-biċċa ta’ fuq li kienet għadha mikxufa. Isemmi wkoll il-pitturi li kien għadhom neqsin. Wara kollox  kien l-isqof stess li kien ordna li dan ix-xogħol kellu isir mill-elemosina tan-nies.  Dokument sfuż fl-Arkivju Parrokjali tan-Naxxar (Kaxxa 77, Kappella San Ġwann) jindikalna li l-isqof xorta waħda ma aċċettax din it-talba u l-prokuratur, bħall-prokuraturi l-oħra kollha kellu joħroġ sehmu.

Milli jidher dan dun Ġwann kellu xi inkwiet mal-kappillan dun Ġorg Fiteni. Meta miet l-isqof, u allura kien qed imexxi d-djoċesi l-Vigarju, dan dun Ġwann kien sostna li l-isqof kien tah il-prokura tal-kappella ta’ San Ġwann għal għomru u għalhekk ma kienx ta lura la ċ-ċavetta tal-kappella u lanqas il-flus u l-kotba. Dawn suppost għadihom lill-prokuratur ta’ warajh jew lill-kappillan. Il-kappillan, kif kienet id-drawwa, kien tah kastig. Kienet waslet ukoll il-festa ta’ San Ġwann Battista u ma kienx xieraq li l-kappella tibqa’ magħluqa.

Dan l-istess prokuratur fis-sena 1770 kiteb lill-isqof fejn qallu li persuna devota riedet tagħti lill-kappella 37 skud biex issir xi opra. Huwa talab biex b’dawn il-flus, u flus oħra tal-kappella, jagħmel altar tal-irħam li kien ser iqum madwar 100 skud.

Aktar Żjajjar Pastorali

Fis-sena ta’ wara, jiġifieri fl-1771, l-isqof Carmelo Giovanni Pellerano żar il-parroċċa. Huwa tana aktar dettalji fuq din il-kappella meta jsemmi l-erba’ pitturi mdaqqsin minbarra dik tal-altar. Huwa jsemmi ‘It-Twelid ta’ San Ġwann Battista’, ‘Il-Qtugħ ir-Ras’, ‘Il-Battista Jippriedka’ u ‘Il-Battista fil-Ħabs’. Minbarra dawn isemmi ukoll żewg pitturi oħrajn: ‘Santa Apollinarja’  u ‘Santa Katerina’.  Dan ifisser li ż-żewg pitturi neqsin li jsemmi l-prokuratur fil-1753 kienu issa tlestew. Fil-fatt dawn saru fil-1762 u din id-darba  kienu ġew impittra minn Gian Franġisk Zahra. L-ideja tagħhom hija meħuda mill-pittura ta’ Preti ġewwa l-Kon-Kattidral ta’ San Ġwann. Fil-vista pastorali tal-isqof Labini fil-1781 tissemma’ statwa tal-fidda ta’ San Ġwann Battista protetta bil-ħġieġ.  Tgħid din kienet sparixxiet fi żmien il-Franċiżi bħal ħafna afarijiet oħra?

Is-seklu Dsatax

Meta nibdew is-seklu dsatax niltaqgħu mal-prokuratur Carlo Scicluna. Meta huwa jsemmi l-beni tal-kappella jissemma post (dar) fi Triq id-Dejqa li kien mogħti b’ċens għal 99 sena għal 24-skud Maltin.  Dan il-post kien tal-kappella diġà   minn qabel l-1778 meta kienet toqgħod fih waħda mara li qalet li qabel kien  ta’ dun Ġwann  Grech.  Ftit snin wara, fi żmien meta dun Oratio Zerafa kien qed jagħmilha ta’ viċi-parroku (1831), intalab li tingħata l-indulġenza plenarja lill-knejjes filjali tal-Kunċizzjoni u San Ġwann.  Il-Papa Gregorju 16 ta din l-indulġenza b’digriet tat-12 ta’ Diċembru 1831.
 

Ritratt - Caroline Busuttil


Aktar tard fis-seklu dsatax, fis-sena 1889, insibu prokuraturi lill-kjeriku Luigi Gauci u Giovanni Stivala. F’dawn iż-żminijiet il-kappella kellha mhux biss id-dħul mid-dar fi Triq id-Dejqa iżda wkoll minn għalqa n-naħa tal-Għallis. Kull sena, qabel il-jum tal-festa ta’ San Ġwann, kienet issir ġabra fit-toroq tar-raħal li kienet titla’ bejn 7 u 11-il xelin. Fil-jum tal-festa kienet issir ukoll ġabra fil-kappella waqt il-quddiesa.

Il-festa kienet issir bil-kant tal-Għasar fil-jum ta’ qabel u quddiesa kantata bil-paniġierku fil-jum tal-festa. Kienet issir ukoll mixegħla, allura x’aktarx bit-tazzi taż-żejt bħalma kien isir fil-faċċata tal-knisja parrokkjali fil-festa tal-Bambina. Fl-ewwel sena tat-tmexxija minn dawn il-prokuraturi kienu saru żewġ purtieri ġodda tad-damask. Is-sena ta’ wara sar armarju ġdid għall-ilbies sagru. Interessanti li f’din is-sena lill-qassisin li kienu jiġu għall-festa mhux ruġjata tawhom iżda brandy! 

Fis-sena 1892 saru mill-ġdid it-twieqi tal-anterna tal-kappella u fis-sena ta’ wara sar leġiju ġdid. Fl-ewwel sentejn tas-seklu għoxrin il-kappella ma kellhiex prokuratur u allura ħa ħsiebha l-kappillan dun Franġisk Briffa. F’dawn is-sentejn, 1901-1902, kienet inksiet l-art bis-siment u saru żewġ tarġiet tal-irħam quddiem l-altar. Saru wkoll żewġ kolonni żgħar u mejda għall-altar.

Is-seklu Għoxrin

Imbagħad fil-1903 laħaq prokuratur Vittorio Camilleri li dam sal-1909. F’dawn is-snin nafu li l-ġabra ta’ qabel il-festa bdiet issir mar-raħal kollu u kienet titla’ maż-żewġ liri. Nafu wkoll li minn legati u dħul ieħor il-kappella issa kellha kapital ta’ 41 Lira Sterlina u 7 xelini liema flus kienu depożitati fil-Banco di Roma. Minn dan il-kapital l-isqof Pace, f’waħda mill-visti tiegħu  kien ordna lill-prokuratur biex iwarrab 12-il Lira.  Erba’ Liri kellhom imorru għar-restawr tal-kwadri li kien hemm fil-kappella u tmien liri għall-induratura tal-kandlieri. Fil-fatt nafu li dawn l-erba’ Liri tħallsu lill-pittur Giacomo Olzai li kien wieħed mill-pitturi Taljani li kien ġab il-Markiż Scicluna meta huwa kien qiegħed jirranġa l-palazz tiegħu, fejn pitter s-saqaf mill-isbaħ tas-sala tal-biljard fil-palazz. F’dawn is-snin kien jintuża’ orgni ta’ dun Ġwann Debono. Nafu wkoll li fl-1908 dan l-orgni kien ġie restawrat minn Vittorio Xerri li kien tħallas lira u nofs.

Il-festa

Wara Vittorio laħaq prokuratur dun Ġużepp Attard li dam jieħu ħsieb il-kappella sal-1927.  Fi żmien dun Ġużepp kienu ittranġaw il-bibien tal-kappella mill-mastrudaxxa Salvu Cachia u fil-1921 kien sar salib tal-ġebel minn Gulio Borg.  Minn hawn jibdew jidhru nies li nafuhom sewwa.  Fil-1928 Wiġi Spiteri tħallas għall-kant; fil-1935 tħallsu Vittorio Xerri bħala organista u Lorenzo Zerafa bħala kantant. 

Fis-snin ta’ qabel il-gwerra u matulha kienu jieħdu ħsieb il-kappella tal-MUSEUM. Fil-fatt kienu jagħmlu l-laqgħat  tagħhom fil-kappella. Fil-1937 Girardu Sciberras, ħu dun Anton, ħallas lil Mikiel Fenech għal xogħol ta’ dekorazzjoni. F’Mejju tal-1939 is-soċi interni tal-MUSEUM ta’ Ħaż-Żebbuġ tħallsu għal xogħol kien  ta’  induratura fil-mordent tal-prospettiva.  Matul il-gwerra jidher li l-festa baqgħet issir u f’dawn is-snin niltaqgħu ma’ aktar nies li nafuhom sew, kollha bħala kantanti: Babakku (Vitor), Il-Brajba (dun Karm), Fellusu (Karmnu Fenech), Tal-Purtaniera (Cikku Gauci), flimkien ma’ Wiġi Spiteri u  Lorenzo Zerafa bħala organista. Wara dawn is-snin tal-gwerra ma tidher l-ebda dokumentazzjoni.

Kwadru San Ġwann- Naxxar

Diversi saċerdoti kienu jieħdu ħsieb il-kappella jew għallinqas kienu jqaddsu fiha. Jissemma’ dun Alwiġ Schembri fis-snin ta’ wara l-gwerra. Aktar viċin ta’ żmienna mbagħad jissemma Fr. Troisi, diversi Ġiżwiti, Fr. Barbara u Fr. Reggie Magro, mill-Mosta. Il-festa baqgħet dejjem issir u magħha kienet issir ukoll il-ħuġġiega tradizzjonali. Wara li laħaq arċipriet dun Piet Xuereb, il-kappella bħal bdiet ħajja ġdida. Sar kumitat tal-knisja li beda jiltaqa’ regolarment. F’dan iż-żmien, allura fil-bidu tal-1979,  kien jiġi jqaddes regolarment patri Karm Zammit, Dumnikan. Flimkien miegħu fil-kumitat kien hemm Ġużeppa Camilleri, Vittoria Sammut, M’Dolores Sammut, Margerita Cachia, Antonia Zammit, Indri Farrugia, Ganni  Muscat, Theresa Zerafa, Kate Ellul. Ħafna drabi l-arċipriet, dun Piet, kien jattendi wkoll.

Il-kappella issa kienet saret sagramentali u l-quddiesa kienet issir regolari. Kienu isiru xi attivitajiet biex jinġabru l-flus bħall-lotteriji, ġbir mid-djar, ħarġiet u tombla. Dan kollu joħroġ mill-ktieb tal-kontijiet li issa reġa’ beda jinżamm. U jidher li kienu qed imorru mhux ħażin. Fl-aħħar ta’ Mejju kien hemm bilanċ ta’ LM 202.18.  Dan id-dħul kien ifisser li setgħu jagħmlu xi bżonnijiet li kienu neqsin fil-kappella. Hekk per eżempju f’Marzu 1979 kienu xtraw spotlight; f’April xtraw żewġ brazzi; f’Ġunju ġie indurat il-lampier, inxtara Missal ġdid kif ukoll żewġ kaxxi lampi. Dan kollu sar għall-festa li għaliha wkoll kien ġie stampat il-programm li tqassam lil 300 familja.   F’din is-sena jidher li l-festa saret b’daqsxejn ta’ pompa akbar mis-soltu. Fil-fatt fil-laqgħa tal-kumitat ta’ Lulju 1979, dun Piet kien faħħar ħafna l-festi li kienu saru biex il-kappella saret sagramentali kif ukoll dawk li saru għad unur tal-padrun San Ġwann Battista. L-unika ħaġa li inkwetatu kien il-ħruq tal-logħob tan-nar li kien sar f’għeluq il-festa. Kienu ġew  l-Iscouts tal-Marsa, is-St. Patrick’s Boys Brigade, kor waqt il-quddiesa tal-festa u grupp ta’ żgħażagħ li taw wirja f’jum il-festa. Kienu intefqu mal-mitt lira matul il-festa.

Imma l-kappella issa kienet ħadet ħajja ġdida bil-quddiesa ta’ kuljum, Barka Sagramentali wara l-quddiesa tal- Ħadd filgħodu kif ukoll xi konferenza. Kien isir pageant tal-Milied għal-tlett ijiem sħaħ u fl-aħħar tas-sena quddiesa bit-Te Deum.  Kienu jsiru wkoll anke l-festi sekondarji. Naturalment fil-Ġimgħa l-Kbira kienu jsiru l-funzjonijiet kollha inkluż l-armar ta’ sepulkru li għadu jintrama sal-lum.  Fil-laqgħa ta’ Jannar 1980 kien issemma’ wkoll li l-flus miġbura kienu telgħu għal 500 Lira Maltija u kienu ġew depożitati bħala Savings Account fil-Bank. Insomma kien jidher ċar li l-poplu kien qed japprezza dak kollu li kien qed jiġri. Hekk per eżempju meta saret ġabra biex jinxtara pissidi ġdid li kien ser iqum LM17.50, inġabru LM46.50! Mal-pissidi kienet inxtrat wkoll satla. Iżda  l-akbar biċċa xogħol li kellhom quddiemhom kienet is-saġristija li kellha bżonn kbir li tiġi rranġata.

Fuq din il-biċċa xogħol Fr Troisi, Giżwita li kien qabel jieħu ħsieb il-kappella,  kien lesta proġett. Il-kumitat iżda deherlu li ma kienx possibbli li jinħadem dan il-proġett tas-sagristija. Għalhekk kien ġie deċiż li jitbiddel is-saqaf u l-ħajt dobblu. Kien hemm diskussjonijiet oħra dwar altar ġdid, żewġ kolonni ġodda minflok dawk antiki tal-ġebel u żewġ fontijiet tal-ilma mbierek ħdejn il-bieb. Il-kolonni fil-fatt inxtraw f’Marzu 1980 bi prezz ta’ LM40.30. Ix-xogħol tas-sagrestija nbeda f’Mejju meta beda jitwaqqa’ s-saqaf. Dan ix-xogħol ħa xi ftit taż-żmien u sar ħafna xogħol voluntarju. Iżda l-bini tal-ħajt u saqaf ġdid kienu lesti għall-aħħar ta’ Mejju. Il-kisi tal-kamra u  tqegħid tal-madum saru aktar tard. L-ispiża kollha kienet qabżet il-mitejn Lira.

F’dan l-istess żmien kien qed isir salib bil-kurċifiss mill-istatwarju Albert Micallef  fl-1981 biex jitpoġġa fin-niċċa tal-ġenb. Dan illum għadu fil-post. Kienet ħallset għalih is-sinjura Rosina Troisi, illum mejta,  minn Birkirkara.  Sewa 50 Liri Maltin kien ġie mbierek nhar il-Ħadd 3 ta’ Mejju 1981 wara quddiesa għall-okkażjoni propju fil-festa tas-Salib Imqaddes.  Matul daż-żmien ġie rrestawrat darbtejn minħabba ħsarat dovuti għall-umdità, darba mill-istatwarju Albert Micallef innifsu fl-1984 fi żmien il-kappillan tan-Naxxar Fr. Peter Xuereb u aktar riċenti mir-restawratur John Pace ta’ Marsaxlokk (din l-informazzjoni ksibniha m’għand is-Sur Albert Micallef innifsu).  Ħafna mis-suġġerimenti li kienu issemmew  twettqu fix-xhur ta’ wara.

Il-kappella llum

Illum il-kappella hija mżejna bil-bżonnijiet kollha.  Iżda sfortunatament il-kitba tal-minuti tieqaf hawn u ma nistgħux ngħidu x’ġara wara Lulju 1980 mill-kumitat. Il-quddiesa ta’ kuljum ma waqfet qatt u jsiru xi funżjonijiet oħra wkoll. Il-kappella iżda issa reġgħet għandha bżonn ta’ restawr kemm minn barra kif ukoll minn ġewwa. Ta’ min wieħed jaħseb fuq dan biex ma nitilfux din il-ġawhra ta’ bini uniku.

Kitba ta’ Paul Catania
Ritratti ta’ Caroline Busuttil u Effie Ciantar

Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Effie Ciantar
Ritratt - Caroline Busuttil

Noel Ciantar © 2012-2023    webmaster@kappellimaltin.com