KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Ritratt - Fr  Jonathan Farrugia

San Leonardu ta’ Wied Liemu
~ limiti tar-Rabat ~

F’parti mill-kampanja li tinsab madwar ir-Rabat ta’ Malta, insibu post imsejjaħ "ix-Xagħra ta’ San Leonardu" . F’dan il-post insibu xenarju mill-isbaħ u ħafna art fertili u agrikola. Wieħed mill-eqdem bini li nsibu f’dawn l-inħawi hija il-knisja tal-Lunzjata u naqra ta’ kunvent ċkejken magħha.

Taħt din il-knisja, insibu għar li kien iservi bħala knisja antika ddedikata lil San Leonardu.  Din il-knisja hija għalhekk knisja trogloditika u tmur lura għaż-żmien tal-medjuevu tardiv, qabel ma l-knisja ta’ fuqha tal-Kunzjata kienet inbniet.  Il-professur Mario Buhagiar jiddeskrvi dan is-sit bħala “sit ta 'interess artistiku u arkeoloġiku notevoli li jixraqlu l-ogħla livell ta' protezzjoni”.

Il-bidu

Id-data preċiża ta' meta ġew il-patrijiet Karmelitani f'Malta mhix magħrufa. Nafu iżda li fil-5 ta' Ġunju tal-1418 sar testment minn mara nobbli ta' nisel Spanjol, jisimha Margarita d'Aragona de Peregrino, li ħalliet knisja tal-kampanja ddedikata lill-Annunzjazzjoni flimkien mal-kunvent ta' magħha fl-inħawi ta' San Leonardu fil-limiti tal-Rabat tal-Imdina, biex tintuża minn xi ordni reliġjuż bl-obbligu li l-membri tiegħu jgħidu kuljum l-Uffiċċju Divin fil-knisja msemmija.  Ta’ min jgħid li Donna Margarita ma ħallietx din l-art speċifikament lill-Patrijiet Karmelitani iżda ħallietha lil xi ordni ta’ Patrijiet Mendikanti, li dawk iż-żminijiet bdew jiġu f’Malta, u li riedu jużawha b’dan il-mod.

Donna Mrgarita kienet il-mara ta’ Giacomo de Peregrino li kien imlaħħaq bħala l-“Kaptan ta’ Malta” mir-Re ta’ Sqallija nnifsu.  Dan kellu ambizzjonijiet politiċi tant li daħal fi nkiewt u djun u kellu jiġi r-Re Frederiku IV innifsu f’Malta biex iħoll il-kobba nkwiet li kien daħal fiha.  De Peregrino reġa’ waqa’ fl-inkwiet ieħor simili u fl-1372 kellu jerġa’ jiġi r-Re innifsu biex isolvi-problemi.  Din id-darba jidher li de Peregrino anke offra xi reżistenza lir-Re u inagħlaq fil-Castrum Maris fil-Birgu.  Iżda s-saħħa politika u l-ambizzjonijiet tiegħu issa kienu spiċċaw fix-xejn u kien intbagħat ‘il himm minn Malta eżiljat.

Madankollu, il-propjetą li kellu baqgħet tgawdiha l-mara tiegħu Donna Margarita u għalhekk setgħet tagħti dawn l-artijiet lil xi ordni mendikanti fl-aħħar testment tagħha tal-1418.  Barra l-art f’Wied Liemu, il-Karmelitani inagħtaw il-palazz fejn kien joqgħod de Peregrino fl-Imdina.  Fejn illum insibu l-knisja tal-Karmelitani u il-kunvent togħhom  jista’ possibilment kien is-sit tal-palazz ta’ de Peregrino.

Għar ta’ San Leonardu

Fil-viċinazi tal-knisja tal-Luzjata, insibu l-għar ta’ San Leonardu, li minnu ħareġ l-isem ta’ dawn l-inħawi.  Dan l-għar, forma ta’ kappella antika ħafna, kien ukoll tħalla lill-Karmelitani. Tasal għalih minn trejqa qalb l-għelieqi u taraġ m’għola sular li jieħdok għal bieb żgħir, magħluq b’rixtellu tal-ħadid, li għalkemm jipproteġi mis-serq u l-vandaliżmu, ma jipproteġix mill-elementi tan-natura.

Il-knisja troglodidika ta' San Anard ta' Wied Liemu hija ppreservata tajjeb.  Il-kittieb Sqalli Rocco Pirri, fl-1638 ħallielna kitba ta' għidut qadim li kien jgħid li komunitą ta' eremiti kienu jgħammru fl-għerien tal-inħawi u li kienu jiltaqgħu biex jitolbu flimkien f'din il-knisja troglodidika.


Ritratt - Caroline Busuttil - Apside wara l-2018


Din il-knisja trogloditika, li tmur lura lejn il-bidu tas-seklu tlettax, sarulha tibdiliet u alterazzjonijiet lejn il-bidu tas-seklu ħmistax meta s-sit ingħata lill-komunita ta' patrijiet Karmelitani.  Fost iż-żidiet li jispikkaw kien hemm il-bini tal-apside f'forma tonda ċilindrikali.  Mill-banda l-oħra, il-bankijiet tal-ġebel imnaqqxa fil-ħajt ("dikkiena") probabilment kienu jagħmlu parti mill-knisja oriġinali.

Bħalma nafu, San Anard (San Leonardu) ma kienx qaddis Sikulo Normann (kien minn Limoges, fi Franza) iżda kellu kult qawwi fi Sqallija fi żmien in-Normanni.  Huwa l-qaddis protettur ta’ dawk li kienu jaqgħu fil-jasar. Għalhekk lil dan il-qaddis narawħ iżomm f’idejħ katina li tissimboliżża l-ħelsien mill-jasar.  
 
Eżatt kif tidħol fiha, fuq innaħa tal-lemin, din il-knisja trogloditika fiha fdalijiet ta' pittura ta' San Leonardu li jidher li saret fis-seklu ħmistax jew aktar tard.   Il-karatteristika l-iktar notevoli tagħha  hija l-apside ċilindriku mibni, li fi żmien kellu pittura fuqu u li kien baqa’  jidhru biss xi biċċiet ta’ ġibs miżbugħ

Minkejja dan, jista' jkun li din il-pittura kienet saret flok oħra ta' stil Sikulo-Bizantin bħalma kien ġara fi bnadi oħrajn bħalma ngħidu aħna fil-knisja trogloditika ta' Sant'Agata.  Mhux l-ewwel darba li naraw pitturi li jkunu saru fil-medjuevu tardiv li iżda jkunu kopji kważi fidili ta’ oħrajn qabilhom u għalhekk ta’ stil aktar antik  Dan juri kemm kultant hu diffiċli biex tiddata ħwejjeġ tal-arti skont l-istil biss aktar u aktar meta ma jkun hemm l-ebda dokumentazjoni.

Din il-knisja trogloditika hija mfassla f’għamla ta’ nofs tond u fuq kull naħa hemm daħliet imħaffrin fil-ġnub tal-għar.  Għandha wkoll id-dikkiena maqtugħun fil-blat.  L-istatwa żgħira ta’ San Leonardu li kien hemm fuq l-altar tneħħiet u tqiegħed f’kuridur fuq barra tad-dar tat-talb annessa mal-knisja u kunvent tal-Lunzjata tal-patrijiet Karmelitani.

Pittura ġdida

Il-Professur tal-Istorja Mario Buhagiar, f’ittra lit-Times of Malta li dehret nhar il-Ħadd, 6 ta’ Mejju tal-2018, jgħid li xi għaxar snin qabel kien iddiskuta s-sit ma’ Sharon Cather, Professur tal-Istudji ta' Konservazzjoni fl-Istitut Courtauld f'Londra, u din ħasset li dan kien sit li jistħoqqlu investigazzjoni xjentifika.

Dan issa m'għadux possibbli.  Fl-aħħar sentejn, l-apside tqaxxret sabiex issir pittura ġdida ta’ San Leonard u l-Verġni Marija mal-ħajt fi stil Biżantin  falz (“sham” skont il-Professur Buhagiar), u fil-proċess qerdet l-evidenza storika u arkeoloġika  ta’ arti prezzjuża li kien seta’ baqa’.  Biex inkomplu nikkwotaw mill-ittra tal-Professur Buhagiar, “dan huwa eżempju flagranti ta’ dak li jistgħu jagħmlu l-injoranza, l-inkompetenza u n-nuqqas ta’ sensittivitą għall-wirt nazzjonali.  Għar San Anard ġie ddegradat u misruq minn potenzjal dijanjostiku artistiku u storiku mportanti.”

Il-Professur Buhagiar ikompli jgħid li “l-ironija hija li dan l-intervent meskin  preżumibbilment sar  bl-aħjar intenzjonijiet biex jagħti lill-grotta appell aktar ġdid tal-kult u jipreżumi li dawk responsabbli huma kuntenti b'dak li kisbu”. Il-professur jikkonkludi  li dan iżid it-traġedja ta' Għar San Anard.

Aħna tas-sit www.kappellimaltin.com kumbinazzoni żorna dan is-sit ftit ġranet qabel, fl-1 ta’ Mejju tal-2018, għalkemm nisħqu li m’hemm l-ebda rbit bejn iż-żjara tagħna u l-ittra tal-Professur Buhagiar.  M’għandna xejn xi nżidu ma’ dak li qal il-professur  għax dan qal kullma  kellu jingħad mingħajr tlaqlieq.  L-unika ħaġa li forsi wieħed jista’ jżid hu li almenu l-framment li għadu jeżisti  tal-affresk oriġinali ta’ San Leonardu inti u dieħel fil-grotta fuq il-lemin ma’ tmessx.  Nittamaw li t-tagħlima ttieħdet u almenu dan il-framment ma jintmessx u jiġi ppreservat b’mod xjentifiku u minn esperti fil-materja.

Kitba ta’ Noel Ciantar
Ritratti ta’ Fr. Jonathan Farrugia u Caroline Busuttil

Ritratt - Fr  Jonathan Farrugia
Ritratt - Fr Joanthan Farrugia
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Fr  Jonathan Farrugia
Ritratt - Caroline Busuttil

Noel Ciantar © 2012-2023    webmaster@kappellimaltin.com