KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Il-knisja tal-Maddalena
~ Madliena l/o Swieqi ~

Ritratt - Caroline Busuttil

Il-qima tal-Maltin lejn Santa Marija Madalena hija antika ħafna u tmur lura għal ħafna snin. Din daħlet ħafna snin qabel il-miġja tal-Kavalllieri fil-gżejjer tagħna. Hawn min isostni wkoll illi din il-qaddisa fil-vjaġġ tagħha lejn Franza innawfragat f’pajjiżna u qattgħet xi żmien f’Malta, imma m’hemm l-ebda dokument jew referenza għal dan l-għajdut.  Il-monsinjur Dusina fl-atti taż-żjara tiegħu tal-1575 isemmi 3 kappelli iddedikati lil din il-qaddisa li kienu fil-Birgu, f’Ħaż-Żebbuġ u dik ta’ Ħad-Dingli. L-ewwel tnejn m’għadhomx jeżistu.

Minbarra minn hekk fil-passat kien hawn ukoll Konfraternitą iddedikata lil Santa Marija Madalena. Fil-preżent, f’Malta insibu mhux inqas minn erba’ kappelli ddedikati lill din il-qaddisa li huma dik ta’ Ħad-Dingli, waħda fiċ-ċimiterju tar-Rabat, fil-Belt Valleta u dik li nsibu fil-Madliena. F’dan l-artiklu ser nitkellmu fuq il-kappella iddedikata lil din il-qaddisa li tinsab fil-Madliena.
 

Ritratt - Caroline Busuttil


Biex wieħed jasal ħdejn din il-kappella jista’ jaqbad it-triq li minn ħdejn il-kappella tal-Assunta taż-Żellieqa fil-Għargħur tieħdok għall-Madliena. Din it-trejqa twasslek l-ewwel ħdejn il-Forti Madliena u jekk tibqa’ tiela’ tiġi ħdejn din il-kappella ċkejkna. Wieħed jista’ wkoll jasal ħdejha jekk minn Baħar iċ-Ċagħaq jaqbad it-triq prinċipali tal-Madliena u jibqa’ tiela’ sakemm jasal ħdejha. Il-kappella li naraw illum mhix l-oriġinali u fil-fatt din tinsab ftit ‘il bogħod minn fejn illum insibu il-Forti Madliena, il-post fejn wieħed qabel kien isib il-kappella l-oriġinali tal-Madliena.

Ritratt - Caroline Busuttil   Oriġini

Jidher li l-ewwel kappella fl-inħawi tal-Madliena tmur lura mill-anqas sal-aħħar tas-seklu ħmistax. L-isqof Molina u Ferres isemmu li fl-1490 fl-inħawi tal-Madliena, diġą kien hemm kappella iddedikata lil Santa Marija Madalena. Fil-fatt il-kappella tat l-isem lil dawn l-inħawi u sal-llum il-lokalitą hi magħrufa bħala “Il-Madliena”. Fiż-żmien meta nbniet il-kappella l-inħawi kienu magħrufa bħala Samudi jew Bjar Samut.  Dawn l-inħawi nsibuhom b’dan l-isem fil-listi tal-Milizja sa mill-listi tal-1419 u 1420.

Fl-atti taż-żjara ta’ monsinjur Dusina tal-1575 din il-kappella ma tissemmiex. Dan jista’ jkun jew għax il-kappella kienet fi stat ħażin jew inkella għal xi raġuni mhux magħrufa din il-kappella nqabżet u l-viżitatur appostoliku ma ttiehidx biex jaraha. Jidher li llum qed jinstab li kien hemm xi kappelli li għal xi raġuni jew oħra ma gewx inklużi fir-rapport taż-żjara ta’ monsinjur Dusina.

Imbagħad, fir-rapport tal-isqof Baldassare Cagliares tal-1615 insibu li hu sab lil din il-knisja fi stat tajjeb ħafna u kellha dak kollu li jinħtieġ. Isemmi lil ċertu Franciscus Sant li kien jieħu ħsieb il-kappella, u li dan kellu l-obbligu li jagħmel quddiesa u għasar fil-festa tal-qaddisa peress li kellu ġiebja li tappartjeni lil din il-kappella.

L-isqof Balaguer Camarasa fiż-żjara tiegħu lil din il-kappella fil-15 t’April 1659 kien sabha f’kundizzjoni ħażina u pprofanaha. F’din l-istess ġurnata l-isqof Balaguer kien ipprofana wkoll il-kappella ta’ San Ġwann il-Battista, fil-Għargħur ukoll.

Mill-atti taż-żjara tal-isqof Molina f’din il-kappella

Miż-żjara tal-isqof Molina, insibu ħafna informazzjoni fuq din il-kappella. F’dawn l-atti jissemma’ li din il-kappella hi antikissima u li fl-1490 l-isqof Valguarena kien ta lil ċertu Bartolomeo Vella ġiebja fit-triq tal-Madliena u li kellha magħha għalqa li tappartjeni  lil din il-kappella. Vella kellu l-obbligu li jixgħel il-lampier f’din il-knisja kull nhar ta’ Sibt u li jagħmel quddiesa kantata fil-festa tal-qaddisa.  Dawn l-obbligi kienu għaddew lill-eredi ta’ Vella kif jidher fl-atti ta’ dun Bartolomeo Bonavia tal-4 ta’ Lulju 1516.

Mill-atti taż-żjara ta’ Molina insibu wkoll illi fis-7 ta’ Lulju 1608, ċertu Isabella,  mart Domenico Dimech,  u Antonia, mart Zaccharia Calleja, ulied Piteru Galea, kienu qalu kif missierhom Pietru kien obbligat li jagħmel quddiesa f’din il-knisja u jagħti ikla lil min iqaddes. Dak iż-żmien ma’ din il-kappella kien hemm marbuta għalqa li kienet fit-triq tal-Għadira.

Ir-rapport tal-isqof Molina jsemmi wkoll li din il-knisja kienet ġiet ipprofanata mill-isqof Balaguer fl-1659, imma din kienet reġgħet inbniet mill-ġdid fl-1676.  Kif tlestiet fl-1678 kienet tbierket mill-isqof Astiria. Dan ġara wara li Mikiel Mifsud, il-prokuratur ta’ din il-kappella, kien kiteb lill-isqof Astiria u talbu biex din il-kappella terġa’ tingħata lura lin-nies ta’ madwarha.

Mill-kitba ta’ Achille Ferres

Fil-kitba tiegħu “Descrizione storica delle chiese di Malta e Gozo”, Achille Ferres fl-1866 jgħid li din il-knisja hi waħda antika u kienet diġą teżisti fl-1490. Hu jsemmi li l-knisja kienet ġiet ipprofanata fl-1676 mill-isqof Balaguer imma wkoll li l-isqof Astiria kien reġa’ fetaħha fl-1676. Jissemma’ wkoll li tmiss ma’ din il-kappella, li Ferres jgħid li kienet tinstab fuq għolja (collina), kien hemm dar żgħira u komda (hu jsejħilha “appartamento”) li kienet tintuża minn min kien jieħu ħsieba. Ferres jgħid ukoll li din il-knisja kienet intużat matul l-1798 waqt l-imblokk tal-Franċiżi u li minnha kienet issir l-għassa lejl u nhar.

Ritratt - Caroline Busuttil


Il-knisja titwaqqa’ biex minflokha tinbena l-Forti Madliena.

Għall-ħabta tal-1875 il-forzi Ingliżi kienu bdew jibnu sistema ta’ difiża fil-kampanja Maltija li wara saru magħrufin bħala il-“Victoria Lines”, minħabba l-ġublew tad-djamanti tar-Reġina Victoria fl-1897. Permezz ta’ din is-sistema ta’ difiża, Malta kienet tinqasam fi tnejn minn Fomm ir-Riħ sal-Madliena. Huwa fatt magħruf li anke l-Kavallieri ta’ San Ġwann, qabel l-Ingliżi, kienu ħasbu kif jistgħu jiffortifikaw il-“Great Fault” naturali li nsibu taqsam lil Malta minn Fomm ir-Riħ sal-Madliena. Prova ta’ dan huma t-trunċieri mħaffra mill-Kavallieri f’postijiet strateġiċi bħal f’Ta’ Falka u San Pawl tat-Tarġa.
 

Ritratt - Caroline Busuttil


L-iskop prinċipali tal-Victoria Lines kien id-difiża tal-portijiet Maltin. Fil-portijiet (Port il-Kbir u Port ta’ Marsamxett) kien hemm it-tarzna kif ukoll l-imħażen għall-ħatt u t-tagħbija tal-merkanzija, li kienu essenzjali għall-pajjizna. Barra minn  dan, il-maġġoranza tal-popolazzjoni Maltija ukoll kienet miġbura madwar il-portijiet. Il-portijiet ta’ Malta kienu użati kontinwament mill-flotta Ingliża, li kienet tant importanti għall-kontroll u l-amministrazzjoni tal-Imperu Ingliż speċjalment fil-Mediterran. Għalhekk attakk minn dawn in-naħat ta’ gżiritna li sa dak iż-żmien kienet għadha mhux difiża kienet tkun fatali.

Fl-1872 wasal Malta l-Brigadier General Adye, li issuġerixxa l-bini ta’ fortizzi matul il-“Great Fault”. Minn hawn nibet il-ħsieb tal-Victoria Lines. F’każ ta’ invażjoni min-naħa ta’ fuq ta’ Malta, l-għadu kellu jinżamm ’il bogħod mill-portijiet. Dan kellu jsir billi dawn jingħalqu permezz ta’ ċirku ta’ fortifikazzjonijiet, l-Victoria Lines (Grigal) rdumijiet naturali (fin-Nofsinhar) u batteriji u fortizzi (Tramuntana u Lvant).

Żviluppi importanti fl-arti militari fid-19-il seklu kienu dawk tar-rifle u tal-altillerija. Dawn kienu ż-żewġ kunċetti importanti li l-Ingliżi riedu jinkorporaw fil-bini tal-Victoria Lines.

Biex isaħħu dawn il-linji ta’ difiża kien hemm il-pjan li jinbnew 4 fortijiet f’dawn l-inħawi ta’ Malta. L-ewwel li nbniet kienet il-Forti Binġemma bejn l-1875 – 1878. Wara din inbniet il-Forti Madliena, fil-post fejn qabel kien hemm il-kappella tal-Maddalena. Kien ingħażel dan il-post minħabba l-post strateġiku, fejn kienet tinsab il-kappella. Wara nbnew ukoll il-Fortijiet tal-Mosta u ta’ Pembroke.
 

Royals


Il-Forti Madliena, li ħadet post il-kappella oriġinali, għandha forma ta’ pentagonu u kienet mibnija fuq profil baxx, sabiex ma tidhirx mill-baħar. Fit-tieni gwerra dinjija il-forti kien ġie armat b’radar station. Wara l-gwerra, l-forti serva bħala NATO radar station, biex finalment ġie abbanunat mill-Ingliżi fl-1970. Illum dan il-forti waqa’ f’idejn is-St. John Rescue Corps u jkun miftuħ kull nhar ta’ Sibt. Dan il-forti għandu bżonn dawra u restawr biex jerġa’ jieħu d-dehra li kellu qabel.

Il-kappella tinbena mill-ġdid

Kif rajna, il-kappella oriġinali fl-1880 kellha ċċedi postha biex minflokha jinbena l-Forti Madliena, għal raġunijiet ta’ difiża. Kien sar ftehim bejn is-Servizzi Ingliżi u l-Knisja Maltija li kellha tinbena kappella oħra minflok dik li kellha titwaqqa’. Fil-fatt din inbniet ftit ‘il bogħod mill-forti u hi dik li naraw illum u li tinsab fit-triq prinċipali tal-Madliena.

Il-kappella għandha faċċata sempliċi, bi gwarniċa fuq il-bieb prinċipali.  Fuq il-bieb prinċipali hemm ukoll tieqa nofs tond, li ddawal il-kappella minn ġewwa. Fin-naħa ta’ fuq insibu entablatura li ddawwar il-kappella kollha u fuqha hemm frontispizju li f’nofsu hemm kampnar b’qanpiena ġo fih. Din il-qanpiena ġġib l-isem “Bandak” u d-data “1963” bi prominenza kbira fuqha.  Il-kampanoloġista is-sur Kenneth Cauchi indikalna li din setgħet kienet qanpiena minn xi bastiment. 

Hu qal li din il-qanpiena għandha valur marittimu kbir fiha imma ekklezjastikament hija irrelevanti. Hawn ħafna kappelli li tilfu l-qniepen tagħhom għax huma żgħar u faċli iġġorrhom. Qniepen ta’ vapuri spiss jintużaw f ’kappelli għax id daqs tagħhom jikkompara sew mal-kappelli. Iżda is-Sur Cauchi jkompli jgħid li l-unika ħaġa simili bejn qniepen navali u dawk ekkleżjastiċi hija biss il-forma ġenerali  u anke din mhix daqshekk l-istess. L-unika vapur bl-isem “Bandak” u li nbena fl-1963 li stajna nsibu huwa “bulk carrier” Norveġiż li imbgħad tkisser għall-ħadid tiegħu fl-1987.  Il-kelma “bandak” bin-Norveġiż tfisser “fil-miftuħ”.  Il-kelma hija wkoll l-isem ta’ lag fil-kontea ta’ Telemark fin-Norveġja Din l-informazzjoni ħadniha mis-sit http:\\skipshistorie.net.
 

BANDAK


Intant, fit-truf fuq kull naħa tal-kampnar hemm żewġ dekorazzjonijiet (jissejjħu “piramidi”) forma ta’ boċċa. Il-kappella għandha zuntier żgħir quddiemha. Meta morna nzuru l-kappella innutajna li mal-faċċata tal-kappella hemm xi graffiti ta’ xwieni.

Minn ġewwa il-kappella hi ċkejkna imma ħelwa. Fl-altar ewlieni tagħha nsibu il-pittura ta’ Santa Marija Madalena, bilwieqfa, bl-ingwenraju f’idejha u b’salib żgħir fl-id l-oħra, simboli assoċjati ma’ din il-qaddisa. Fl-isfond tagħha fuq in-naħa tax-xellug naraw knisja b’dar żgħira magħha f’nofs il-kampanja.  Din hi ffirmata minn Filippu Dingli u datata 1660. Jidher li dan il-kwadru kien fil-kappella oriġinali u nġieb wara f’din. Dan il-kwadru kien ġie rrestawrat minn Alfred Briffa. Fuq in-naħa tal-lemin tal-altar hemm pittura oħra tal-Madonna tar-Rużarju li jingħad li hu tal-iskola ta’ Cali. Fuq in-naħa ta’ wara tal-kappella hemm sagristija żgħira. Is-saqaf tal-kappella hu troll u fin-nofs tas-saqaf hemm loġġ li jkompli jdawwal il-kappella.

Il-kappella llum

Sal-1998, din il-kappella kienet tagħmel mal-parroċċa ta’ San Bartilmew fil-Għargħur, u fiha kien jitqaddes il-quddies kull nhar ta’ Ħadd. Xi nies fl-inħawi tagħha jiftakru li fis-snin sittin u sebgħin fiha kien isir il-quddies kuljum. Wara din il-kappella waqgħet taħt il-parroċċa tal-Immakulata Kunċizzjoni f’Tal-Ibraġġ meta din tal-aħħar saret parroċċa fl-1999. Għal xi żmien kien isir il-quddies is-Sibt u l-Ħadd imma dawn l-aħħar snin ma baqgħax isir aktar quddies fiha.

Il-kappella tinsab f’kundizzjoni tajba u tinfetaħ okkażżjonalment għall-quddies.

Kitba ta’ Roderick Busuttil
Ritratti ta’ Carolone Busuttil u mill-Internet

Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil   3
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil   1
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Mill-Internet

 

Noel Ciantar © 2012-2023    webmaster@kappellimaltin.com