KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Il-knisja ta’ Santa Barbara
magħrufa ukoll bħala
ta’ Santa Liberata
~ Kalkara ~

Ritratt - Noel Ciantar

L-Ordni tal-Franġiskani Minuri Kapuċċini waqqaf l-ewwel kunvent tiegħu f’Malta lejn l-aħħar tas-seklu sittax, madwar is-sena 1589. L-ewwel kunvent kien ‘il barra mis-swar tal-Belt Valletta.  F’dak iż-żmien is-swar tal-Floriana ma kinux għadhom inbnew.  Kellhom jgħaddu diversi snin biex il-Kapuċċini bdew jimirħu aktar ‘il barra minn dawk l-inħawi.

Il-Franġiskani Kapuċċini jmorru lejn il-Birgu (Kalkara)

Fl-1732, minħabba xi ċirkustanzi ta' nuqqas ta' ftehim bejn il-Kapuċċini ta' Sirakuża u dawk ta' Malta, inħass il-bżonn aktar minn qabel, biex il-Kapuccini Maltin ma jibqgħux jiddependu mill-Provinċjal ta' Sirakuża.
 
Biex dan iseħħ iżda kien hemm bżonn li barra l-kunvent tal- Floriana jibda’ l-bini tal-kunvent tal-Birgu (illum tal-Kalkara), u dak ta' Għawdex.
 

Ritratt - Noel Ciantar


It-tieni kunvent li fetħu f’Malta kien għalhekk dak tal-Kalkara viċin is-swar tas-Salvatur u ta' San Alwiġi. Dan minkejja li kien hemm diverġenzi fejn kellu jinbena, fosthom fuq l-għolja ta’ Santa Margerita li llum nafuha bħala Bormla. Kien hemm min ħadem biex il-kunvent jinbena f’Ħaż-Żebbuġ. Il-benefattur li resqu lejħ għal dan l-għan, is-sur Ġużeppi Valerio Abela, wera x-xewqa li dan jinbena f‘Ħal Tarxien.  Iżda dawn il-pjani qatt ma seħħew u l-kunvent inbena fejn hu illum.

Ritratt - Noel Ciantar   Patri Pelaġju Mifsud Lopiscopo

Annessa mal-kunvent tal-Kalkara hemm il-knisja ta’ Santa Barbara. Kitba tal-istorja tal-patrijiet Kapuċċini f’Malta kif ukoll dwar il-bini tal-kunvent u l-knisja fil-Kalkara ħallieha Patri Pelaġju Mifsud Lopiscopo, patri Kapuċċin minn Ħaż-Żebbuġ.

Patri Pelaġju Mifsud Lopiscopo twieled fl-10 ta’ Frar u ngħata l-isem ta’ Bartolomeus.  Hu ħa edukazzjoni tajba kemm f’Malta kif ukoll f’Ruma fejn studja u ggradwa bħala tabib.  Imbagħad huwa ddeċieda li jieħu l-ordni sagri u sar saċerdot fl-20 ta’ Diċembru, 1733.   Fit-30 ta’ Diċembru 1742 iddeċieda li jaqleb għal mal-patrijiet Kapuċċini  u ngħata l-isem ta’ Pelaġju Marija. Kien predikatur famuż mhux biss f’Malta iżda wkoll fl-Italja u fi Sqallija.  Kien kittieb prolifiku magħruf tal-Ordni Franġiskan u kellu awtorità kbira fl-Istorja ta’ Malta. Patri Pelaġju miet fl-14 ta’ Frar, 1781, fil-kunvent tal-Kapuċċini fil-Florana.

Santa Barbara

Santa Barbara hija waħda mill-martri Nsara minn tal-bidu li huma l-aktar magħrufin. Fil-knisja Ortodossa tal-Lvant, hija magħrufa bħala l-Kbira Martri Barbara.  Jingħad li għexet fit-tielet seklu possibilment f’Nicomedia fit-Turkija jew anke f’Heliopolis fil-Lebanon.  M’hemmx referenza għaliha fil-kitbiet bikrin Insara u lanqas fil-Martiroloġju ta’ San Ġilormu.

Santa Barbara kienet bint Dioscorus, sinjur pagan, li biex jipproteġiha mill-ħażen ta’ madwarha, qafilha f’torri.  Faċċata ta’ dan it-torri kien hemm binja oħra u waqt li missierha kien fuq vjaġġ ‘l bogħod, hi rranġat biex tinfetaħ tieqa oħra f’din il-binja sabiex mat-tnejn li diġà kien hemm, jissimbolizzaw it-Trinità Mqaddsa.  Meta wasal lura, Dioscorus intebaħ li kienet ikkonvertiet u saret Nisranija.  Hu rrapurtaha lill-awtoritajiet li ttorturawha biex jibdlulha fehmitha iżda meta dan ma sarx, missierha stess qatalha rasha. Skont il-leġġenda, hu u sejjer lura lejn id-dar, intlaqat minn sajjetta li qatlitu u ħarqitlu ġismu.

Fil-gżejjer Maltin hawn tlett knejjes iddedikatti lil Santa Barbara, dik fiċ-Ċittadella f’Għawdex, oħra fil-Belt Valletta u din fil-Kalkara, annessa mal-kunvent tal-Kapuċċini.  Hawn ukoll żewġ toroq, fil-Belt u fir-Rabat u żewġ niċeċ tat-toroq li jirraffiguraw ‘l- qaddisa, fil-Mosta u fil-Kalkara. 

Tradizzjonalment, Santa Barbara kienet tiġi nvokata waqt is-sajjetti u l-beraq.  Aħna l-Maltin inħobbu ngħidu “Santa Barbara, la deni u lanqas ħsara!” waqt xi tempesta qalila. B’analoġija, il-qaddisa hija kkunsidrata bħala l-qaddisa patruna tal-bombardieri tal-artillerija u dawk li jaħdmu fil-minjieri bl-esplussivi.  Fl-ikonografija l-qaddisa tintwera b’torri bi tlett itwiequ fl-isfond u xi forma ta’ kanun ħdejha wkoll.  Il-festa tagħha taqa’ nhar  l-4 ta’ Diċembru.

Il-bini tal-knisja

Id-deskrizzjoni tal-knisja li hemm annessa mal-kunvent tal-Kapuċċini fil-Kalkara insibuha fil-kitba ta’ patri Pelaġju magħrufa bħala “Il-Kronaka ta’ Patri Pelaġju”.

Kien fis-26  t’April tal-1736 li saret iċ-ċerimonja tat-tqegħid tal-ewwel ġebla u l-inawgurazzjoni tal-kunvent wara li kienet ingħatat art minn ċertu Ġużeppi Valerio Abela.  L-art għat-tlugħ tal-kunvent kienet tissejjaħ "tal-Għasli".  L-għajdut hu  li dan  Ġużeppi, imwissi b’ għaġeb fil-ħolm minn żewġ patrijiet tal-istess Ordni tal-Kapuċċini, żijietu mejtin, biex jiftaħ idejh mal-patrijiet għall-bini tal-kunvent il-ġdid, bil-qalb kollha tahom art biżżejjed għat-twaqqif tal-knisja u l-kunvent.  Il-kappillan tal-Birgu, Dun Ġann Pawl Pace, telaq purċissjonalent mill-knisja tal-Lunzjata bl-istandard tas-Salib.  Warajhom mexa l-Inkwiżitur il-monsinjur Carlo Francesco Durini, li wara kien sar Kardinal, u nies oħra magħrufa. Fejn kellu jinbena l-kunvent, tqiegħed is-salib, u Patri Ġużepp Grech, il- Kustodju ta’ dan il-kunvent, niseġ kelmtejn għall-okkażjoni.

Aktar tard, fit-18 ta’ Ġunju tal-1736,  tqiegħdet l-ewwel ġebla tal-knisja milI-Isqof Pawlu Aipheran de Bussan.  Taħt is-sisien tqiegħdu xi flus tad-deheb, medalji bix-xbihat ta’ Santa Barbara u ta’ San Franġisk flimkien mal-armi tal-Gran Mastru Manoel u xi kitba bil-Latin.

Jidher li l-kunvent kien żgħir għax ftit xhur wara kien diġà okkupat minn grupp ta’ patrijiet Kapuċċini.  Biex ikunu jistgħu jispiċċaw ix-xogħol malajr, ingħataw diversi għotjiet ta’ flus, fosthom il-Balliju Solaro li ta s-somma sabiħa ta’ 3,200 skud.  Magħhom ingħaqad il-Gran Mastru De Vilhena.  Il-knisja damet sitt snin sakemm tlestiet. Fit-30 ta’ Diċembru tal-1736 dan il-kunvent ġie użat bħala ospizju residenzjali. Fit-28 t’ April tal-1737, inġieb proċessjonalment is-Santissimu Sagrament b’sollennità mill-kleru u l-għaqdiet ta’ San Lawrenz (il-Birgu) u tqiegħed f’kappella żgħira proviżorja.  Ix-xogħol kollu tlesta fil-31 ta’ Luiju tal-1743 u fit-2 t’Awwissu tal-istess sena, nhar il-festa għażiża tal-Porzjunkola, il-Kustodju patri Ġużepp Grech bierek din il-knisja fost il-ferħ ta’ poplu numeruż.

Il-knisja hija sempliċi u mibnija fuq stil li kien iddettat mill-istess Ordni tal-Kapuċċini.  Huwa maħsub li l-knisja nbiet fuq id-disinn ta’ Fra Giuseppe, ajk Kapuċċin.  Id-disinn tal-altar maġġur sar mill-perit Romano Carapecchia u tħallas mill-Gran Balliju Frà Philipp Wilhelm von Nesselrode und Reichenstein li kien il-Gran Balliju tal-Lingwa Ġermaniża.  Il-kwadru titulari juri l-martirju ta’ Santa Barbara u tpitter mill-artist Taljan Agostino Masucci.

Fuq barra, il-knisja għandha portiku b’erba’ kolonni kbar.  Imbagħad, fuq wara għanda kampnar żgħir b’qanpiena waħda.  Tajjeb li jingħad ukoll li fil-ġenb tal-istess zuntier, biex ngħidulu hekk, hemm kappella żgħira ddedikata lill-Madonna ta’ Lourdes.  B’hekk, l-istess Ordni tal-Kapuċċini komplew ixerrdu d-devozzjoni lejn il-Madonna ta’ Lourdes ukoll.

Forsi l-mistoqsija li wieħed ikun irid jistaqsi hija għaliex din id-dedikazzjoni.  Fil-verità meta l-art ingħatat mill-benefattur Abela, dan wera x-xewqa li jkun hemm almenu altar iddedikat lil Santa Barbara b’tifkira t’ommu li kienet mietet fil-pesta tal-1676.  Il-patrijiet, minflok, iddedikaw il-knisja kollha kemm hi lil Santa Barbara. 

Dettall ieħor interessanti marbut ma’ din il-knisja huwa l-fatt li n-nies jafuha ħafna bħala dik “ta’ Santa Liberata”.  Ir-raġuni għal dan huwa li fis-seklu tmintax kien inġieb lejn din il-knisja il-korpusant ta’ Santa Liberata minn Ruma.  Kienu telgħu Ruma żewġ patrijiet biex jaraw jekk iġibux ir-relikwi biex jitqiegħdu  fil-knisja tagħhom u b’hekk ikunu jistgħu jiġbdu aktar nies lejhom.  Minħabba li l-istess relikwi kienu tqiegħdu fil-knisja, inbena altar u fil-mensa tiegħu tqiegħed il-korpusant, imlibbes u bir-relikwi jidhru.  Dawn għadhom esposti għad-devozzjoni tal-pubbliku u minħabba f’hekk, in-nies tirreferi għal din il-knisja bħala “ta’ Santa Liberata”. 

Ritratt - Noel Ciantar


L-istatwi ta’ mal-faċċata

Mal-faċċata tal-knisja, hemm żewġ statwi kbar tal-ġebel f’niċċa, waħda fuq kull naħa  Dawn juru żewġ qaddisin nisa, preżubilment Santa Barbara u Santa Liberata. Din il-faċċata nbniet mill-ġdid fil-bidu tas-seklu dsatax wara li kienet ġarbet ħsarat matul l-imblokk tal-Franċiżi mill-Maltin.  Dawn iż-żewġ statwi huma tal-ġebel iżda min hu l-iskultur li naqqaxhom ma nafux. 


IMG_1817

IMG_1818


Fuq dawn iż-żewġ statwi tidher li hemm anomalija kemxejn stramba.  Dawn iż-żewġ statwi t-tnejn juru xbejba.  Ħdejn saqajn dik tax-xellug hemm torri fuq dik li tidher qisha fjamma filwaqt li ħdejn saqajn dik tal-lemin hemm it-tarf warrani ta’ kanun.  Dawn it-tnejn huma simboli assoċjati ma’ Santa Barbara. 

Terġa’ u tgħid, ritratti meħudin madwar 10 snin ilu, fit-2010, (pprovduti lilna minn Anthony M. Brincat) juru biċ-ċar il-kliem miżbugħ biż-żebgħa sewda l-isem ta’ “Santa Barbara” fuq il-pedestall tal-qaddisa li ġġib il-figura tat-torri ħdejn saqajha filwaqt li l-qaddisa li ġġib il-figura tal-kanun ħdejn saqajha fuq il-pedestall hemm miktub, bl-istess żebgħa sewda, l-isem “Santa Liberata”.

Imma l-misteru ma jiqafx hawn.  Ritratti meħudin f’Mejju tal-2019, juru li ż-żebgħa issa tqaxxret sew u wieħed bilkemm għadu jista’ jara sew l-ismijiet biż-żebgħa sewda.  Iżda l-misteru mhux dan:  Fejn iż-żebgħa kienet turi l-isem “Santa Barbara” (ie tat-torri) wieħed jista’ jara b’mod ċar l-isem “Liberata” mnaqqax bħala parti oriġinali tal-pedestall u taħt l-isem fuq il-pedestall l-ieħor, li l-kitba biż-żebgħa kienet turi l-isem “Liberata” (ie tal-kanun), jidher ċar li hemm imnaqqax l-isem “Barbara”.  Qisu li maż-żmien xi ħadd iddeċieda l-ismijiet oriġinali mnaqqxin fil-pedestalli kienu maqlubin!

Is-Sur Duncan Brincat, storiku mill-Kalkara u Bro. Miguel Zammit, patri Kapuċċin fil-Kalkara, riċentament ikkonfermaw li raw ritratti antiki ta’ qabel it-tieni gwerra dinjija (ritratt tas-sena 1936) li ma juru l-ebda isem fuq il-pedestalli tal-istatwi.  Dan jindika li l-ismijiet huma żidiet li saru wara, possibilment meta ssewwiet xi ħsara mal-faċċata li kienet sater matul il-gwerra.

Iżda għaliex jew minn min saru ż-żidiet ma nafux u mhux probabbli li qatt nsiru nafu.  Dan mhux importanti imma wieħed jittama li din l-anomalija, li persważi li saret b’intenzjoni tajba, minkejja li hi żbaljata, xi darba tissewwa’

Min kienet Santa Liberata?

Qabel ma’ daħlu l-istudji storiċi rigorużi tal-lum li janallizzaw u jiċċertifikaw il-qdusija minn kull aspett possibbli, kull min kien jinstab midfun f’katakombi Rumani kien jiġi meqjus li kien martri tal-Fidi Nisranija.  Dwar l-individwu li l-għadam tagħha jinsabu fil-knisja tal-Kalkara ma nafu assolutament xejn li jista’ jiġi ppruvat xjentifikament.

Iżda lil hinn minn dan, il-kult ta’ Santa Liberata kien jeżisti ħafna qabel minn meta l-korpusant tagħha instab u nġieb f’Malta fl-1571.  L-istorja marbuta magħha tixbaħ lil ħafna stejjer oħrajn, inkluż dik ta’ Santa Barbara.  Għalkemm hemm għadd ta’ varjanti, jingħad li kienet bint kap pagan u li kkonvertiet għall-Kristjaneżmu u ħadet il-vot tal-kastità.  Missierha ried iżewwiġha u hi talbet lil Alla biex jgħina tevita ż-żwieġ.  Sar miraklu u sa filgħodu, oħroġ il-għaġeb, it-tfajla kibritilha daqna kbira taħt geddumha.  Naturalment, il-pagani ta’ madwarha waħħlu fil-maġija u akkużawha li kienet saħħara.  Bħal Santa Barbara, Liberata nqatlet minn missierha stess.  Hi nqatlet billi ssalbet – l-unika mara li ngħatat il-martirju bis-salib.

Id-devozzjoni lejn il-qaddisa infirxet mal-Ewropa u anke lejn l-Amerika t’isfel.  Fil-pajjiżi Ġermaniżi tissejjaħ Santa Wilgefortis, possibbilment mill-Latin Virgo Fortis jew mill-Ġermaniż Hilge Vartez (wiċċ imqaddes, bħal dak li hemm f’Lucca li juri lil persuna bid-daqna, imsallab u liebes tunika ta’ mara flok biss ċarruta mdawwra mal-qadd).  Fl-ikonografija antika din il-qaddisa dejjem hekk kienet tiġi raffigurata hekk.  Aktar tard, din il-figura inkwetanti bdiet tiġi raffigurata bħala xbejba ħelwa, mingħajr daqna, bħalma narawha fil-Kalkara. 

Bħalma kien jiġri, għadd ta’ postijiet oħrajn jgħidu li huma l-lok fejn hemm midfuna l-qaddisa.  Fost dawn hemm Saragoza fi Spanja u f’Saint Livarde-sur-Lot fi Franza.  Billi m’għandna l-ebda prova xjentifika jew storika dwar l-identià ta’ Santa Libarata tal-Kalkara, wieħed jistaqsi jekk jistax ikun li l-korpusant tal-Kalkara kienx ta’ xi “Liberata” oħra.

Hawn irridu niftakru illi ħafna minn dawn 'i Corpi Santi" li għandna fil-knejjes tagħna kienu fdalijiet ta' martri li nstabu fil-katakombi ċimiterji ta' Ruma. Dawn ma kienux ikunu identifikati u għalhekk kienu jingħataw ismijiet li jiddeskrivu xi virtu bħal Candida (Pura), Felicita (Ferrieħa), Maximus (il-Kbir), Costanza (il-Fidila), Victorius (Rebbieħ) u Liberata (il-Meħlusa).

Il-korpusant tal-Kalkara ingħata lill-Kapuċċini Maltin mill Papa Benedettu XIV u l-fdalijiet kienu inġiebu mic-ċimiterju Ruman ta' San Kallistu.  L-ex-Imħallef Giovanni Bonello, f’wieħed mill-kotba fis-sensiela “Histories of Malta” (Volum 12, Confusions and Conclusions), jitkellem dwar dan is-suġġett u (nimmaġina b’nofs daħka fuq wiċċu) jispekula li l-Papa għażel l-isem ta’ Santa Liberata għal dawn il-fdalijiet peress li l-Kapuċċini, li kienu għamlu t-talba, huma magħrufin li jġorru d-daqna. 

Ta’ min jgħid li mal-fdalijiet kienet inġiebet ukoll ampulla bid-demm tagħha u ċertifikat ta' awtentiċità li kien jistqarr li l-fdalijiet kienu nqalgħu miċ-ċimiterju Ruman ta' San Kallistu.
 

Ritratt - Noel Ciantar


Edgar Vella, fil-ktieb “Treasures of Faith” jgħid li ġieli kien jiġri wkoll li xi wħud minn dawn il-Korpisant  kienu jingħataw l-istess isem. Fil-fatt f'inventarju tal-1848-49 (CEM Inventari Toma 2) insibu li fil-kolleġġjata ta' San Lawrenz fil-Belt Vittoriosa hemm “Corpo di Santa Liberata nell'altare di San Giuseppe”, waqt li tissemma wkoll “Cassa col corpo di Santa Liberata Martire” mingħajr ma jingħad fejn qiegħed. Fil-Birgu kien hemm ukoll relikwa ta' San Liberato.

Santa Liberata hija patruna tan-nisa msawwta u tiġi invokata biex tikkoreġi u tikkastiga rġiel abbużivi.  Fl-1969 il-qaddisa tneħħiet mil-lista ta’ qaddisin uffiċjali tal-knisja.  L-ikonografija tagħha hija mibnija fuq xi leġġendi u tinkludi żarbuna waħda (jew sieq waħda ħafja) u/jew vjolinista żgħir ħdejn saqajha.

Il-knisja minn ġewwa

Skont patri Pelaġju din il-knisja nbniet f’żewġ fażijiet.  L-ewwel inbnew l-altar maġġur, il-kor u s-sagristija u ttella' ħajt diviżorju. Imbagħad inbniet il-parti l-oħra u kif din tlestiet tniżżel il-ħajt diviżorju.

Fil-kronaka tiegħu patri Pelaġju jagħtina deskrizzjoni dettaljata ta’ din il-knisja. Skont patri Pelaġju din il-knisja kienet oġġett t’ammirazzjoni minħabba l-iskultura manjifika tagħha. L-altar maġġur tagħha, Ii d-disinni tiegħu, kif għidna, saru mill-arkitett Ruman Romano Carapecchia, sar bi spejjeż tal-Gran Balliju ta’ Alemagna (Ġermanja). L-istess Gran Balliju ħallas I-ispejjeż tal-kwadru titulari Ii nħadem f’Ruma mill-pittur Agostino Masucci fl-1739, u Ii qam mitt żekkin Maġistrali. Dan iI-kwadru wasal Malta f’Diċembru tal-1739.

Minnbarra I-altar maġġur iI-knisja kellha sitt altari oħra fiI-ġnub, kull wieħed minnhom f’kappella, tlieta fuq il-lemin u tlieta fuq ix-xellug.

Il-kappelli donnhom inbidlu f’dak li hemm fihom matul iż-żmien u għalhekk l-ewwel qed inġibu dak li Patri Pelaġju elenka li kien hemm fi żmienu u mbagħad ngħidu x’attwalment hemm illum.

L-altari tal-lemin (tħares minn fuq l-altar maġġur) kienu dawn Ii ġejjin:

    •   L-altar ta’ San Franġisk t’Assisi Ii fuqu ta’ kull sena kienet issir il-festa tal-Porzjunkola. Il-kwadru ta’ dan l-altar kien ġie rregalat mill-Balliju Guarena.   Dan hu mdawwar b’rederos tal-ġebel u fuqu jinkorpora sopra-kwadru tond.

    Ta’ min iżid li fuq kull naħa tal-altar hemm statwa kbira tal-ġebel.  Fuq il-lemin hemm dik ta’ San Fidel ta’ Simaringen, Proto-Martri waqt li dik tax-xellug turi lil San Lawrenz ta’ Brindisi, Duttur.  Fuq l-altar innifsu, quddiem it-tabernaklu, hemm statwa żgħira tal-Qalb ta’ Ġesù.

    •   L-altar ta’ Sant’Antnin ta’ Padova. Fuq dan I-altar kien hemm statwa tal-qaddis tawmaturgu ta’ Padova, li kienet ġiet irregalata mill-prokuratur tal-knisja parrokkjali tas-Siġġiewi u rranġgata minn patri Rafel Morello mill-Belt Valletta.

    Illum hem Kurċifiss kbir ġo niċċa fuq l-altar imdawwar b’prospettiva tal-irħam ikkulurit bħall-altar innifsu.  Fil-bokka tat-tabernaklu hemm bust tad-Duluri.

    •   Viċin il-bieb tal-knisja kien hemm il-kappella bl-altar li fuqu kien hemm xbieha tal-Ecce Homo, xogħol tal-imsemmi patri Rafel Morello. Fuq dan l-altar kien hemm ukoll kwadru ta’ San Ġwann Evanġelista, xogħol u rigal ta’ Mastru Palmo mill-Birgu

    Illum il-ġurnata, din il-kappella fiha statwa ta’ San Ġuda prominenti fuq l-altar.  Ix-xbiha tal-Ecce Homo tinsab band’oħra fil-knisja.

Tħares minn fuq l-altar maġġur, l-altari tax-xellug

    •   Fil-parti tax-xellug l-ewwel kappella viċin tal-altar maġġur kienet dik tal-Immakulata Kunċizzjoni, li kienet tingħata qima fi kwadru, xogħol t’id tajba u rregalata mis-Sur Domenico Xara.

    Illum hemm kwadru tal-Madonna tal-Providenza, bil-Bambin Ġesù f’idejha, imdawwar b’rederos tal-irħam ikkulurit li jinkorproa fih żeġ pilastri ta’ stil Joniku.  Fuq kull naħa tal-altar hemm statwa tal-ġebel bħalma diġà rajna li hemm fil-kappella tal-faċċata ddedikata lil San Franġisk.  Fil-figuri juru lil Santa Veronika Guliani, Verġni fuq il-lemin u ‘l Santa Klara t’Assisi, Verġni.

    •   ll-kappella ta’ ħdejha kienet iddedikata lill-fratell Kappuċċin San Feliċ minn Cantalice. Fuq dan l-altar kien hemm statwa ta’ dan il-qaddis, xogħol ukoll ta’ patri Rafel Morello.

    Din il-kappella donnu baqgħet l-istess minnżmien id-deskrizzjoni li taha Patri Pelaġju.  Il-pittura hija madwra b’rederos imżejjen imma eleganti magħmul mil-ġebel. L-istatwa ta’ fratell Kapuċċin għadha hemm fuq l-altar ukoll.  Fuq kull naħa tal-altar, hemm anġlu fuq pedestall bħalma nsibu fit-toroq Maltin fil-festi.

    Interessanti hu li din il-kappella hija aktar fonda mill-oħrajn u għalhekk l-altar huwa mifrud mill-bqija tal-knisja b’bankun bil-balavostri bħalma normalment insibu fuq altari maġġuri.

    •   It-tielet kappella kienet iddedikata lill-Madonna ta’ Loreto li l-festa tagħha kienet issir ta’ kull sena fl-10 ta’ Diċembru. Taħt dan l-altar kien hemm il-ġisem ta’ Santa Liberata martri,  mogħti mill-Papa Benedettu XIV lil Patri Feliċ Maria de Martino u lil Fra Innoċenz. Negroponte. Din il-qaddisa nġiebet solennement fis-17 ta’ Settembru, 1952.

    Fil-ħajt tal-lemin ta’ din il-kappella kien hemm kwadru ta’ San Ġwann Niponiċenu u faċċata tiegħu kien hemm kwadru ta’ Ġesù ma’ San Franġisk, għotja ta’ saċerdot .

    Din il-kappella tidher li ukoll baqgħet l-istess iżda b’xi żidiet.  Fuq kull naħa tal-altar hemm żewġ anġli żgħar fuq pedestall.  Fuq ix-xellug tal-kappella hemm vara kbira ta’ San Ġużepp bil-Bambin f’idejh.  Din hija mqiegħda f’niċċa kbira tal-injam.  Fuq il-hitan hemm kwadru kbir fuq kull naħa, ta’ Antonio (Naici) Grech, li juru l-martirju ta’ Santa Liberata.

Hemm kwadri oħra li jistħoqqilhom xi meritu. Fost il-kwadri sbieħ jidhru dawk ta’ Santa Filomena, xogħol ta’ Ġużeppi Hyzler, u żewġ kwadri ta’ San Franġisk t’Assisi u Santa Duminka, xogħol Anton Falzon, magħmulin fl-1862. L-istatwa ta’ San Ġwann l-Evanġelista ħadimha Karlu Darmanin. Antonju Zammit pitter ir-ritratti tal-Ġeneral tal-Kapuċċini, ta’ żewġ provinċjali, ta’ żewġ gwardjani u ta’ Patri Qaddis. Fil-kunvent hemm ir-ritratti tal-Gran Mastru Manoel, tal-Balliju Solaro u ta’ Ġużeppi Abela, benefatturi magħrufa ta’ dan il-kunvent.

Fin-niċċa li kien hemm bejn iż-żewġ kappelli ta’ San Franġisk t’Assisi u ta’ Sant’Antnin ta’ Padova hemm il-pulptu iserraħ fuq konfessinarju.  Ukoll,  fin-niċċa li kien hemm faċċata bejn iż-żewġ kappelli tal-Immakulata Kunċizzjoni u San Feliċ minn Cantalice hemm il-lapida tal-irħam hi kienet tfakkar il-konsagrazzjoni ta’ din il-knisja mill-isqof Pawlu Alpheran de Bussan fit-18 ta’ Ġunju tal-1747. Patri Pelaġju jgħidilna wkoll li t-tifkira tal-konsagrazzjoni kienet issir ta’ kull sena fit-18 ta’ Ġunju.

Ta’ min  jgħid ukoll li l-knisja hija miżgħuda b’qobra, lapidi tal-qobra, lapidi kommemorattivi, statwi żgħar, kwadri żgħar, linef, lampieri u tiżjin ieħor.  Il-lapidi tal-mejtin jistabu wkoll f’xi kuriduri wara l-kappelli li jagħtu għas-sagriatija, fejn għad jihru xi kapitelli ta’ oqbra fl-art.  Kull altar huwa mżejjen ukoll bil-ganlieri u salib pariġġ.

Madwar il-knisja hemm ukoll sett kwadri kbar tal-Via Sagra, kull wieħed imqiegħed fi gwarniċ tal-injam skolpit.

Fuq wara tal-knisja nsibu żewġ fonti tal-ilma mbierek maħdumin minn irħam griż, wieħed fuq kull naħa tal-bieb ta’ barra.  Fuq wieħed hemm kitba li tgħid li hu fonti tal-magħmudija u fuq l-ieħor, pariġġu hemm l-istemma tal-patrijiet Franġiskani.

Hajr lill-Arkivji Nazzjonali -Tony Terribile
Ritratt - Rayden Mizzi
Tpingija - Guzeppi Theuma
Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Hajr lil Duncan Brincat              War Damage Commission
Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Noel Ciantar    - Il-qabar tal-Gran Balliju fil-Konkatidral ta' San Gwann
Ritratt - Rayden Mizzi
Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Noel Ciantar

Ritratt - Noel Ciantar

Ritratt - Noel Ciantar

Ritratt - Noel Ciantar

Ritratt - Noel Ciantar

Fuq il-bieb ta’ barra hemm ukoll gallerija mdaqqsa tal-injam.

Wara l-altar maġġur hemm kumpless ta’ kmamar imdaqqsin li jinkludu l-kor u sagrastiju fejn jinħażnu l-ħwejjeġ assoċjati mal kult.  L-abar kamra, dik eżatt wara l-altar maġġur, fiha kor imdawwar b’bankuni tal-injam bis-siġġijiet tal-kor.  Fil-ħajt diviżorju mal-knisja hemm statwa ta’ Kristu mejjet f’urna kbira tal-injam bħalma naraw fil-purċissjonijiet tal-Ġimgħa l-Kbira madwar Malta.

Sal-1935 dan il-kunvent ġabar fih in-Novizzjat tal-Provinċja. Fl-1937 ġiet imtalla’ mill-pedament Skola Serafika għall-imħajrin li riedu jidħlu fl-Ordni, li tinsab ħdejn l-istess kunvent.

L-arloġġ tal-knisja sar fl-1873 minn Mikelang Sapiano.  Dan sewa £27 u tħallas mill-ġbir tad-devoti.
 

Ritratt - Noel Ciantar


It-titular ta’ Santa Barbara

It-titular juri lill-Santa Barbara fil-glorja tal-martirju tagħha u tpitter minn Agostino Masucci (1691-1758) fuq ordni ta’ Fra Filipp Wilhelm von Nesselrode-Reichenstein, il-Gran Prijur tal-Ġermanja tal-Ordni ta’ San Ġwann.  Fra Filipp Wilhelm hu midfun fil-kappella tal-Ġermanja fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann fil-Belt Valletta.  Il-pittura, li saret biż-żejt fuq il-kanvas, tlestiet fis-sena 1739. Restawr riċenti kkonferma li din hi pittura ta’ Masucci.  Masucci l-ewwel pitter abbożż żgħir, li llum jinsab fil-mużew tal-Akkademja ta’ San Luqa f’Ruma u mbagħad pitter il-kwadru fuq il-kanvas 289x169 ċentimentri.  Fuq in-naħa t‘isfel tal-kwadru, li sewa 100 żekkin, għadhom jidhru id-data 1739 (meta tpitter) kif ukoll il-firma ta’ Masucci.

Il-pittura turi lil Santa Barbara, għarkobbtejha, liebsa lbies fin tan-nobbli.  Missierha Dioscorus, fuq ix-xellug tagħha, jidher liebes ta’ suldat Ruman, waqt li qed jislet ix-xabla mill-għant tagħha sabiex jaqtalha rasha.  Fin-naħa ta’ fuq hemm il-Madonna bil-Bambin u tlett anġli żgħar jakkumpanjawhom. L-anġlu tal-lemin qed iżomm palma u girlanda f’idu, li huma ż-żewġ simboli tal- martirju u tar-rebħa rispettivament.

Fuq in-naħa tal-lemin Masucci pitter torri bi tlett itwieqi, li hu simbolu tipiku assoċjat mal-qaddisa.  Fuq in-naħa tax-xellug, Masucci pitter xena ta’ xi belt, probabilmet dik ta’ Ruma minħabba l-piramida żgħira viċin il-ħitan tal-belt, possibbilment xi referenza għall-qabar ta’ Cestius.  Masucci appuntu ħadem din il-pittura f’Ruma u din il-pittura llum titqies bħala eżempju importanti tal-istil prevalenti f’Ruma fl-ewwel nofs is-seklu tmintax.

Wara li waslet f’Malta, din il-pittura kienet ta’ inspirazzjoni għall-pitturi oħrajn Maltin bħalma kienu Francesco Zahra u Rokku Buhagiar.  It-tnejn kienu fil-fatt imqabbda mill-Kapuċċini biex jagħmlu xogħolijiet kemm fil-knisja tal-Kalkara kif ukoll f’Għawdex.

Fl-2010 ġie nnutat li din il-pittura kella xi ħsarat u li kien jeħtieġ li tiġi rrestawrata.  Il-pittura kien diġà sarulha żewġ interventi ta’ restawr qabel.  Kienet saretilha ħsara fit-Tieni Gwerra Dinjija meta kienet waqgħet mill-gwarniċa fejn kienet qiegħda u darb’oħra fl-1996 meta l-kwadru kien waqa’ minn postu u sofra ħsarat fil-kanvas inluż xi tiċrit fin-nofs u fin-naħa tax-xellug fin-naħa t’isfel tal-kwadru.

Id-ditta PrevArti Co. Ltd. intgħażlet biex tirrestawra dan il-kwadru prezzjuż.  Barra li ssaħħet l-istruttura kollha tal-kwadru, fl-interventi li sarulu ntużat teknika moderna li tippermetti restawr ieħor jekk ikun meħtieġ fil-futur.  Ix-xogħol fuq ir-restawr beda f’Diċembru tas-sena 2010 u ntemm f’Settembru 2011.

Il-korpusant jinġieb f’Malta


Fl-1743, meta kienet tlestiet il-knisja, il-Kapuċċini fehmu li ma kien hemm xejn x’jiġbed lin-nies lejn il-knisja l-ġdida u dan għaliex il-kumpless il-ġdid kien fil-periferija tal-Birgu.

F’nofs is-seklu tmintax, f’Malta u fil-Kristjaneżmu kien reġa’ qam l-interess fir-relikwi tal-qaddisin.  Iżda l-fidili ma baqgħux impressjonati bi ftit għadam jew ċraret ta’ ħwejjeġ assoċjati mal-qaddisin.  Bdew ikunu jridu l-ġisem sħiħ u mhux ftit għadam biex jissodisfalhom l-għatx għal xi relikwa.  Fl-1531, l-Ordni ta’ San Ġwann kienu ġabu urna bil-fdalijiet ta’ Santa Euphemia magħhom minn Rhodi.  Knejjes oħrajn tħajru u din id-drawwa laħqet il-quċċata tagħha f'nofs is-seklu tmintax.  Fl-1780, il-Konti Ciantar elenka 32 korpusant f’Malta u erb’oħra f’Għawdex.

Fl-1750,l-patrijiet Kapuċċini patri Feliċ Maria de Martino u l-ajk Innocenzo Negroponte, marru Ruma biex jakkwistaw korpusant.  Il-Papa Benedittu XIV, fis-27 t’Ottubru, ta lill-Kapuċċini Maltin il-fdalijiet ta’ Santa Liberata, li kienet għadha kemm inqalgħet mill-katakombi ta’ San Kallistu dik is-sena stess.

Żewġ patrijiet oħrajn li kienu jgħixu f’Ruma, Andrea u Enerico de Pietro, provdew kaxxa tal-injam biex jinġieb il-korpusant fiha f’Malta.  Huma wkoll ħallsu żewġ żekkini Venezjani tad-deheb lil dawk li ħadu ħsieb il-burokrazija involuta fit-trasferiment.

Il-fdalijiet tal-qaddisa waslu f’Malta f’Jannar ta’ wara fejn ittieħdet fil-kunvent tal-Kalkara.  Tmintax-il xahar wara, il-patrijiet ħadu l-kaxxa bil-korpusant, li kienet għadha ssiġillata, għand l-isqof Pawlu Alpheran de Bussan biex jikser is-siġilli papali u jiftaħ il-kaxxa hu.  L-isqof ordna li l-fdalijiet jintbagħtu għand Francesco Lamora biex jarma l-iskeletru ġo forma femminili u jlibbisha lbies fin.  Il-figura mbagħad reġgħet marret għand l-isqof fejn tqiegħdet f’urna li ġiet issiġillata bis-siġill tal-isqof f’ħames postijiet differenti.  L-isqof ħareġ ċertifikat ta’ awtentiċià bid-data tad-9 t’Awwissu tal-1752.  Illum, il-wiċċ li naraw fil-korpusant mhux l-oriġinali ta’ Lamora iżda wieħed aktar riċenti maħdum mill-istatwarju Għawdxi Wistin Camilleri.

Il-korpusant iddawwar ftit mhux ħażin qabel ma wasal fil-lok aħħari tiegħu.  L-ewwel ittieħed fil-Palazz Maġisterjali għall-qima tal-Gran Mastru Pinto u wara dawruh ma’ tlett kunventi ta’ sorijiet ta’ klawsura fil-Belt Valletta kif ukoll f’xi djar ta’ xi aristokratiċi.

Wara, l-korpusant ittieħed fil-Birgu fejn intwera lin-nies.  Imbagħad iddawwar mal-Kottonera, għand l-Inkwiżitur, fil-monasteru ta’ Santa Skolastika u fl-aħħar fl-Oratorju tal-Kurċifiss.

Fis-17 ta’ Settembru tal-1752, il-korpusant ittieħed fil-knisja ta’ Santa Barbara biċ-ċerimonji kollha li kien jixraq, bil-mużika, vuċijiet, konfraternitajiet, saċerdoti u patrijiet ta’ kull Ordni minn kull naħa ta’ Malta.  Il-Gran Mastru ordna li jiġu sparati kanuni minn Forti San Mikiel u t-toroq tal-inħawi kienu mżejnin kif jixraq tassew għal din il-festa.  Fil-knisja ta’ Santa Barbara l-urna bil-korpusant tqiegħdet fuq l-altar maġġur u l-knisja kienet imżejna bi fjuri, damask u fided, mislufin għall-okkażjoni. 

Ma nistgħux ngħidu li l-Kapuċċini ma rreklamawx l-investiment tagħhom!  Biż-żmien, il-popolarità tal-qaddisa kibret tant li l-kunvent u l-knisja saru aktar magħrufin bl-isem ta’ Santa Liberata milli b’dak ta’ Santa Barbara għal liema qaddisa attwalment huma ddedikati.

Festi partikolari

Fil-kronaka ta’ Patri Pelaġju jissemmew festi partikulari b’rabta ma’ din il-knisja. Bejn il-25 u 27 t’Awissu 1738, fil-parti tal-knisja li kienet lesta sar tridu fl-okkażjoni tal-beatifikazzjoni ta’ patri Fidiel minn Sigmaringen u patri Ġużepp minn Leonessa. Fl-ewwel jum ta’ dan it-tridu ppriedka patri Fidiel minn Pieve, segretarju tal-Kummissarju Ġenerali, u fit-tieni jum ippriedka patri Ġużepp Grech minn Bormla.

It-tieni festa straordinarja saret il-Ġimgħa, 20 ta’ Settembru u s-Sibt 21 ta’ Settembru 1743 fl-okkażjoni tat-translazzjoni taż-żewġ statwi, dik tal-Madonna ta’ Loreto li nġiebet minn Loreto u ta’ San Feliċ minn Cantalice.  Dawn l-istatwi, li kienu fil-kunvent tal-Floriana, nhar il-Ġimgħa 20 ta‘ Settembru 1743, wara l-ħin tal-vespri, tniżżu b’mod privat mill-kunvent sax-xatt tal-Belt. Hemmhekk tqiegħdu fuq xprunara mżejna li fuqha rikbu wkoll iI-Kapuċċini tal-Floriana u xi mużiċisti li daqqew waqt li l-ixprunara qasmet il-port u marret fin-naħa tal-Birgu msejħa l-Kalkara.

Minn hemm saret purċissjoni biż-żewġ statwi sal-kunvent tal-Kalkara, bl-intervent tal-Kapuċċini tal-Furjana u tal-Kalkara, iI-mużiċisti u folla ta’ nies. Kif waslu fil-knisja tal-kunvent tal-Kalkara, li kienet armata bid-damask, iż-żewġ vari ġew esposti fuq l-altar maġġur u tkanta bil-mużika l-innu “Te Deum”. Wara dun Franġisk Wiżżini niseġ paniġierku fuq il-Madonna ta’ Loretu. L-għada s-Sibt 21 ta’ Settembru, festa tal-Appostlu San Mattew, saret quddiesa solenni bil-mużika. Filgħaxija wara li saru l-vespri biI-mużika, dun Anton de Giovanni niseġ paniġierku fuq il-Madonna ta’ Loretu u San Feliċ minn Cantalice.

Il-knisja ta’ Santa Barbara llum

Illum il-ġurnata, il-knisja u l-kunvent huma ċentru ta’ attività.  Issir quddiesa kuljum filgħodu u oħra filgħaxija, matul il-ġimgħa, sajf u xitwa.  Nhar il-Ħdud u l-Festi isiru eba’ quddisiet filgħodu biss.

Kitba ta’ Noel Ciantar
Ritratti ta’ Noel Ciantar, Rayden Mizzi, Duncan Brincat u Tony Terribile (Ħajr Arkivji Nazzjonalii), Direttorat tar-Restawr, Paul Lija (sit Kapuċċini, Kalkara)
Tpinġija ta' Ġużeppi Theuma

Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Hajr Restoration Directorate
Ritratt - Hajr Paul Lija - Kapuccini Kalkara
Ritratt - Hajr Restoration Directorate
Ritratt - Hajr Paul Lija - Kapuccini Kalkara
Ritratt - Hajr lil Duncan Brincat

Noel Ciantar © 2012-2023    webmaster@kappellimaltin.com