KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Ritratt- Hilary Spiteri - l-arma ta Sebastiano Bonavia fuq it-titular

Il-knisja ta’ Santa Katerina t’Alessandria
~ Ħal Qormi ~

F’Ħal Qormi, int u sejjer lejn il-parroċċa ta’ San Ġorg martri, insibu sensiela ta’ tlett knejjes filjali żgħar, waħda wara l-oħra kollha fl-istess triq, liema triq jisimha “Triq Santa Katerina”.  Waħda minnhom, dik li ser nitkellmu fuqha hawn, hija ddedikata propju lil Santa Katerina ta’ Lixandra filwaqt li t-tnejn l-oħrajn diġą ktibna fuqhom u huma ddedikati lill-Appostlu San Pietru u lil Santa Marija mlaqqma Ta’ Qrejċa.  

L-oriġini

L-ewwel knisja b’dan l-isem tissemma’ fir-rapport taż-żjara tal-monsinjur Dusina fl-1575.  Din hi probabli l-knisja li kienet inbniet fl-ewwel nofs tas-seklu sittax.  Dusina nnota li din il-knisja kellha altar tal-injam kif ukoll bibien tal-injam iżda ma kellha xejn aktar.  La kellha rettur u lanqas ma’ kienet tgawdi minn xi benefiċju li seta’ jirrerndilha xi dħul.

Ritratt - Caroline Busuttil


L-eredi ta’ Agata Cassia, li ma jissemmewx b’isimhom fir-rapport ta’ Dusina,  kellhom jiċċelebraw il-festa tal-qaddisa bl-ewwel vespri u bil-quddiesa  għax kellhom dar li kellha marbut magħha dan l-obbligu.   Minn dokumenti varji jidher li l-familja Cassia kellha ċertu influenza f’Ħal Qormi lejn l-aħħar tas-seklu sittax u l-bidu tas-seklu sbatax kemm fl-isfera soċjali kif ukoll f’attivitą finanzjarja.  Il-familja Cassia kienu benefatturi u kienu jagħtu flus għaż-żamma tat-tlett knejjes fi triq Santa Katerina u mhux għall-kappella ta’ Santa Katerina biss. 

Id-dar tal-eredi ta’ Agata Cassia kienet viċin tal-kappella ta’ Santa Katerina skont ir-rapport taż-żjara pastorali tal-monsinjur Dusina.  Aktar tard, id-dar bdiet tinkera u fl-1588, miż-żjara tal-isqof Tommaso Gargallo nafu li l-knisja kienet iddaħħal minn din il-kirja seba’ tari fis-sena.  F’din is-sena  barra l-altar maġġur din il-knisja kellha tlett altari laterali oħrajn.  F’din is-sena wkoll dawn l-altari nħattew sabiex l-altar maġġur, li kien kemmxejn dejjaq, seta’ jitkabbar.  Il-ġebel ta’ dawn l-altari kellu jintuża biex jimbarra id-daħla tal-knisja ta’ San Pietru fil-viċin.  Niftakru li fis-sena 1575 Dusina kien ordna li fil-knisja ta’ San Pietru ma jsir xejn iktar fiha qabel ma jerġgħu jitpoġġew il-bibien tal-injam sabiex tkun tista' tingħalaq.  Għalhekk jidher li sal-1588 dan kien għadu ma sarx.  Intant, fil-knisja ta’ Santa Katerina l-isqof Gargallo ordna li kellha tittieħed attenzjoni xierqa sabiex bil-lejl il-bibien kellhom jinagħlqu sew sabiex il-knisja “ma tkunx lok ta’ skandlu”.  Iżda x’seta kien ikun dan l-iskandlu ma jingħadx.

Fl-1601 il-knisja kienet tiffunzjona sew u minkejja li ma kelliex benefiċji u piżijiet, il-fidili tal-inħawi kienu jipprovdu kull ma kien jeħtieġilha.  Il-festa ta’ Santa Katerina kienet tiġi ċċelebrata mill-kappillan ta’ Ħal Qormi u wara l-kant tal-Ewwel Vespri kienet issiriż-żerda, l-ikla mogħtija lill-fqar u lill-fidili li kienu jattendu għall-festa.  Fil-festa, kienet issir quddiesa u l-lampier kien jinxtegħel kull nhar ta’ Sibt u fil-Festi Kmandati.  Kienu jkunu ħafna dawk li jattendu għal dawn iċ-ċelebrazzjonijiet.  Il-knisja, f’dan iż-żmien, kellha titular iżda kien għad ma kelliex gandlieri.

Fl-1604, fiż-żjara tal-isqof Tommaso Gargallo, insibu li l-prokuratur tal-knisja issa kien Francesco Cassia.  Fl-1615, l-isqof Baldassere Cagliares sab li kellha pittura titulari li kienet turi ‘l Santa Katerina fin-nofs, b’San Pietru u San Leonardu wieħed fuq kull naħa tagħha.  Billi dak iż-żmien ma kelliex lampier, nhar ta’ Sibtijiet kienet  tinxtegħel torċa minflok.  Il-ħtiġijiet tal-knisja kienu għadhom jieħdu ħsiebhom in-nies tal-inħawi.

Għal xi raġuni, il-knisja kienet inagħlqet għall-pubbliku fl-1618 b’digriet tal-isqof Baldassere Cagliares meta kien żahra dik is-sena.  Iżda bħalma ġie li ġara f’sitwazzjonijiet oħra bħal dawn, donnu n-nies ma tatx kas x’qal l-isqof u n-nies baqgħet issostni u tiffrekwenta l-knisja bil-ġenerożitą u l-għotjiet tal-fidili tal-iħawi.  Dan jidher miż-żjara ta’ wara li l-istess isqof kien għamel fl-1621 meta d-digriet li kien ħareġ tlett snin qabel lanqas biss jissema’.

Fl-1636 fiż-żjara pastorali li kien għamel l-isqof Miguel Giovanni Balaguer Camarasa nsibu ħjiel tad-dehra tal-knisja f’dak iż-żmien.  Hu jgħidilna li l-knisja kellha forma rettangolari u kienet imsaqqfa b’saqaf ċatt li kien iserraħ fuq tlett arkati ("cum tribus anatis et tecto lapideo").  Il-faċċata kienet tħares lejn il-Punent u il-bieb kellu tieqa żgħira li fiha kellha salib żgħir magħmul mill-ħadid fondut ("fenestrella cruce ferreafiluita").  L-isqof Balaguer iżid jgħid li kellha wkoll altar tal-ġebel u pittura titulari fuqu.

Din il-knisja baqgħet tiffunzjona b’xi mod jew ieħor matul is-seklu sbatax minkejja li kienet ċkejkna, essenzjalment kamra bi tlett ħnejjiet.  Il-festa baqgħet tiġi ċċelebrata bil-kant tal-Ewwel Vespri u l-quddiesa kantata nharha.  Investiment ta’ għoxrin uncie (uqija) kien jagħmel tajjeb għall-ispejjeż assoċjati mal-festa.  Il-quddiesa kienet issir anke kull nhar ta’ Erbgħa.  Il-mejjet Agostino Bonavia kien ħallielha dota biex tkun tista’ ssir din il-quddiesa ta’ nhar t’Erbgħa.  Dan kien jiġi minn dħul ta’ piż minn għalqa magħrufa bħala “Ta’ Ħarran”.

Il-bini tal-knisja li naraw illum beda madwar is-sena 1670.  Fl-1678 l-isqof Miguel Jeronimo de Molina kiteb li l-knisja kienet “mibnija sabiħ”  ("di bella fabrica").  Huwa kien ukoll faħħar din il-bijna l-ġdida u qal li kulħadd jagħraf lil din il-knisja bħala ċentru importanti biex tinfirex il-fidi Kattolika kif ukoll il-kult ta’ Santa Katerina ta’ Lixandra f’Malta.

Fl-1693 kienet saret żjara pastorali minn don Bartolomeus Bonnici fejn kienu qalulu li l-mejjet Antonio Bonavia kien kellu l-ħsieb li jerġa’ jibni l-knisja.  Qalulu wkoll li wara li saru l-verifiki dwar dan, dak li kien ħsieb f’moħħ il-benefattur mejjet, kien twettaq fl-1670.  Fl-1747 l-isqof Pawlu Alpheran de Bussan kiteb li l-knisja kienet mibnija bis-saħħa ta’ wirt ta’ għerbgħin skud imħollija minn dan Antonio Bonavia.

Il-knisja l-ġdida kienet aktar moderna u akbar mill-waħda li postha ħadet.    Fuq il-bieb tal-faċċata (darba) kien hemm l-arma tal-isqof Cocco Palmieri.  Fil-faċċata l-ġdida ġew inkorporati żewġ twieqi, waħda fuq kull naħa tal-bieb sabiex il-fidili jkunu jistgħu jinviżtaw lis-Sagrament anke meta l-knisja tkun magħluqa.  Fuq l-altar kien hemm pittura li kienet turi ż-żwieġ mistiku ta’ Santa Katerina ma’ Ġesł Kristu.  Il-lampier kien ukoll jinxtegħel fil-ġranet meta kellu jinxtegħel.

Il-knisja kienet ikkonsagrata fl-1696 kif jgħidilna l-isqof Bartolomeo Rull fiż-żjara pastorali li kien għamel fl-1758.  Huwa minn dan ir-rapport li nafu li l-arma li kellha fuqha kienet tal-isqof Davide Cocco Palmieri, li kien sar Isqof ta’ Malta fl-1684, għax l-arma kienet tħassret mis-suldati Franċiżi meta dawn kienu jaħkmu Malta bejn is-snin 1798 u 1800.  Illum jidher biss il-kappell u s-sitt ġummieni fuq kull naħa li jirrapreżentaw  l-episkopat.  L-istess data, 1696, tidher (bilkemm) fuq in-naħa ta’ fuq tat-tieqa l-kbira li hemm fuq il-bieb prinċipali fil-faċċata.

Il-knisja minn barra

L-allinjament tal-knisja l-ġdida kien inbidel meta mqabbel ma’ tal-antika.  Il-knisja l-ġdida issa nbniet tħares lejn il-Lvant.  Bnewha  fuq pjattaforma rettangolari, li titla’ għaliha minn erba’ tarġiet.  Dan sar ukoll biex jikkoreġu d-diżlivell li hemm fuq is-sit li nbniet fuqu.  Il-faċċata hija tipika tas-seklu sbatax tardiv, b’influnza tal-istil ta’ Lorenzo Gafą li kien inxtered madwar Malta kollha.

Il-faċċata għandha żewġ pilastri kbar, wieħed f’kull kantuniera.  Il-pilastri huma magħqudin bi gwarniċun li jgħaddi minn fuq dik l-arma vandalizzata mill-Franċiżi li diġą semmejna aktar ‘il fuq.  Fin-nofs hemm pediment maqsum imponenti li fuqu hemm salib tal-ġebel.  Ġo nofs il-pediment hemm kampnar b’qanpiena waħda fih.  Il-ġebla tax-xewka tal-kampnar fiha d-data 1797 mnaqqxa fiha li tista’ tindika jew id-data tal-bini tal-kampnar innifsu jew anke meta tqiegħdet il-qanpiena fih.  Fil-kantunieri, fuq il-gwarniċun, hemm par pilastri qosra tal-ġebel li huma ddekorati b’boċċa kbira tal-ġebel fuqhom.

Il-bieb prinċipali għandu forma rettangolari u hu mdawwar minn gwarniċun tal-ġebel.  Fil-parti ta’ fuq, il-gwarniċun joħroġ ‘l barra.  Fuqu hemm tieqa kwadra (l-“oculos”).   Il-bieb prinċipali nnifsu għandu par twieqi kwadri, waħda fuq kull naħa fil-baxx, li diġą semmejna aktar ‘il fuq.  Dawn it-twieqi huma mbarrati bi gradilja tal-ħadid għas-sigurtą.

Mal-ħajt tal-lvant tal-knisja hemm sagristija li tista’ tidħol għaliha minn barra minn bieb fuq in-naħa ta’ wara tagħha.  Il-bieb tas-sagristija għandu loġġ żgħir tal-ħadid.
 
Il-knisja minn ġewwa

Il-knisja hija msaqqfa b’saqaf troll li hu miżmum minn seba’ kustilji nofs tond li jserrħu fuq xoffa tal-ġebel fil-għoli.  Fl-1736 l-isqof Pawlu Alpheran de Bussan innota li l-knisja kellha altar tal-ġebel li kellu xi ħsarat.  Ir-rederos fuqu li naraw illum sar fil-bidu tas-seklu tmintax u ħa post ieħor li kien hemm qablu.

Fl-1759 l-isqof Bartolomeo Rull innota li l-knisja kellha altar ġdid li kien fiħ niċċa li kien fiha relikwa ta’ Santa Katerina.  Hu innota wkoll li l-altar kellu żewġ tarġiet baxxi kif ukoll rederos tal-ġebel madwar it-titular  (“...cum altare in interior prospectu erecto eius regio a reliquo Ecclesia seccanditur duos gradus").
 

Ritratt - Caroline Busuttil


L-altar jinsab imdaħħal ġo apside baxxa nofs tond.   Fin-naħa ta’ fuq hemm pediment segmentali miksur li jserraħ fuq gwarniċ tal-ġebel.  Kollox hu merfugħ minn żewġ pari ta’ pilastri gruppati ta’ stil Tuskan, tnejn tnejn, par fuq kull naħa.  Taħt il-pediment segmentali hemm gwarniċ rettangolari fil-ġebel li fih imnaqqxin is-simboli assoċjati ma’ Santa Katerina, jiġifieri il-kuruna, il-palm kif ukoll ir-rota, l-istrument tal-martirju tagħha.

Ir rederos innifsu hu miżbugħ bi stil irħamat bħalma wieħed jara fil-kolonni tat-toroq li jkunu qed jerfgħu anġli, vari u trofej nhar il-festa.  Id-dati 1904 u 1911 kif ukoll l-arma ta’ Santa Katerina impinġijin b’xi faħma fuq il-faċċata tal-altar ċertament jirreferu għal meta r-rederos kien inżebagħ b’dan il-mod.

It-titular

It-titular juri ż-żwieġ mistiku ta’ Santa Katerina ma’ Ġesł.  Meta l-knisja inagħtat lill-grupp tal-armar tal-festa “Anici” biex tintuża bħala maħżen għall-armar tal-festa, il-pittura ttieħdet fil-Mużew Parrokjali tal-parroċċa ta’ San Ġorġ biex ma ssirilhiex ħsara  u tiġi mħarsa.

Il-pittura li ra l-isqof Baldassere Cagliares fiż-żjara tal-1615 kienet differenti minn dik li naraw illum.  Dak iż-żmien kienet turi lil Santa Katerina ma’ San Pietru u San Leonardu, wieħed fuq kull naħa.  Din il-pittura kienet inbidlet fl-1681 b’pittura ikkummissjonata minn Sebastiano Bonavia li kien iben u l-eredi ta’ Agostino Bonavia.  Din il-pittura għandha miktub fuqha “1681 SEBASTIANUS *ONAV**” flimkien mal-arma ta’ Bonavia li tikkonsisti fl-linja wiegħsa diagonali blu bi tlett stilel fuq sfond abjad.  Ta’ min jinnota li l-kelma *ONAV** setgħet kienet jew BONAVIA, kunjom dak li kien ħallas għaliha, jew DONAVIT, li tfisser “irregalaha (essenzjalment ħallas għaliha)”.  Min pinġa l-pittura ma nafux.

Fl-1635 (ie qabel ma l-knisja reġgħet inbniet mill-ġdid għall-ħabta tal-1670) l-isqof Miguel Juan Balaguer Camarasa kien semma’ li ra pittura  fil-knisja ddedikata ‘l Santa Katerina iżda din ma kenitx qiegħda mdendla fuq l-altar.  Hu ddeskriva din il-pittura bir-reqqa.  Il-pittura kienet turi ‘l Santa Katerina b’ilbies lussuż b’kuruna fuq rasha, kif jixirqilha bħala prinċipessa. Il-qaddisa kienet qed iżżomm il-palma, simbolu tal-martirju, f’idha.  Ġesł Bambin jidher f’ħoġor il-Madonna u jintwera jqiegħed ċurkett f’subgħaj il-qaddisa Katerina.  F’dan il-kwadru jidhru wkoll San Ġużepp, raffigurat bħala xwejjaħ, kif ukoll żewġ anġli li jidhru fl-isfond.  L-isqof Balaguer Camarasa iżid jgħid li l-arma li hemm impinġija fuq in-naħa tax-xellug fil-qiegħ tal-kwadru kienet ta’ Agostino Bonavia.

Fl-1680 l-isqof Miguel Jeronimo de Molina jirreferi għall-pittura li kien ikkummisjona Sebastianus Bonavia bħala “pittura ġdida” ("quadro moderno").  Aktar tard fl-1686 l-isqof Davide Cocco Palmieri jerġa’ jsemmi l-istess pittura iżda hu din id-darba sabha imdendla fuq l-altar maġġur.

Hawnhekk wieħed jinnota li d-dati u l-ismijiet li semmew l-isqfijiet viżitaturi ma jaqblux.  Għidna li l-pittura l-ġdida, imħallsa minn Sebastiano Bonavia hija ddata 1681.  Iżda qed ngħidu wkoll li l-isqof Balaguer Camarasa ra pittura ta’ Santa Katerina fl-1635 (dik li ma kenitx imqiegħda fuq l-altar maġġur) u jgħid li l-arma fuq il-pittura kienet dik ta’ Antonio Bonavia.  Fl-1635 wieħed kien qed jitkellem dwar il-knisja l-antika.  Hu ddeskriva il-pittura bir-reqqa u tidher li kienet tixbaħ tassew dik li fl-1680 (knisja l-ġdida) l-isqof Molina jiddeskrivi bħala “pittura ġdida” fuq l-altar maġġur.  Fuq kollox Balaguer Camarasa jgħid li l-arma fuq il-pittura kienet dik ta’ “Antonius Bonavia” filwaqt li l-pittura li għandna llum turi l-isem “Sebastianus” u mhux “Antonius”. 

Dan jista’ jindika li l-pittura li ra u ddeskriva l-isqof Balaguer Camarasa ma kenitx l-istess waħda li ra l-isqof Molina fl-1680 minkejja x-xebħ fid-deskrizzjoni li tana.  Iżda jista’ jkun ukoll li l-pittura l-moderna li kkummisjona Sebastianus Bonavia kienet kopja fidila ta’ pittura oħra aktar qadima li kien ikkummisjona missieru Antonius u li forsi riedet tinbidel għal xi raġuni jew oħra.  Jista’ jkun ukoll li l-pittura l-antika kienet irrestawrata u mġedda u nbidel l-isem fuq l-arma biex jirrifletti min kien ħallas għat-tiġdid.  Ma nafux, u sakemm isir studju sew fuq din il-pittura, jibqa’ dan il-misteru.  Nota Editorjali: Ikkuntatjat lis-sur Hilary Spiteri, l-awtur tal-artikolu bl-Ingliż, dwar dan iżda għadu ma bgħatlix rispota.  Jekk din tasal, naġġorna l-artiklu.

Il-knisja llum

Illum il-knisja ta’ Santa Katerina qed tintuża bħala maħżen għall-armar tal-festa tal-grupp tal-armar “Anici”.  Il-knisja għandha bżonn ta’ restawr.  Biss biss, il-faċċata qed tittiekel u titmermer.  Iżda wieħed jimmaġina li ma tantx hemm tama li ssir xi ħaġa sakemm il-ħsarat ma jaffetwax l-armar li hemm fiha.  Nisperaw u nittamaw li l-interess f’din il-kappella jkun biżżejed biex isiru l-interventi meħtieġa irrispettivament  mill-użu li qed isir minnha.

Kitba ta’ Noel Ciantar (mibnija fuq artiklu bl-Ingliż ta’ Hilary Spiteri mill-ktieb Filial Churches in Malta – Qormi: A Case Study u minn kitbiet tal-Kanonku Vincent Borg Melita Sacra II u III)
Ritratti ta’ Caroline Busuttil, Hilary Spiteri, Anthony M. Brincat u l-Arkivji Nazzjonali

Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil

“Icona est penderens mouiriter facte referns eidem Sctm. Catherina, de eius sposlitium cum Christo.Dno contractum, in grennio Matris exnte, est atiam imago Scti. Josephi, cum correnibus et scabello ligneis nigro colore depicti pro adimplento legati qdam pij viri Augustini Bonavia, cuius inigra sunt delineata in parte inferiori dictae icona a dexteris un que sunt effiges duor augelir”

l-isqof Balaguer Camarasa

Hajr Arkivji Nazzjonali - Qormi_Knisja_Filjali_Santa_Katerina_141
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Anthony M. Brincat Titular

Noel Ciantar © 2012-2023    webmaster@kappellimaltin.com