KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Ritratt - Hajr Restoration Directorate     Capture

Il-knisja ta’ Marija Addolorata
~ Birżebbuġa  ~

Ftit passi ‘l bogħod mill-Bajja s-Sabiħa nsibu knisja li għandha valur storiku kbir fl-oriġini tal-parroċċa ta’ Birżebbuġa. Oriġinat fi żmien meta l-bdiewa u s-sajjieda residenti s-sena kollha komplew jiżdiedu, filwaqt li magħhom fix-xhur sajfin bdew jiżdiedu diversi familji nobbli, l-aktar mill-Kottonera, għall-villeġġjatura tas-sajf. Fil-bidu tas-seklu għoxrin il-ħajja soċjali fl-inħawi kienet iddur madwar il-knisja tas-Sagra Familja mibnija fl-1864, li iżda ma għaddiex wisq żmien sakemm bdiet tinħass żgħira.
 

Ritratt - James Attard -  Knisja tad-Duluri wara r-restawr.

Il-bidu tal-knisja

Wieħed minn dawn il-villeġġjanti tas-sajf kien il-Kanonku Spiridione Penza minn Bormla, li kellu d-dar tal-villeġġjatura tiegħu fil-Bajja s-Sabiħa. Din id-dar inbniet qrib is-sena 1906 skont kif sa ftit snin ilu kien hemm imnaqqax taħt il-frontuspizju tagħha. Dan is-saċredot kien magħruf ħafna għat-tjubija ta’ qalbu u għas-solidarjetà soċjali fejn kien ta’ għajnuna għal kull min kien batut, l-aktar f’Bormla, fejn wettaq ħafna ġid spiritwali u soċjali fost il-popolazzjoni urbana fil-qalba tat-tarzna.

Sakemm tul ix-xhur sajfin dan is-saċerdot kien ikun Birżebbuġa, hu kien jieħu ħsieb il-kura spiritwali tan-nies tal-inħawi u għalhekk kien jinqeda bil-knisja tas-Sagra Familja. Għalkemm dan ix-xogħol pastorali kien għal qalbu, kien hemm żewġ fatturi li iktar ma għadda ż-żmien iktar bdew jinkwetawh.  L-ewwel fattur kien il-fatt li hekk kif jintemm is-sajf u hu kien jerġa lura lejn Bormla, l-imsejkna raħħala li kienu jibqgħu jgħixu hawn is-sena kollha kienu jkunu mingħajr l-assistenza ta’ saċerdot. Min jaf kemm mietu nies mingħajr ma jkunu ħadu s-Sagrament tal-Griżma tal-Morda. Barra minn hekk, tajjeb jingħad ukoll li f’dak iż-żmien is-saċerdot kien punt ta’ referenza mportanti, speċjalment fost il-poplu komuni li kien nieqes mill-iskola. 

It-tieni fattur li kien jinkwetah kien il-fatt li l-popolazzjoni kienet qegħda dejjem tikber u l-knisja tas-Sagra Familja kienet żgħira wisq, b’mod speċjali fix-xhur tas-sajf. Għalhekk minn diversi korrispondenzi li jinsabu fl-arkivju parrokkjali ta’ Birżebbuġa jidher li aktar ma beda jgħaddi ż-żmien, Dun Spir kien iktar qed jgħix f’Birżebbuġa milli f’Bormla, anke fix-xhur xitwin. B’hekk hu kien jiżgura li dan il-poplu fqajjar kien ikun assistit minnu fil-bżonnijiet kollha spiritwali u anke soċjali. Dun Spir daħħalha f’rasu li Birżebbuġa ma setgħetx tibqa’ maqsuma kif kienet bejn erba’ parroċċi, u għalhekk iddeċieda li jibni knisja ġdida bil-għan li kif tkun lesta jitlob lill-Isqof sabiex iwaqqafha bħala parroċċa indipendenti.

Il-bini tal-knisja

B’dan il-ħsieb f’moħħu, Dun Spir beda jfittex post sabiex jibni knisja, u ħarstu waqgħet fuq waħda minn tliet remissi li kienu jinsabu wara dar kbira u lussuża li n-nobbli Paolino Attard Montaldo, imwieled l-Isla u residenti l-Belt Valletta, kien għadu kemm bena fix-xatt ta’ Bajja s-Sabiħa għal skopijiet ta’ villeġġjatura tas-sajf.  L-aċċess għal dawn ir-remissi kien mit-triq ta’ wara (illum Triq il-Knisja) u kienu jintużaw sabiex meta dan in-nobbli kien jinżel għall-mistrieħ tiegħu f’Birżebbuġa, kien iżomm iż-żwiemel u l-karozzin fihom. Remissa waħda kienet biżżejjed u għalhekk Dun Spir kien innegozja ma’ dan in-nobbli sabiex jikri remissa għas-somma ta’ erba’ liri sterlini u għaxar xelini fis-sena.  Dan insibuħ f’untratt li kien sar għand in-nutar Francesco Camilleri fl-1 ta’ Ottubru tal-1907.  Kopja ta’ dan il-kuntratt tinsab fl-Arkivju Parrokkjali ta’ Birżebbuġa.  F’qasir żmien din ir-remissa taż-żwiemel ġiet mibdula fi knisja ċkejkna li diġà kienet akbar mill-knisja tas-Sagra Familja.

Din il-knisja ddedikata lil-Marija Addolorata, għalkemm fqira u nieqsa minn kollox,  ġiet miftuħa u mbierka nhar l-14 ta’ Awwissu 1907 mill-Isqof Pietru Pace qabel pontifikal li kien immexxi mill-Isqof Spiridione Polomeni, Isqof ta’ Ruspa. Dan nafuh minn kitba fir-Ricorsi, Contratti altri Docum. fl-Arkivju Parrokjali f’Birżebbuġa.

Għalkemm din il-knisja kienet diġà akbar mill-knisja tas-Sagra Familja, għal Dun Spir din ma kinitx biżżejed għaliex hu fehem sewwa li biex knisja tkun tista’ sservi bħala knisja parrokkjali riedet tkun akbar u tinkludi wkoll post minn fejn tkun tista’ tiġi amministrata l-parroċċa. Barra minn hekk il-knisja kien jixraqilha li jkollha dehra tabilħaqq ta’ knisja u mhux ta’ remissa.

Għalhekk Dun Spir kien reġa’ tkellem mal-propjetarju sabiex jakkwista ż-żewġ remissi l-oħra bil-għan li jkabbar il-knisja eżistenti u maġembha jibni terran għall-użu amministrattiv. Dan il-ftehim kien sar nhar l-1 ta’ Settembru 1909 quddiem in-Nutar Francesco Giorgio Schembri, fejn dakinhar Dun Spir kera ż-żewġ remissi l-oħra. Aktar tard dawn ir-remissi kienu nxtraw għas-somma ta’ 332 lira Sterlina u dan ġie kkonfermat b’kuntratt quddiem in-Nutar Enerico Saydon nhar l-14 ta’ Ottubru 1912.   Kopja ta’ dan il-kuntratt ukoll tinsab fl-Arkivju Parrokkjali ta’ Birżebbuġa.

F’qasir żmien saru avvanzi nteressanti ħafna, hekk kif minnufih din il-knisja kienet tkabbret sabiex ħadet il-forma ta’ ‘T’, inbnew żewġ sagristiji żgħar fuq wara, flimkien ma’ żewġ terrani żgħar: wieħed fuq kull naħa. Dan ix-xogħol ta’ kostruzzjoni ġie fdat f’idejn l-imgħallem Spiridione Balzan, li tiegħu kien tħallas is-somma ta’ 68 lira Sterlina, tnax-il xelin, żewġ soldi u tliet ħabbiet (ara d-dokumenti fl-arkivji tal-parroċċa Ricorsi, Contratti altri Docum.). 


Mill-Internet - Birzebbugia - Dulur


Dun Spir ried jagħti lil din il-knisja d-dehra tabilħaqq ta’ knisja billi jibnilha faċċata li tassew tixraq lid-dar t’Alla. Din il-faċċata, fuq stil doriku, kienet inbniet fuq pjanta tal-Perit Salvu Sacco minn Bormla, filwaqt li l-benefatturi tagħha kienu t-tabib Tommaso Demajo Pisani u martu Marianna li kienu rregalaw s somma ta’ tmenin lira Sterlina. Nhar it-2 ta’ Ottubru 1909 il-Perit Sacco, f’isem Dun Spir Penza, kien għamel petizzjoni għand l-awtoritajiet ta’ dak iż-żmien sabiex tinbena faċċata ġdida li kellha tinkludi żewġ kampnari, liema petizzjoni bin numru S/1714/09 ġiet milqugħha fid 19 tal-istess xahar.

Ix-xogħol fuq il-faċċata beda nhar il-11 ta’ Ottubru 1909 u ntemm f’Jannar tas-sena ta’ wara, jiġifieri fl-1910. Il-bennejja kienu Giuseppe Vassallo u Francesco Cassar minn Ħal Luqa u l-ġebel tagħha nqata` minn taħt il-knisja stess.  Fuq il-portiku sabiħ ta’ din il-faċċata għadha tidher sal-lum iskrizzjoni bil-Latin li b’ilsiena tgħid: “Iddedikata lil Alla li jista’ kollox u lil Omm Alla Verġni Marija Addolorata 1909”. 
 

Ritratt - Hajr Restoration Directorate


Kien inġieb kwadru mpitter fuq it-tila li jirrappreżenta l-Madonna b’Ġesù mejjet fi ħdanha li kien tqiegħed ġo perspettiva maħduma fil-ġebel minn Mastru Giovanni Vella. Mhux magħruf l-artist li pittru, meta sar u l-oriġini tiegħu, imma fl-20 ta’ Ġunju 1910 l-Isqof Pietru Pace kien ta mitt jum indulġenza għal kull min jgħid is Salve Regina ad unur Marija Addolorata meqjuma permezz ta’ dan il-kwadru.   Irħama li tinsab mal-kampnar tax-xellug tal-istess knisja tiddokumenta din il-ġrajja.

Fost avvanzi oħra li saru kien hemm l-apparat l-aktar meħtieġ għall-altar, siġġijiet tas-soda, linfa tal-kristall-li f’dak iż-żmien kienet tixgħel bix-xemgħa, u qanpiena fil-kampnar li tiżen 196 ratal u li swiet is-somma ta’ tmintax-il lira Sterlina, tmien xelini u erba’ soldi.  Il-linfa li semmejna  llum tinsab imdendla fis-sagristija tal-knisja parrokkjali l-ġdida, iżda naturalment tixgħel bl-elettriku.  Il-qanpiena saret fuq l-inizjattiva tal-Imħallef Zaccaria Roncali li l-ġbir għaliha sar nhar il-11 ta’ Settembru 1908 fl-okkażjoni tal-festa titulari ta’ Marija Addolorata.   Din il-qanpiena ġiet imbierka minn Dun Spir Penza nhar l-1 t’Awwissu 1909 u nagħtat l-ismijiet ta’ San Zaccaria, San Spir u l-Qaddisin kollha. 

Nhar is 17 ta’ Awwissu 1910 il-poplu fqajjar li kien jgħix fl-inħawi nġabar u laqa’ bil-ferħ il-miġja tal-vara titulari ta’ Marija Addolorata attribwita lill-istatwraju Karmenu Mallia (il-Lhudi) u li kienet ingħatat b’rigal mill-Kanonku Dun Achille Refalo.   Jista’ jingħad li l-miġja ta’ din il-vara qanqlet entużjażmu kbir fost ir-residenti, tant li xahar wara, nhar it-18 ta’ Settembru 1910 ġiet iċċelebrata l-ewwel festa titulari b’din il-vara.  Il-festa titulari ta’ Marija Addolorata kienet tiġi ċċelebrata Ħadd fuq il-15 ta’ Settembru u baqgħet tiġi ċċelebrata sal-1936, meta fis-sena ta’ wara l-parroċċa ġiet trasferita għall-knisja parrokkjali l-ġdida ta’ San Pietru fil-Ktajjen.   Barra minn hekk, f’Ġunju kienet tiġi ċċelebrata l-festa tal-Qalb ta’ Ġesù fejn kien jintrama altar fil-parapett tal-familja Cachia Randon fil-Bajja s-Sabiħa sabiex minn fuqu tingħata l-Barka Sagramentali.  B’hekk dawn iż-żewġ festi kienu bħal donnhom jimmarkaw il-miġja u t-tluq tal-villeġġjanti tas-sajf f’Birżebbuġa. Ikun tabilħaqq interessanti jekk tingħata traduzzjoni mil-lingwa Taljana ta’ deskrizzjoni tal-festa titulari ta’ Marija Addolorata (x’aktarx tal-1909) kif miktuba minn idejn Mons. Spir Penza stess u li tinsab fl-arkivi parrokjali ta’ Birżebbuġa (Ricorsi, Contratti altri Docum):

    “Il-festa bdiet bi Tridu mmexxi minn Mons. Francesco Marmara. Nhar il-festa, fis sitta ta’ filgħodu quddiesa bi tqarbin minn Mons. Marmara, fid-disgħa quddiesa kantata bil-mużika ċċelebrata mill-Kanonku Onorarju Dun Achille Refalo, assistit minn Dun Gius. Farrugia miż-Żurrieq u mis-Sudjaknu Giovanni Saliba, kuġin ta’ Mons. Penza. It-Tieni Għasar ġie ċċelebrat mill-istess saċerdoti, filwaqt li għall-quddiesa u l-Għasar,  Dun Angelo Azzopardi assista fil-kapaċità ta’ ċeremonjier. Il-Paniġierku sar minn Dun Gius. Farrugia, filwaqt li l-mużika tmexxiet mis Sur Salv Buttigieg minn Bormla.”

Kien ġie ffurmat grupp ta’ nies li flimkien kienu jorganizzaw il-festa esterna, liema grupp kien immexxi minn ċertu Agostino Borg minn Bormla bħala aġent prokuratur tal-knisja li ismu jidher f’diversi rċevuti ta’ ħlasijiet li saru kemm għall-festa kif ukoll għall-knisja. Il-festi interni għall-bidu kienu sempliċi, iżda  minkejja kollox kienu jinġiebu fost l-aqwa predikaturi flimkien mal-orkestra San Andrea ta’ Ħal Luqa (illum Għaqda Mużikali Sant’Andrija). 


Ritratt - Hajr Conrad D'Amato



Fuq barra l-festa kienet dejjem tikber, fejn saħansitra kien beda jsir l-armar ta’ pavaljuni u liedna tal-ħaxix kemm fit-triq tal-knisja, fil-pjazza ċkejkna li tinsab ftit ’l isfel mill-knisja u x-xatt tal-Bajja s-Sabiħa, kif ukoll kienu nħadmu żewġ anġli tal-kartapesta li kienu jintramaw quddiem il-knisja.  Dawn l-anġli llum jintramaw fuq l-altar tar-Ripożizzjoni fil-Ġimgħa l-Kbira u fuq l-altar maġġur fil-festa ta’ Corpus Domini.  In-nar qatt ma naqas u kienet tiġi mistiedna l-Banda L’Unione ta’ Ħal Luqa li kienet tagħmel marċ u programm minn fuq planċier li kien jintrama fil-Bajja s-Sabiħa eżatt quddiem Triq id-Duluri.   Diversi rċevuti ta’ ħlasijiet li saru għall-festa li saret nhar it-18 ta’ Settembru tal-1910 jinsabu fid-dokumenti Ricorsi, Contratti altri Docum. fl-arkivji tal-parroċċa ta’ Bieżebbuġa.

Billi f’dak iż-żmien ma kienx hawn dawl elettriku, li kien ġie introdott domestikament f’Birżebbuġa fl 1931, il-faċċata tal-knisja kienet tiġi mdawla bit tazzi taż-żejt għall-illuminazzjoni. Barra minn hekk il-festa ta’ barra kienet tinkludi wkoll il-ġostra u aktar tard it-tiġrijiet tal-frejgatini tal-qlugħ fil-bajja. Dawn il-ftit versi jagħtu stampa żgħira ta’ kif kienet l-atmosfera festiva li l-ewwel parruċċani kienu joħolqu għall-festa titulari ta’ Marija Addolorata qabel din il-knisja saret parroċċa.

Birżebbuġa ssir Parroċċa

L-ewwel talba uffiċjali sabiex Birżebbuġa tingħata l-grad ta’ parroċċa tinsab f’rikors miktub lill-Isqof Pietru Pace nhar is 7 ta’ Novembru 1907 minn Dun Spir Penza.  F’dan ir-rikors, li jinsab fid-dokumenti Ricorsi, Contratti altri Docum., jingħad li f’dak iż-żmien il-popolazzjoni kienet tammonta għal madwar 657 ruħ li kienu mxerrdin f’madwar 132 dar, u li fix xhur tas sajf kienu jiżdiedu b’madwar elf villeġġjant. Nota nteressanti hi minn liema parroċċi kienu ġejjin l-ewwel abitanti ta’ Birżebbuġa: 314 kienu Żrieraq, 187 mill-Gudja, 69 minn Ħal Għaxaq, 42 minn Marsaxlokk, filwaqt li l-kumplament, jiġifieri madwar 45, kienu jew minn Birżebbuġa stess jew minn xi raħal ieħor.  Irid jissemma’ wkoll li nhar is-16 ta’ Novembru tal-istess sena (1907), kien sar rikors simili, iżda din id-darba minn Dun Alwiġ Albanese, li kien ir rettur tal-knisja tas-Sagra Familja. F’din l-ittra indirizzata lill-Isqof Pietru Pace, dan is-saċerdot kompla ħeġġeġ il-ħtieġa sabiex il-knisja ta’ Marija Addolorata  ssir parroċċa. Fi tmiem din l-ittra, mal-firma ta’ Dun Alwiġ, hemm 22 firma oħra ta’ residenti li kienu jgħixu fil-viċinanzi ta’ din il-knisja.

Kellhom jgħaddu ftit snin sakemm il-knisja ta’ Marija Addolorata laħqet ir-rikjesti kollha meħtieġa sabiex isservi bħala knisja parrokkjali. Il-ġurnata importanti waslet nhar id-9 ta’ Settembru 1913, meta dakinhar l-Isqof Pietru Pace, ġewwa l-Palazz Arċiveskovili fil-Belt Valletta, ħareġ id-digriet permezz tal-Kanċillier P. Vella Mangion, li bih fired l-inħawi magħrufa bħala “Birżebbuġa” mill-parroċċi tal-Gudja, Żurrieq, Ħal Għaxaq u Marsaxlokk, u għolla l-knisja ċkejkna u sempliċi ta’ Marija Addolorata għad-dinjità ta’ parroċċa indipendenti.  Sabiex ikompli jikkonferma t-twaqqif tal-parroċċa l-ġdida, l-istess Isqof Pietru Pace, nhar is-16 ta’ Settembru tal-istess sena, ħareġ ittra pastorali li kellha tinqara fil-knejjes kollha tad Djoċesi.  F’din l-ittra, l-Isqof qal li sabiex in-nies tal-inħawi jkunu moqdijin aħjar fil-bżonnijiet spiritwali tagħhom, għamel lil Birżebbuġa parroċċa ġdida. Kienu ġew identifikati l-limiti tal-parroċċa l-ġdida skont pjanta mħażża minn Antonio Emilio Calleja li kien ġie inkarigat għal din il-biċċa xogħol mill-Kurja. Kemm fid-digriet kif ukoll fl-ittra pastorali, l-Isqof Pace kien ħabbar li kien qed jaħtar lill-Kanonku Carmelo Bugelli minn Bormla bħala l-ewwel kappillan ta’ Birżebbuġa li ħa l-pussess fil-21 ta’ Settembru 1913.

Din il-knisja tilfet l-importanza tagħha mat-trasferiment tal-parroċċa lejn il-knisja l-ġdida u għalkemm kien baqa’ jsir xi quddies fiha, fl-1950 bdiet isservi bħala Qasam tal-MUSEUM, sezzjoni maskili.  Din il-knisja u l-bini kollu nkorporat magħha, baqgħu jintużaw għal dan il-għan sal-2009, meta mis-26 ta’ Ottubru ta’ dik is sena beda jintuża l-Qasam il-ġdid li nbena fi Triq il-Bżulija.

Il-knisja llum

Wara xi snin ta’ telqa u abbandun inħasset il-ħtieġa li jsir xogħol ta’ restawr fuq il-faċċata tagħha. Nhar l-24 ta’ Awwissu 2012, il-kappillan ta’ Birżebbuġa Dun Nikola Pace applika għal dan ir-restawr, liema applikazzjoni bin-numru PA/02411/12 ġiet approvata mill-MEPA nhar l-24 ta’ Lulju tas-sena ta’ wara (2013). Dan ix-xogħol sar mid-Direttorat tar-Restawr taħt is-superviżjoni tal-Perit Jean Frendo.

Kitba ta’ Conrad D'Amato
Ritratti: Conrad D'Amato, James Attard, Dipartiment tar-Restawr, Arkivji Nazzjonali  u mill-Internet

Ritratt - Hajr Conrad D'Amato
Ritratt - Hajr Conrad D'Amato
Ritratt mill-Internet - Purcissjon tad-Duluri - Birzebbuga
Ritratt - Hajr Restoration Directorate
Ritratt - Hajr Restoration Directorate
Ritratt - Mill-Internet - Hajr Arkivji Nazzjonali
Ritratt - Hajr Restoration Directorate
Ritratt - Hajr Restoration Directorate
Ritratt - Hajr Conrad D'Amato
Ritratt - Hajr Restoration Directorate
Mill-Internet - Titular-Duluri Birzebbuga
Ritratt - Hajr Conrad D'Amato
Ritratt mill-Internet - L-Isqof Pietru Pace
Ritratt - Hajr Restoration Directorate

Noel Ciantar © 2012-2023    webmaster@kappellimaltin.com