KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Ritratt - Philip Xuereb             It-tieqa tal-faccata

Marija Għajnuna tal-Insara
~ fl-Oratorju ta’ Birkirkara ~

‘Il hinn mill-assoċċjazzjoni mal-forma mużikali, il-kelma “Oratorju” tfisser “lok ta’ talb” u hija mnissla mill-kelma Latina “orare”.  Teknikament, din tfisser binja li mhix il-knisja parrokkjali li tkun indikata mill-awtoritajiet tal-knisja li fiha jkun jista’ jsir is-smiegħ tal-quddies u talb ġenerali.    Ħafna drabi dawn kienu jkunu knejjes żgħar mibnija fuq xi qabar ta’ xi martri fejn in-nies kienu jmorru jitolbu.  Aktar tard bdew ikunu binjiet privati ġo palazzi, kunventi jew seminarji fejn kien ikun aktar konvinjenti għas-sid li jkun jista’ jitlob fil-privat.  Oratorji pubbliċi jitqwaqqfu mill-Isqof u jkunu dedikati biss għall-quddies u jkunu aċċessibbli mit-triq.

L-assoċċjazzjoni mal-forma mużikali tradizzjonalment teħodna lura sa żmien San Filippu Neri, f’Firenze fi żmien ir-Rinaxximent, fejn jingħad li kienu jsiru rapreżentazzjonijiet mużikali ta’ temi Bibbliċi iżda mingħajr ir-reċtar.

Ritratt - Noel Ciantar             20141118_164917


Il-bidu

Fl-1910 beda jinħass li t-tfal ta’ Birkirkara kienu neqsin mit-tagħlim dwar il-fidi Kattolika u għalhekk inħasset il-ħtieġa li jinbena lok fejn is-subien setgħu jirċievu tagħlim adekwat dwar id-duttrina kif ukoll jikbru flimkien f’atmosfera b’saħħita.

L-inizjattiva biex jinbnew l-Oratorju u l-knisja ddedikata lil Marija Għajnuna tal-Insara kienet ta’ Kanonku żagħżugħ Karkariż dun Mikiel Sammut, li kien baqa’ jaħdem fih prattikament sa mewtu fl-1927. It-tqegħid tal-ewwel ġebla ta’ din il-knisja u tal-Oratorju ta’ Birkirkara nnifsu sar mill-Prepostu dun Alfons Borg, bħala delegat tal-Arċisqof ta’ dak iż-żmien, il-monsinjur Pietru Pace, nhar l-Erbgħa 23 ta' Marzu tal-1910.  Iżda biex jimmaterjalizza l-proġett instabu l-benefatturi n-Nutar Mikiel Luiġi Casolani u martu Giulia, mill-Belt, li t-tnejn li huma wkoll baqgħu jinteressaw ruħhom fih ħajjithom kollha.

Din il-knisja kienet ħadet dawra ta' erba' xhur biss biex tlestiet u kienet inawgurata nhar it-Tnejn 31 ta' Lulju 1910.  Għall-ewwel sentejn, kif kien ippjanat, l-Oratorju tmexxa mis-Sależjani u għalhekk it-titular tal-Auxilium Christianorum fil-kappella u għalhekk ukoll l-Oratorju ssemma għal Domenico Savio, li kien sa dak iż-żmien kien għad ma ġiex iddikjarat qaddis.  Fil-bidu s-subien kollha ta’ Birkirkara kienu jitgħallmu d-duttrina f’dan l-Oratorju – qabel dan it-tagħlim kien isir fis-Santwarju tal-Madonna tal-Ħerba.

Imbagħad aktar tard daħlu għalih il-Frères li damu erba’ snin hemm u kienu fetħu wkoll skola fl-Oratorju.  Wara, baqa’ jmexxih il-kanonku Mikiel Sammut bl-għajnuna ta’ ħuh Ġużeppi, kanonku wkoll, tas-sorijiet Missjunarji ta’ Marija li dak iż-żmien kienu joqogħdu fil-qrib, u ta’ xi qassisin u lajċi. Dawn tal-aħħar, sew jekk bħala katekisti, sew jekk mod ieħor, dejjem taw kontribut qawwi fil-ħidma fl-Oratorju.

Fl-1927 indaħal għalih kuntrattwalment monsinjur Ġużeppi De Piro, f’isem is-Soċjetà li kien waqqaf hu stess, is-Soċjetà ta’ San Pawl, li f’idejha għadu l-Oratorju ta’ Birkirkara b’din il-knisja miegħu sal-lum.

Minbarra li taqdi l-ħtiġijiet tal-Oratorju nnifsu, din il-knisja kienet saret sagramentali fis-snin għoxrin tas-seklu li għadda.  Fiha jsiru żewġ quddisiet kuljum, ħidma pastorali u servizzi reliġjużi għan-nies tal-inħawi, u ċ-ċelebrazzjoni ta’ festi ewlenin bħal dawk tal-Milied u tal-Ġimgħa l-Kbira u l-Għid. F’Ġunju ssir ukoll il-festa ta’ Marija Awżiljatriċi.  Għal xi sittin sena kien jieħu ħsieb din il-kappella u taha kontribut qawwi f’dak li kienet tkun tinħtieġ, Ġanninu Buttigieg.

Il-knisja minn barra u minn ġewwa

Il-knisja tal-Oratorju fiha dawra ta' ħmistax-il qasba (qasba fiha madwar 2.1 metri) tul inkluż il-presbiterju, b'erbgħa wisgħa.  Hija msaqqfa ċatt bi travi tal-ħadid midfunin fix-xorok.  Minn barra, l-faċċata hija bbażata fuq l-istil tradizzjonali tal-kappelli  ż-żgħar imxerrdin f'pajjiżna:  rettangolu għoli maħkum minn żewġ pilastri Toskani fuq zokklatura maqlugħa, fit-truf.  Fin-nofs bieb wiesa' jagħlaq ħnejja nofs tond u aktar 'il fuq minnu, tieqa tonda.  Il-loġġ tal-bieb u t-tieqa ta' fuqu jingħalqu bi grada tal-ferrobattuto ffjuriti tabilħaqq xogħol sabiħ.  Il-frontispizju ffurmat mill-iskrizzjoni bil-Latin tal-kliem  “Ħallu t-tfal jiġu għandi, u la żżommuhomx, għax tagħhom hija s-saltna t’Alla”, akkumpanjata  minn żewġ pilastri żgħar u fuq jagħlaq nofs tond bis-salib fuqu.  Quddiemha hemm parapett imdawwar b’balavostrat li ġġedded reċentement.
 

Ritratt - Philip Xuereb             Arkiv SA Orat_0027d
Ritratt - Philip Xuereb             Oratorju kappella 002
Ritratt - Philip Xuereb             Kif inhu issa l-Oratorju Bkara - John Scerri

 

Minn ġewwa, it-tul tagħha huwa mqassam f'ħames indani b'pilastri ċatti, li fil-ħitan jifirdu ħames panewijiet, kull wieħed minnhom b'tieqa tonda 'l fuq, imma iżgħar minn tal-faċċata.  Il-pilastri ma fihomx kapitelli imma jingħaqdu mal-gwarniċun li jdur mal-kappella kollha bi speċi ta’ ċappetta, arranġament aktarx stil liberty, innovattiv fl-arkitettura ta’ knejjes lokali dak iż-żmien.

Il-presbiterju jieħu l-indana ta' ġewwa kollha u kellu altar stil tradizzjonali.  Il-ħajt tal-fond, mal-ġnub tal-altar, fih żewġ bibien għas-sagristija. Fl-1972 sar tibdil għall-ħtiġijiet tal-Konċilju Vatikan II u sar it-tabernaklu tal-irħam li hemm illum.  Fl-1985 sar l-altar mensa tal-irħam fl-okkażjoni li din il-knisja kienet ġiet ikkonsagrata mill-Arċisqof Ġużeppi Merċieca.  Fil-gwarniċ fejn illum hemm il-kurċifiss, possibbilment ta’ Wistin Camilleri, kien hemm statwa tal-Madonna Għajnuna tal-Insara ta’ V. Cremona. Il-kwadri ta’ San Ġużepp u San Alwiġi li hemm fil-ġnub, ifakkru ż-żewġ  għaqdiet għaż-żgħażagħ ħaddiema u studenti li kienu twaqqfu meta l-Oratorju kien jitmexxa mis-Sależjani.

Fl-indana tan-nofs fin-naħa tal-grigal hemm bieb sekondarju li jagħti għal ġol-ground tal-logħob u faċċata tiegħu hemm niċċa li llum fiha vara tal-injam ta' Marija Awżiljatriċi maħduma Bolzano, fl-Italja u nġabet fl-1965. Fuq is-sagristija u jħares lejn il-ground hemm kampnar bi tliet qniepen tad-ditta Franċiża Paccard li saru fl-1959.   Dan il-kampnar ma jidhirx mit-triq fejn hemm il-faċċata tal-knisja.  Fl-1980 saru l-antiporta li hemm illum fuq disinn tal-artist Ġanni Fenech u l-gallarija ta’ fuqha. Wara l-presbiterju hemm għadd ta’ kmamar li jintużaw bħala sagristija.

F’din il-knisja hemm ukoll żewġ niċeċ oħra li ġġeddu reċentement u li fihom statwi tal-Qalb ta’ Ġesù u ta’ San Ġużepp waqt li fl-antiprta hemm niċċa bi statwa tal-injam ta’  San Domenico Savio, xogħol lokali, u oħra ta’ San Pawl. Sa mill-bidu tagħha din il-knisja kienet imgħammra bil-bankijiet li reġgħu ġew irranġati f’mod aktar komdu m’ilux.

Il-knisja llum

Biż-żmien  l-Oratorju issa qed jilqa’ fih bniet u tfajliet żgħażagħ ukoll.  Fit-tmeninijiet l-Oratorju reġa’ wessa’ l-iskop tiegħu u sar ċentru għall-familja kollha.  Kien sar ħafna xogħol ta’ tiġdid fil-bini tal-Oratorju li kważi inbena mill-ġdid.

Kitba ta’ Philip Xuereb
Ritratti ta’ Philip Xuereb, Fr. Jonathan Farrugia u Noel Ciantar

Ritratt - Philip Xuereb             Kampnar u Qniepen 1959
MonsinjurGuzeppiDepiro
Ritratt - Philip Xuereb             Il-Kanonku Dun Mikiel Sammut promutur tal-Oratorju ta' Birkirkara
Ritratt - Philip Xuereb             Giulia Casolani
Ritratt - Philip Xuereb             In-Nutar M.L. Casolani
Ritratt - Philip Xuereb             Oratorju Kurcifiss 005
Ritratt - Fr Jonathan Farrugia                     Birkirkara - il-vara ta' l-Awziljatrici01
Ritratt - Philip Xuereb             Konsagrazzjoni - 1985
Tfal ground Orat u l-inhawi snin 50 - fl-isfond illum hemm il-qasam idustrijali u l-lokalita ta' San Gwann

Noel Ciantar © 2012-2023    webmaster@kappellimaltin.com