KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Ritratt - Caroline Busuttil

Santa Marija tal-Indirizz
~ Żabbar ~

Id-data eżatta ta’ meta nbniet din il-kappella m’hijiex magħrufa. Għalkemm fil-kitibiet dwar iż-żjara tiegħu f’Ħaż-Żabbar fl-1575, il-Viżitatur Appostoliku Dusina ma jsemmi xejn dwar din il-kappella, viżti mill-isqfijiet Gargallo u Cagliares fl-1600 u fl-1615 rispettivament, juru li din il-kappella flimkien ma’ oħrajn li ma ġewx imsemmija minn Dusina kienu diġą jeżistu. Fil-fatt, wara ż-żjara li għamel f’ Novembru tal-1600, l-isqof Gargallo kiteb li l-kappella kienet għadha kemm inbniet mill-ġdid u tkabbret mid-devoti u bil-ħidma ta’ Gaspare Testaferrata mill-Birgu.
 

Ritratt - Benny Scerri - Tal-Indirizz wara r-restawr1


Dan ifisser li minflok il-kappella preżenti kien hemm oħra iżgħar u eqdem. Gargallo kompla jgħid li l-kappella “kellha altar wieħed bil-pittura tal-Madonna u kull ma jinħtieġ. Id-devozzjoni lejha kienet tant kbira li ħafna nies kienu jżurha u bl-għotjiet tagħhom, il-lampier quddiem ix-xbieha tal-Madonna kien jinżamm mixgħul kuljum. Lejlet il-festa kien jitkanta l-għasar u nhar il-festa (15 ta’ Awwissu) issir quddiesa u jitqassam ikel lill-foqra”. Achille Ferres kiteb li fl-1627, l-istess Gaspare Testaferrata ħalla xi renti lil din il-kappella.

It-titlu

Din il-kappella hija ddedikata lit-tlugħ ta’ Marija fis-sema (l-Assunzjoni) u l-festa tagħha tiġi ċċelebrata fil-15 ta’ Awwissu. Hija l-uniku kappella f’Malta bit-titlu “Tal-Indirizz”. Dan l-isem jirreferi għall-Madonna bħala dik li tindirizzana (tmexxina) lejn is-salvazzjoni eterna. Fir-rapport tal-isqof Rull (1758-60), din il-kappella hija mniżżla taħt it-titlu “tan-Novizz”.

Il-leġġenda

Bħal diversi kappelli oħra li nsibu madwar Malta u Għawdex, din il-kappella għandha marbuta magħha leġġenda li tisspjega l-oriġini tal-kappella. Jingħad li fejn illum hemm il-kappella kien hemm ħanut tax-xorb u li fih sar delitt. B’dan id-delitt kien akkużat sid il-ħanut, li kien innoċenti. Huwa għamel wegħda mal-Madonna li jekk jinħeles mill-akkuża, jibni kappella ddedikata lilha. Il-grazzja nqalgħet u hu żamm kelmtu. Kilin kiteb li l-kappella li dan bena bħala wegħda hija l-apside tal-kappella tal-lum. Dettal żgħir li fih Kilin ma jaqbilx ma’ din il-verżjoni tal-leġġenda huwa li l-akkużat kien sid ta’ maħżen u mhux ta’ ħanut tax-xorb. Mhix ħaġa rari li f’leġġendi bħal dawn ikun hemm xi varjazzjonijiet, iżda jista’ jkun li din id-varjazzjoni ġejja mill-fatt li l-bini ta’ biswit il-kappella kien jintuża bħala maħżen fiż-żmien li Kilin kiteb il-ktieb tiegħu.


Jingħad darba seħħet ġrajja
Li ssemmiet maż-żminijiet
Din imxiet minn fomm għall-ieħor
Mill-missier għal għand l-ulied.

Tistgħu taħsbu dak kif baqa’
Meta bl-akkuża sar jaf
Mis-sema talab l-għajnuna
Xtaq joħroġ b’ idejh indaf.

Ħaż-Żabbar kien għadu ċkejken
B’toroq dojoq u sqaqien
Ħanut fetaħ fi triq minnhom
Qtar il-għenba ibiegħ kien.

Għalhekk għamel din il-wegħda
Mal-Omm twajba tas-Smewwiet
Flok il-ħanut, knisja jibni
Jekk teħilsu mill-inkwiet.

OldTavern
Knifefight

Fih kien jaħdem wieħed raġel
Jaqla’ ħobżu minn hemm ried
Waqt li jferrgħa terz jew pinta
Fil-ħanut iżomm il-kwiet.

U il-grazzja inqalgħetlu
Meta hu instab bla ħtija
Il-kappella beda jibni
Għal ġieħ Santa Marija.

Iżda darba nqalgħet ġlieda
Hekk skont kif tkompli l-ġrajja
Wieħed minn dawk involuti
Spiċċa fl-art, mejjet, bla ħajja.

Dil-kappella għadha wieqfa
U ssebħet matul iż-żmien
Tibqa’ tfakkar f’ din il-ġrajja
Fil-preżent u fil-ġejjien.

Għall-provi dlonk bdew ifittxu
F’ dak il-ħanut tal-inbid
Lill-qattiel baqgħu bla sabu,
Waħħlu f’ tal-ħanut is-sid.

Għalkemm din hija leġġenda
Ma nafux jekk ġratx tassew
Hi xhieda tad-devozzjoni
Ta’ dawk li qabilna ġew.




Żmien il-Franċiżi

Waqt l-imblokk tal-Franċizi, minħabba l-perikli li kien hemm, il-kappella bdiet tintuża bħala Parroċċa minflok is-Santwarju minħabba li dan kien ġarrab ħafna ħsarat wara li ntlaqat mill-balal li kienu jiġu sparati minn fuq is-swar tal-Kottonera. Din il-kappella kienet aktar ‘il bogħod u mkennija mill-isparar tal-balal.  Minbarra li kien isir il-quddies, saru wkoll xi żwiġijiet. Xiehda ta’ dan hi t-talba li saret lill-isqof Labini biex jiġi rreġistrat fil-kotba tal-parroċċa iż-żwieġ li sar bejn Ġużeppi Tabone u martu Rosa għax il-Parroċċa kienet f’periklu kbir. (“perche la Chiesa Parrochiale situate allora impedita dalle balle che si trivano della Cittą contro di essa”)

Kwadru ta Ganni Vellali juri tieg u l-knisja Tal-Indirizz


Il-faċċata

Il-faċċata tal-kappella hija waħda sempliċi b’bieb wieħed u tieqa tonda ftit ‘il fuq mill-bieb. Il-kappella għandha frontispizju żgħir. Kilin jgħid li l-bieb tal-faċċata huwa wieħed li ma jaqbilx mal-kumplament tal-faċċata u li oriġinarjament, taħt is-salib Grieg tal-faċċata kien hemm żewġ toqob li llum huma magħluqa bil-ġebel, u li fihom kienu jiddendlu żewġ qniepen żgħar. Il-kappillan dun Ġużepp Zarb, fil-ktieb ‘Żjara lill-Parroċċa ta’ Ħaż-Żabbar’ isemmi li kien hemm ‘bħal tliet twieqi bil-kolonni’ li fihom kien hemm il-qniepen, u mhux tnejn. Il-kampnar li hemm illum sar fil-bidu tas-seklu għoxrin. It-tlett qniepen li jinsabu f’dan il-kampnar saru fis sena 1904.

Fuq in-naħa tal-lemin tal-faċċata hemm imnaqqax graffit ta’ tartana (bastiment). Ħdejh hemm ukoll salib li kien graffit popolari f'postijiet ta' pellegrinaġġ.

Minn ġewwa

Is-saqaf ta’ din il-kappella huwa forma ta’ nofs tond (troll) u huwa mibni fuq tmien ħnejjiet. Fuq ġewwa, fejn hemm l-altar tal-ġebel, hemm kappella (apside) fuq l-istess għamla tal-knisja li hija iżgħar u aktar baxxa mill-bqija. Fis-saqaf ta’ din l-apside hemm lanterna u fil-ħajt ta’ wara l-altar hemm tieqa tonda li tinsab kważi totalment moħbija bil-prospettiva tal-injam li hemm madwar il-kwadru titulari. Fuq kull naħa hemm kamra, oriġinarjament mibnija bħala sagristiji u li kont tidħol għalihom minn bieb żgħir.
 

Ritratt - Caroline Busuttil


Fuq il-bieb ta’ barra hemm gallarija li wieħed jista’ jitla’ fiha mill-garigor tal-kampnar. F’din il-gallarija kien hemm orgni li tmerer u spiċċa biex inqered fil-bidu tas-snin ħamsin.
 

Ritratt - Caroline Busuttil


Tibdil strutturali

Fis-snin tmenin inħass il-bżonn li din il-kappella titkabbar. Għalhekk, infettħu żewġ ħnejjiet, waħda fuq kull naħa tal-altar, biex iniffdu il-kmamar fuq kull ġenb tal-apside, mal-bqija tal-kappella. Aktar riċenti, dawn l-arkati ingħalqu b’bibien tal-injam u l-ħġieġ biex il-kmamar ikunu jistgħu jintużaw bħala klassijiet għall-katekiżmu. 

Fl-istess żmien li nfettħu l-arkati, kien hemm ħsieb li jitneħħa l-altar maġġur biex ikun hemm spazju għall-altar mejda. Fortunatament dan il-pjan ġie mmodifikat u l-altar tal-ġebel iċċekken. L-altar mejda tal-injam li naraw illum sar fis-snin tmenin u l-ambone żżanżan fl-2009.   Il-faċċata tal-knisja ġiet irrestawrata fl-2013.

It-titular

Għal diversi snin, it-titular ta’ din il-kappella kien juri lil Madonna tal-Grazzja bilqiegħda bil-Bambin fi driegħa u li f’idejh qed iżomm globu. Il-figura tal-Madonna kienet inkurunata b’kuruna tal-fidda. San Pawl kien jidher fuq naħa minnhom u San Anard, qaddis protettur tal-ilsiera, fuq in-naħa l-oħra. Aktar ‘l-isfel kien hemm San Ġwann Battista tfajjel u ktajjen ta' lsir. Fuq wara jidhru żewġ anġli, wieħed idoqq l-arpa u l-ieħor iżomm kuruna ta’ ward.

Oriġinarjament dan il-kwadru kien jinsab fil-kappella tal-Madonna tal-Grazzja. Meta l-Gran Mastru Verdala rregala titular ġdid, it-titular l-antik tpoġġa fuq altar fil-ġenb tal-istess kappella. Aktar tard ittieħed fil-kappella ta’ Santa Marija (tal-Indirizz). Minħabba li dan il-kwadru kellu ċertu għożża tqiegħed fuq l-altar maġġur. Sar kwadru ieħor ovali li juri l-Assunzjoni ta’ Marija li tpoġġa aktar ‘il fuq minn dak tal-Grazzja.

Fl-1860, prospettiva tal-injam li kienet tinsab fil-kappella l-antika tal-Lunzjata inġiebet fil-kappella ta’ Santa Marija u tpoġġiet madwar il-kwadru titulari. Minħabba f’hekk il-kwadru ovali li juri ‘l-Assunta tneħħa minn postu. Għalhekk, għal aktar minn mitt sena, f’din il-kappella ma kien hemm ebda kwadru fuq l-altar maġġur li jirrapreżeta t-titlu tal-kappella.

Fil-bidu tas-sebgħinijiet tas-seklu għoxrin, it-titular li juri lill-Madonna tal-Grazzja tneħħa minn din il-kappella u tpoġġa fil-mużew tas-Santwarju. Minfloku iżżanżan titular ġdid li tpitter minn Rafel Bonnici Cali fl-1974.  Dan it-titular juri lil Madonna b’libsa bajda u mant ikħal, wieqfa fuq sħaba b’ħarsitha l’fuq, tielgħa s-sema mwieżna minn żewġ anġli. Madwar sider il-Madonna jidhru faxex imkebbin. Fil-parti t’isfel tal-kwadru hemm speċi ta’ għar li fih qabar miftuħ, b’ liżar mitluq fuq naħa waħda. Taħt l-isħaba, anġlu iżgħar mit-tnejn l-oħra, jidher iferrex ward aħmar u isfar.

Statwi u pitturi oħrajn

F’kull ġenb tal-kappella hemm niċċa. Fuq naħa minnhom hemm statwa tad-Duluri b’Ġesł mejjet, filwaqt li fuq in-naħa l-oħra hemm niċċa iżgħar bi statwa ta’ Sant’ Antnin kif ukoll kaxxa għall-offerti għall-ħobż tal-istess qaddis. Din l-istatwa kienet ċentru ta’ devozzjoni. Filfatt, mad-dawra tan-niċċa hemm post fejn kienu jitwaħħlu diversi ex-voto, li llum ittieħdu fil-mużew tas-Santwarju.
 
Fil-kappella hemm ukoll sett antik tal-istazzjonijiet tal-Via Sagra. Kien hemm ukoll ħames pitturi ta’ artisti mhux magħrufa, li jirrappreżentaw in-Nattivitą, il-Madonna tar-Rużarju, il-Kurċifissjoni, l-Ecce Homo u lil San Pietru, li llum kollha jinsabu fil-mużew tas-Santwarju.

Opra tal-arti oħra li llum tinsab fil-mużew tas-Santwarju u li kienet tinsab fil-kappella ta’ Santa Marija kien pulptu b’pittura ta’ Santa Marija fuqu.

Post għad-dfin

Fil-bidu tas-snin ħamsin, meta kienet qed tinqala’ l-art biex jitqiegħed il-madum, quddiem in-niċċa ta’ Sant Antnin instabu żewġ skeletri midfuna taħt xriek.

Il-festa

Il-festa ta’ din il-kappella tiġi ċċelebrata fil-15 ta’ Awwissu. Achille Ferres isemmi li fis-seklu dsatax kien jingħata kolazzjon lil dawk li kienu jattendu għal din il-festa. Illum din il-festa tiġi ċċelebrata b’quddiesa kantata fis-sebgħa ta’ filgħodu, f’nhar Santa Marija. Fil-jiem ta’ qabel issir quddiesa fil-beraħ u attivitą soċjali għall-familji.

Quddies

Għal bosta snin, f’din il-kappella kien isir quddies ta’ kuljum. Fis-snin sittin kienet issir quddiesa kuljum fis-sitta u nofs ta’ filgħodu li kienet titqaddes mill-patrijiet Karmelitani tal-Fgura. Illum, issir quddiesa fis-sebgħa ta’ filgħodu f’kull jum tal-ġimgħa minbarra nhar ta’ Tnejn. Kull tielet Ħadd tax-xahar, il-quddiesa ssir fis-7:00am ta’ filgħodu bħal Ħdud u l-ġranet l-oħra. .
 

Ritratt - Silvan Spagnol


Lezzjonijiet tal-katekiżmu

Qabel infetħet fergħa tas-soċjetą tal-MUSEUM f’Misraħ San Ġakbu, din il-kappella kienet tintuża biex fiha isiru lezzjonijiet tat-tagħlim Nisrani. Jidher li meta nfetħet din il-fergħa dawn il-lezzjonijiet twaqqfu. Lejn l-aħħar tas-snin tmenin reġgħu bdew isiru dawn il-lezzjonijiet, kif għadu jsir sal-lum.

Ċentru Pastorali Santa Marija

Illum din il-kappella tifforma parti miċ-Ċentru Pastorali Santa Marija fi ħdan il-parroċċa ta’ Ħaż-Żabbar. L-għan ta’ dan iċ-ċentru huwa li jieħu ħsieb il-bżonnijiet spiritwali, pastorali u soċjali li jgħixu fiż-żona Santa Marija, billi janima l-quddies li jsir fil-kappella, jikkordina l-lezzjonijiet tal-katekiżmu u jorganizza l-attivitajiet li jseħħu fiż-żminijiet differenti tas-sena.

Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Silvan Spagnol
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Guzeppi Theuma
Ritratt - Guzeppi Theuma
Ritratt - Guzeppi Theuma
Ritratt - Guzeppi Theuma
Ritratt - Guzeppi Theuma
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Guzeppi Theuma
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Silvan Spagnol


Restawr fuq il-pittura tat-titular l-antik
(Mislut minn artiklu ta’ Carmel Bonavia li deher fis-Sunday Times of Malta tat-2 ta’ Settembru 2012)

L-ewwel pittura f’din il-kappella u li għadha kemm ġiet irrestawrata kienet deskritta fid-dettal minn monsinjur Francesco Pontremoli, Vigarju Kapitolari fl-14 ta’ Settembru tal-1634 u baqgħet f’din il-kappella sal-1972 meta ttieħdet fil-Mużew tas-Santwarju mill-Kappillan dun Ġużepp Zarb.

Din il-pittura fuq il-kanvas kellha bżonn restawr qawwi minħabba ħsarat, żebgħa żejda u interventi mhux professjonali li saru fuqha matul iż-żminijiet.  Huwa stramb kif insibu ż-żibeġ tal-kuruna tar-Rużarju fl-id ix-xellugija ta’ San Pawl.  Dawn probabbli ġew miżjuda fil-bidu tas-sbatax-il seklu meta bdiet tikber id-devożżjoni lejn ir-Rużarju – tant hu hekk li fl-1617 twaqqfet l-ewwel fratellanza tar-Rużarju f’Ħaż-Żabbar.

Ħaġ’oħra nteressanti hu kif il-figura ta’ San Pawl f’din il-pittura kienet misinterpretata matul is-snin.  Fil-viżti pastorali ta’ bejn l-1634 u l-1759, din il-figura kienet meqjusa li tirrapreżenta lil San Ġużepp.  Imbagħad, sal-1862, beda jitqies li kien San Żakkarija, missier Ġwanni l-Battista filwaqt li fiż-żjara tal-1866 beda jitqies li kien San Pietru.  Minkejja kollox, id-devozzjoni lejn il-Maddonna kotrot matul is-snin.

Fil-viżta tal-isqof Davide Cocco Palmieri tal-1686 insibu li l-pittura kienet imżejjna b’żewġ kuruni tal-fidda, waħda fuq ras il-Madonna u l-oħra fuq ras il-Bambin. Il-pittura tqiegħdet bejn kolonnar minqux u indurat.   Inkurunazzjonijiet bħal din kienu popolari f’Malta, fosthom f’Birkirkara, Valletta, Senglea u Ħal Qormi.

Ir-restawr riċenti wera li kien sar xi restawr ieħor fl-antik inkluż tqegħid ġdid tal-bażi.  Kienet intużat żebgħa biex timla’ t-toqob tal-materjal li kien iżomm il-pittura.  Materjal ieħor bħalma hu biċċiet ta’ qoton meħjutin flimkien kif ukoll biċċiet ta’ kanvas kienu wkoll intużaw xi darba jew oħra fl-interventi varji li kienu saru fuqha.
Biċċiet ta' gazzeti kienu ntużaw biex iraqqu l-partijiet imċarrtin, l-aktar fl-ilbies ta’ San Pawl, liema parti li kellha l-aktar ħsara.  Minn dawn il-gazzetti nafu li dan l-intervent partikolari sar bejn is-snin 1866 u 1880.

Fil-viżta tiegħu fl-1866 il-monsinjur Felix Cutajar, id-delegat tal-isqof Gaetano Pace Forno  insista li jsir restawr professjonali fuq din il-pittura.  Il-libsa ta’ San Pawl u l-kolonna ta’ ħdejn idu huma l-provi li għandna tal-intervent li kien sar fl-1880 minn restawratur li jġib l-inizzjali G.B. iżda li għad ma nafux minn kien.

Ir-restawr riċenti li sar mid-ditta Art Restoration ta’ Ħal Qormi urew il-kuluri u dinsinnji oriġinali.  Il-fattizzi u l-kulur fuq wiċċ il-Madonna kienu tqaxxru u ntilfu għal dejjem.  Iżda l-fattizzi raffinati ta’ San Leonardu u San Pawl għadhom hemm u minnhom nistgħu napprezzaw il-livell artistiku għoli tal-pittur oriġinali.
 

Ritratt - Guzeppi Theuma   -  Qabel ir-restawr
Ritratt - Guzeppi Theuma   -  Wara r-restawr

Kitba ta’ Silvan Spagnol u Noel Ciantar (dwar ir-restawr tal-pittura)
Ritratti ta’ Silvan Spagnol, Carolone Busuttil, Benny Scerri u Guzeppi Theuma

Ritratt - Guzeppi Theuma

Noel Ciantar © 2012-2023    webmaster@kappellimaltin.com