KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Ritratt - Joe Brincatper 049b

Il-knisja ta’ San Pawl
~ Marsalforn - Għawdex ~

Ir-raħal pittoresk ta’ Marsalforn hu aktar magħruf bħala bajja frekwentata kemm mill-Għawdxin kif ukoll mill-Maltin u turisti u post ta’ divertiment speċjalment fix-xhur sħan sajfin.

Iżda ta’ min isemmi li l-iżvilupp li naraw illum seħħ kollu wara t-Tieni Gwerra Dinjija. Qabel dan iż-żmien Marsalforn kien raħal ċkejken tas-sajjieda. Aktar m’għadda  ż-żmien dan żviluppa f’lokal turistiku fejn inbnew djar u appartamenti ta’ villeggjatura kif ukoll lukandi. Maż-żmien żdiedu wkoll ħafna restoranti u ħwienet ta’ divertiment.

Iżda minkejja li fil-passat dan ir-raħal kien abitat biss minn ftit sajjieda xorta fih insibu knisja li tmur lura sew fiż-żmien.  Din hija dik  il-knisja ddedikata lin-Nawfraġju tal-Appostlu Missierna San Pawl.
 

Ritratt abtik tal-bajja ta' Marsalforn bil-knisja ta San Pawl fl-isfond


Oriġini u tradizzjonijiet

Il-knisja li naraw illum jingħad li għandha oriġini antiki ħafna. Fil-fatt din li hemm illum hija t-tielet jew ir-raba’ waħda li nbniet fl-istess post. Skont it-tradizzjoni, u kif ukoll jissemma’ fil-kitba tal-Kononku Agius de Soldanis, San Pawl kien żar Għawdex u l-ewwel knisja fl-inħawi kienet inbniet biex tfakkar dan l-avveniment. L-istoriċi hawnhekk ma jaqblux għax jingħad li fit-tlett xhur li għamel  f’Malta San Pawl ma jidhirx li qatt mar Għawdex.

Iżda skont din it-tradizzjoni San Pawl kien waqaf Għawdex wara li kien telaq minn Malta fi triqtu lejn Ruma.  Jingħad li hu kien niżel f’Marsalforn u kien ippriedka lil dawk li laqgħuħ f’tempju pagan fejn ikkonvertew għar-reliġjon Kattolika. It-tradizzjoni tkompli tgħid li f’dan il-post (fejn illum insibu il-Marsalforn Hotel) kienet inbniet kappella żgħira u ċimiterju fejn indifnu dawn l-ewwel persuni li kkonvertew għar-religjon Kattolika. Imma ta’ min isemmi li m’hemm l-ebda dokumentazzjoni tal-eżistenza ta’ din il-kappella u ċ-ċimterju u wisq aktar tal-miġja ta’ San Pawl f’Għawdex.  Naturalment, li torbot lok ma’ persunaġġ daqstant kbir jgħolli mhux ftit il-prestiġju ta’ dak il-lokal, anke jekk dan ikun biss qlajja.


Ritratt - Caroline Busuttil

 

Għal dawn ir-raġunijiet, mhux magħruf meta nbniet l-ewwel kappella ddedikata lil San Pawl f’Marsalforn. Hemm ukoll nuqqas ta’ qbil dwar jekk fiż-żjara ta’ monsinjur Dusina tal-1575 din il-kappella, jew għallinqas fdalijiet tagħha, kienux għadhom jeżistu jekk qatt eżistew tassew.  Il-kittieb Pawlu Grech isemmi li l-ewwel “dokumentazzjoni” kienet fl-1575 (preżubilment minn Dusina, iżda l-kittieb ma jsemmiħx b’ismu u lanqas jagħti x’dokumentazzjoni qed jirreferi għaliha) instab li din il-kappella kienet fi stat ħażin żafna u ma kinitx tintuża. Minn naħa l-oħra Kilin isemmi li fir-rapport ta’ monsinjur Dusina ma hemm l-ebda aċċenn għal din il-kappella.  Fil-Melita Sacra II tal-monsinjur Borg,  l-ebda knisja ma tissemma’ f’Marsalforn fis-seklu sittax.  Il-monsinjur Borg jieħu l-informazzjoni dwar dan mir-rapport ta’ Dusina.  Fir-rapport innifsu ta’ Dusina, taħt it-taqsima “Ecclesie Rurales Jinsulę Gaulos” ma tissemma’ l-ebda knisja ddedikata lil San Pawl f’Għawdex, u wisq anqas f’Marsalforn.

Agius de Soldanis isemmi li l-knisja kienet reġgħet inbniet fil-bidu tas-seklu sbatax mill-Gvernatur t’Għawdex Cheltres.  Imma storiċi oħra jsemmu li l-isem tal-Gvernatur kien Scipion Graielles Chalettes u l-bini tagħha kien sar fl-1641.  Li hu żgur hu li fl-1649 l-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann kellhom id-dritt li jinnominaw lir-rettur tagħha u għalhekk sa din id-data l-knisja kienet mibnija żgur.

Jekk inżommu mat-teorija li din il-kappella reġgħet inbniet fl-1641, ma tantx jidher li kienet inbniet sew għax madwar għoxrin sena wara fl-1663, il-kappella kienet reġgħet tinsab fi stat ħażin ħafna. Dan jikonfermawh l-atti taż-żjara tal-isqof Balaguer Camarasa fejn ordna r-restawr tagħha sa mill-pedamenti. L-ispejjeż għal dan ir-restawr kellhom jittieħdu mill-benefizzji tagħha stess kif ukoll dawk tal-knisja tal-Assunta ta’ Għajn Meddew fix-Xagħra.

Ritratt - Joe BrincatFis-seklu tmintax, fl-1715, l-Granmastru Ramon Perellos kien bena speċi ta’ forti żgħir madwar din il-kappella, bil-pont b’kollox, bħala difiża mill-kursari. Dan kien seħħ għax f’dawk iż-żminijiet il-gżejjer tagħna, speċjalment il-postijiet ta’ ħdejn il-baħar, kienu jkunu l-mira ta’ ħbit tal-kursari. Din il-kappella kienet ġiet attakkata u misruqa għal diversi drabi. Storja marbuta ma’ dawn l-attakki tgħid li darba, waqt wieħed minn dawn l-attakki, kienet insterqet it-terħa tal-altar tal-knisja. Imma ġara li fit-triq lura l-kursari nqabdu b’tempesta kbira u dawn kienu rritornaw lura u poġġew lura dak li serqu biex isalvaw ħajjithom.  Ta’ min ifakkar li l-baħħara ta’ kull tip u ta’ kull nisel, meta kienu jiġu wiċċ imb’wiċċ mal-qilla tal-baħar, kienu jduru jew għat-talb jew għas-superstizzjonijiet skont l-inklinazzjoni tagħhom.

Għal darb’oħra l-kappella reġgħet spiċċat mitluqa u f’kundizzjoni ħażina ħafna.  Fl-1730 ċertu dun Mattew Spiteri mix-Xagħra kien ġabar xi flus biex issir xi tiswija fuqha. Imma madwar 150 sena wara, fiż-żjara tal-1878 tal-isqof ta’ Għawdex Pietro Pace, kienet reġgħet instabet fi stat ħażin. Għal din ir-raġuni l-isqof Pace  ordna li din għandha tinbena mill-ġdid u titkabbar.

Skont l-atti tan-Nutar Giovanni Refalo, il-Gvern kien ta biċċa art biex il-knisja tinbena mill-ġdid. L-arkitett tal-knisja l-ġdida kien Antonio Giardina filwaqt li Ġuże Vella miż-Żebbuġ kien ħa ħsieb il-bini tagħha. Il-knisja tlestiet u tbierket mill-isqof Pace f’Awwissu tal-1879 u ġiet iddedikata lin-Nawfraġju ta’ San Pawl.

Skont Kilin, it-titular l-antik tal-knisja l-antika, li kien xogħol tas-soru Maria De Dominicis, kien ġie rregalat lil London Museum mill-istess Isqof Pace.

Deskrizzjoni arkitettonika

Il-knisja għandha faċċata eleganti ħafna. Fil-faċċata naraw żewġ pilastri fuq kull naħa tagħha li jerfgħu entablatura li fuqha naraw pediment trijangulari. Fuq il-pediment insibu żewġ ornamenti forma ta’ żewġ bocci fuq xulxin fuq pedestal żgħir fuq kull naħa.

Fin-nofs naraw salib tal-injam. Il-bieb prinċipali jinsab fin-nofs tal-faċċata u hu mdawwar bi gwarniċa. Fuq il-bieb naraw ukoll pediment trijangulari. Fil-faċċata naraw tieqa kwadra li hi mdawra bi gwarniċ.

Biex tasal għall-knisja wieħed irid jitla’ diversi turġien. Fuq in-naħa ta’ wara l-knisja għandha wkoll kampnar li fih żewġt iqniepen. Mal-faċċata nsibu wkoll żewġ lapidi tal-irħam li jfakkru waħda d-dedika tal-knisja lil San Pawl u l-oħra meta l-knisja tbierket.

Il-knisja minn ġewwa

Il-knisja minn ġewwa hi ta’ daqs medju. It-titular ta’ din il-knisja hu xogħol tal-pittur Giuseppe Bonnici li juri l-miraklu tal-lifa. Hawnhekk tidher il-lifa mwaħħla ma’ id San Pawl wara li ħarġet min-nar. Fil-kwadru jidher ukoll suldat Ruman u xi persuni oħra josservaw dak li kien qed iseħħ. L-altar  prinċipali hu tal-irħam kif inhu wkoll l-altar mejda. L-irħam tal-altar prinċipali kien tqiegħed minn Karmenu Micallef fl-1938.


Ritratt - Joe Brincat


Ritratt - Joe BrincatIl-knisja kellha  żewġ altari laterali ddedikati lil Marija Addolorata u lill-Qalb ta’ Ġesł. Il-kwadru ta’  Marija Addolorata sar mill-artist Nazju Cortis fl-1875 filwaqt li l-kwadru tal-Qalb ta’ Ġesł jingħad li kien sar minn soru Rumana.  

Fil-knisja naraw il-kwadri tal-erba’ Evanġelisti, ta’ Sant’Andrija u ta’ San Franġisk Saverio li huma xogħol ta’ patri Kapuċċin. Hemm ukoll żewġ kwadri kbar li juru l-konverżjoni ta’ San Pawl u l-martirju tal-istess qaddis.

Xi snin ilu, il-knisja tkabbret billi nfetħu l-ġnieb tal-knisja fejn oriġinarjament kien hemm l-altari laterali.  Dan kien sar  sabiex ikun hemm aktar spazju fejn wieħed jista’ joqgħod bil-qegħda waqt il-funzjonijiet. Il-kwadri tal-altari li kien hemm qabel tqiegħdu mal-ħajt tal-korsija prinċipali.

Fil-knisja nsibu wkoll statwa ta’ San Pawl, li saret minn Wistin Camilleri. Din l-istatwa kienet tbierket minn dun Fortunat Grech fl-24 ta’ Frar tal-1925. Wistin Camilleri għamel ukoll l-istatwa ta’ San Ġużepp li kienet saret fl-1959. Fil-knisja nsibu wkoll statwi tal-Immakulata Kunċizzjoni u tal-Qalb Mqaddsa ta’ Marija.

Il-paviment tal-knisja kien sar fl-1933, filwaqt li l-altar tal-irħam tad-Duluri kien sar fl-1963.

Marsalforn1930


Il-knisja llum

Il-knisja tinsab f’kundizzjoni tajba u llum (2018) jieħu ħsiebha il-kanonku Michael Borg.    Il-knisja tkun miftuha għall-quddies kuljum. Fix-xitwa ssir quddiesa waħda filgħodu fis-6:00 am u erba’ quddiesiet nhar il-Ħdud u l-festi.  Fis-sajf, minħhabba l-influss ta’ velleġġaturi u turisti f’Marsalforn, isiru żewġ quddisiet filgħodu u tnejn oħra filgħaxija kuljum appartri dawk tal-Ħdud u l-festi.  Ta’ kull sena għadha ssir il-festa tan-Nawfraġju ta’ San Pawl.

Kitba ta’ Roderick Busuttil, meħuda minn informazzjoni mill-pubblikazzjonijiet “A Hundred Wayside Chapels of Malta and Gozo” ta’ Kilin  u “Exploring the Chapels of Gozo” ta’ Paul Grech.
Ritratti ta’ Rayden Mizzi, Caroline Busuttil, Joe Brincat,u mill-Internet

Ritratt - Rayden Mizzi
Ritratt - Rayden Mizzi
Ritratt - Rayden Mizzi    Titular
Ritratt - Joe Brincat
Ritratt - Joe Brincat
Ritratt - Rayden Mizzi
Ritratt - Rayden Mizzi
Ritratt - Rayden Mizzi
Ritratt - Rayden Mizzi
Ritratt - Joe Brincat
Ritratt - Rayden Mizzi
Ritratt - Rayden Mizzi                16730785_1520725327967955_1332040537_n

Noel Ciantar © 2012-2023    webmaster@kappellimaltin.com