KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Ritratt - Bernard Bugeja - details-Capitel

Il-knisja tal-Lunzjata
~ Ħaż-Żebbuġ ~

“Kull villaġġ żgħir għandu knisja nobbli, imżejna b’mod eleganti bi statwi tal-irħam, damask fin u għadd ġmielu ta’ fided.  Dawn il-knejjes bil-bosta huma l-aktar knejjes rurali sbieħ li qatt rajt.”

Hekk kiteb Patrick Brydone fl-1773, vjaġġatur Skoċċiż,  fil-ktieb tiegħu A Tour Throughout Scicily and Malta meta fetaħ il-kapitlu dwar Malta (u mbgħad kompla jgħid li kellu jieqaf ftit mill-kitba dak il-ħin għax kellu stuffat ifuħ qed jistennieħ li ma kienx ta’ min jitilfu ...).

Il-knisja tal-Lunżjata li hemm f’Ħaż-Żebbuġ tista’ faċilment tkun waħda minn dawk li kellu f’moħħu għax taqbel perfettament ma’ din id-deskrizzjoni.

Ħaż-Żebbuġ

Iż-Żebbuġin jirreferu għall-knisja tal-Lunzjata biss bl-isem tat-titular tagħha, jiġifieri sempliċiment “il-Lunżjata”.  Din il-knisja tinsab fit-triq prinċipali li tagħti għall-knisja parrokjali u li tibqa’ sejra sa ma’ twasslek sal-belt kapitali l-antika, l-Imdina.  Ħaż-Żebbuġ jaf il-bidu tiegħu fis-seklu erbatax meta tlett irħula żgħar, dawk ta’ Ħal Dwin, Ħal Mula u Ħal Muxi, inagħqdu f’raħal wieħed.  Kien il-bini tal-knisja parrokkjali, iddedikata lil San Filippu t’Aġġira, li xpruna l-għaqda bejn dawn it-tlett irħula f’raħal wieħed.  Fil-21 ta’ Ġunju tal-1777, Il-Gran Mastru Emmanuel De Rohan-Polduc  ta  t-titlu ta’ Città Rohan lil Casal Zebbug.  Dan it-titlu prestiġġjuż fisser li Ħaż-Żebbuġ seta’ bi dritt jinqata’ minn Casal Curmi (Ħal Qormi) u jsir parroċċa għalih bi knisja parrokkjali indipendenti minn kull oħra.
 

Ritratt - Carmelo Vella
Ritratt - Bernard Bugeja   northern elevation final


Il-bidu

Meta l-monsinjur Dusina żar Ħaż-Żebbuġ fiż-żjara pastorali li kien għamel fil-5 ta’ Frar tal-1575, hu sab tnejn u għoxrin knisja żgħira jew rurali barra l-knisja parrokjali.  Ħafna minnhom kienu fi stat ħażin u dilapidat u għalhekk iddekonsagrahom u għalaqhom  Illum għad fadal biss tlettax minnhom u għaxra huma ddedikati lill-Madonna taħt diversi titoli.

Il-knisja tal-Lunzjata li naraw illum mhix l-istess waħda li kien żar Dusina fiż-żjara pastorali tiegħu.   Dik kienet inbniet qabel l-1575.   Il-knisja li żar i-monsinjur Dusina kellha bibien tal-injam u barra altar maġġur (li kien għad ma kellux titular), kellha wkoll xi altari mal-ġnub tagħha.  Dusina deherlu li ma kenitx fi stat tajjeb u ordna li ma jsirx aktar quddies fiha.

Żewġ persuni kienu marbutin li jiċċelebraw il-festa tal-Lunzjata f’narha. Giuliano Tabone, sid ta’ għalqa magħrufa bħala Bur tal-Andar, kellu jagħmel tajjeb għall-ewwel vespri u quddiesa.  Il-flus kellhom jiġu mill-piż li kien hemm fuq din l-għalqa.  L-ieħor, Randino Sayd, kellu obbligi simili bħala piż fuq għalqa  magħrufa bħala Ta’ Bert.

Kif irrappurtat fiż-żjara tal-isqof Garallo fl-1588, apparti l-altar,insibu li l-knisja kellha wkoll pavimentar, titular u bibien tal-injam.  Iżda l-bibien ma kellhomx firroll biex jissakkru.  Kienet  inagħtat l-ordni biex jibdew jissakkru minħabba raġuni ta’ sigurtà kif ukoll biex jinxtraw  gandlieri u l-antependium.  Fiż-żjara pastorali li kien għamel l-istess isqof fl-1594, insiru nafu dettalji oħrajn.  It-titular kien juri l-episodju tat-tħabbira tal-anġlu u kien jitqiegħed fuq leġijju li fuqu kellu mpittrin it-tnax-il Appostlu.  Kien hemm xi għamara oħra li jidher li ma kenitx ta’ kwalità  tajba biżżejjed biex tibqa’ tintuża.  Kien hemm ukoll żewġ gandlieri, antependium tad-drapp li kien impitter u lampier li mid-dehra ma kienx jinxtegħel

Agatha Sayd, il-mara ta’ Randino Sayd, kellha għalqa fl-inħawi ta’  Tal-Andar, fejn kienet bniet dar.  Hi kienet refgħet il-piż li semmejna aktar ‘il fuq mill-qliegħ minn din l-għalqa, kif kien għamel ukoll ċertu Giacomo Dingli, minn Ħ’Attard li wkoll kellu għalqa fl-inħawi Tal-Andar.

Id-devozzjoni lejn din il-knisja  kienet żdiedet ħafna sal-1598 meta kien reġa’ żarha l-isqof Gargallo fi żjara pastorali oħra.  F’din iż-żjara kien ġie rrappurtat li nhar il-festa il-kappillan tar-raħal kien imexxi purċissjoni sa lejn din il-knisja  u wara l-ewwel vespri dan Giacomo Dingli, li diġà semmejna, kien jipprovdi ġarra nbid lil dawk preżenti għaċ-ċerimonja.

Ritratt - Carmelo Vella Meta reġa’ żarha l-isqof Tommaso Gargallo fl-1608 hu reġa’ semma’ l-purċissjoni u l-quddiesa ta’ nhar il-festa.  L-unika ħwejjeġ li kellha f’dik iż-żjara kien it-titular.  L-eredi ta’ Mariano Said kienu wirtu l-għalqa ta’ Bur tal-Andar u mill-qliegħ tagħha kienu jagħmlu l-ewwel vespri bl-ikla ta’ wara l-funzjoni (iż-“żerda”) kif ukoll il-quddiesa ta’ nhar il-festa.  Il-piżijiet li diġà semmejna u li kien iġorrhom Giacomo Dingli, instab li kien għadu jġorrom dan l-istess Dingli ukoll meta saret din iż-żjara.  Minkejja dan, kien ġie deċiż li l–knisja tingħalaq u l-flus mid-dħul tal-piżijiet imur biex il-knisja tiġi restawrata.

Fiż-żjara pastorali tal-1615 li kien għamel l-isqof  Cagliares, instab li l-knisja kienet mgħammra b’kull ma kien jeħtieġ.  L-altar kellu titular li kien juri l-Lunzjata. kif ukoll gandlieri tal-injam.  Il-ħitan kienu mbajdin u kien hemm għadd ta’ bankijiet tal-ġebel (“dukkiena”) fil-ġenb.  Is-sid tal-għalqa f’Ta’ Bert issa kien Alessandro Gatt minn Ħaż-Żebbuġ iżda dan kien iħallas biss għall-quddiesa ta’ nhar il-festa.  Tlett membri tal-familja Said, li kellhom dar u għalqa magħha ħdejn il-knisja, kienu jġorru l-piż tal-bqija tad-doveri marbutin ma’ din il-knisja.

Din il-knisja kienet ingħalqet fl-1658 waqt iż-żjara pastorali tal-isqof Giovanni Balaguer Camarasa iżda fuq talba ta’ xi fidili li offrew l jieħdu ħsiebha u jsewwu l-ħsarat li kien fiha, insibu li fiż-żjara tal-isqof  Luca Bueno tal-1667, din kienet għadha tintuża taħt ċertu kundizzjonijiet marbutin magħha li kien għamel l-isqof.

Fiż-żjara pastorali tal-isqof Michele Molina fl-1679, insibu li l-prokuraturi ta’ din il-knisja kienu Dun Paschalis Cumbo u Pauluccio Agius.

Aktar tard, fiż-żewġ żjajjar pastorali li kien għamel l-isqof Davide Cocco Palmieri fl-1693 u l-1699, jgħidilna lil-knisja reġgħet inbiet bejn dawn is-snin.  Il-knisja tlestiet fl-1696 u saż-żjara ta’ Cocco Palmieri fl-1699 kienet għadha tintuża.  Kien Dun Ġulju Zammit, in-neputi ta’ Dun Martinu Zammit li kien ta l-bidu għal din il-knisja, bil-flus li kien wiret meta kien miet  zijjuh.  Il-werrieta ta’ Dun Martinu, li meta miet indifen f’din il-knisja, għamlu kuntratt għand in-nutar Benedetto Vassallo nhar it-22 ta’ Mejju tal-1696 fejn daħlu għall-piż li jżommu l-knisja f’kundizzjoni tajba.  Il-propjetà ta’ Dun Martinu Zammit kienet inqasmet bejn l-erba’ neputijiet tiegħu, ulied ħuħ il-mejjet Giorgio Zammit.  Fid-dar li Dun Martinu kellu fil-Belt Valletta, kienu instabu madwar elf skud u dawn intużaw fil-bini ta’ din il-knisja tal-Lunzjata.

Iż-żjara tal-isqof Davide Cocco Palmeri tal-1696 tagħtina deskrizzjoni preċiża u ddettaljata ta’ din il-knisja f’dak il-perjodu.  L-orjentazzjoni tal-knisja l-ġdida, dik li għadna naraw illum, kienet differenti mnn dik ta’ qabilha.  Il-bieb prinċipali issa beda jħares lejn it-Tramuntana.  Skont Cocco Palmieri, il-knisja kellha żewġ bibien oħrajn barra dak prinċipali: wieħed iħares lejn il-Lvant u l-ieħor lejn il-Punent.  Illum il-bieb li jħares lejn il-Punent huwa mbarrat bil-ġebel

Il-knisja issa kellha koppla li fil-quċċata tagħha kien fiha lanterna bi twieqi tal-ħġieġ biex jidħel id-dawl fiha u b’salib żgħir tal-ġebel fuq il-quċċata.  Fuq il-faċċata, Cooco Palmieri ddokumenta li kien hemm  l-arma tal-aħwa Gorgio u Martinu Zammit iżda llum, minflok din l-arma, insibu l-istemma tal-Papa.  Fuq kull naħa tal-altar kien hemm bieb li t-tnejn jagħtu għas-sagristija. Fuq is-sagristija, kien hemm kamra żgħira li titla’ għaliha minn garigor tal-ġebel.

L-arkitettura tal-knisja, minn barra u minn ġewwa

Il-knejjes tas-seklu sittax kienu sempliċi u kienu ġeneralment jikkonsistu f’kamra rettangulari imsaqqfa b’saqaf ċatt b’xorok tal-qasba (qies ta’ tul) li jistrieħu fuq arkati, bħalma nsibu, ngħidu aħna, fil-knisja ta’ Santu Rokku f’Ħaż-Żebbuġ stess.

Knejjes tas-seklu sbatax, kienu ddisinjati b’mod differenti.  Għalkemm kull waħda kellha l-karatteristiċiuniċi tagħha, kellhom ukoll ħafna similaritajiet bħalma huma t-twieqi fil-baxx fuq kull naħa tal-bieb prinċipali u l-elevazzjoni mill-art bi ftit tarġiet.  Il-Lunzjata taqsam dawn il-karatteristiċi ma’ knejjes oħra f’Ħaż-Żebbuġ li nbnew fl-istess epoka bħalma huma dawk Tal-Abbandunati u Tad-Dawl.

Ta’ min jgħid li l-Lunzjata hija l-unika knisja f’Ħaż-Żebbuġ li hija kompletament maqtuha mill-bini ta’ madwarha.  Ma nafux min iddisinjaha iżda wieħed ma jistgħax ma jinnotax xebħ qawwi mad-disinn tal-knisja tal-Assunta, magħrufa bħala Ta’ Mamo, ukoll f’Ħaż-Żebbuġ, u li kien fassalha Lorenzo Gafà.  Wieħed jista’ għalhekk jaħseb li jekk il-knisja tal-Lunzjata ma kenitx imfassla attwalment minn Gafà innifsu, setgħet kienet infassla minn xi ħadd li kien jaf sew ix-xogħol ta’ Gafà.  Barra minn hekk, il-fatt li l-knejjes tal-Lunzjata u ta’ Mamo huma viċin xulxin f’Ħaż-Żebbuġ, u d-dati tal-bini tagħhom huma wkoll qrib (1696 u 1632 rispettivament) ikompli jsaħħaħ dan il-ħsieb.  Niftakru wkoll li Gafà kien influwenti sew f’Ħaż-Żebbuġ tant li anke kien bena s-salib kommemorattiv li hemm quddiem il-knisja parrokkjali ta’ San Filep li kien ġie inawgurat 10 snin qabel il-knisja al-Lunzjata jiġifieri fl-1686.

Il-pjanta tal-Lunzjata hija waħda ottagonali, bi  tmin naħat, u l-faċċata hija ddekorata b’kolonni imdaħħlin fil-ħitan (“engaged columns”) fuq kull naħa tal-bieb prinċipali u jibqgħu sejrin hekk anke fil-faċċati tal-Lvant u tal-Punent.  Dawn il-kolonni huma tal-ordni ġgantesk (“giant order” jew “colossal order”),  jiġifieri aktar għoljin minn żewġ sulari.   Il-kapitali ta’ dawn il-kolonni huma ta’ stil kompost.

Il-knisja għandha taqsim ċentralizzat, u hija msaqqfa b’koppla ovali li tidher biċċa minnha meta tħares lejn il-faċċata minn barra.   Fuq il-bieb priċipali hemm tieqa kwadra u fuqha nsibu l-istemma tal-Papa, li flokha qabel kien hemm  l-arma tal-aħwa Giorgio u Martinu Zammit, skont ma’ kien irrapporta l-isqof Cocco Palmieri fiż-żjara tal-1696.  Il-bieb hu mdawwar bi gwarniċ sempliċi rettangolari tal-ġebel, filwaqt li t-tieqa ta’ fuqu hija mdawwra b’disinn sempliċi f’forma ta’ skroll imnaqqax fil-ġebel. 

Il-bejt huwa mdawwar bi friż iddekorat u fuq il-faċċata prinċipali hemm pediment segmentali mirfud u mżejjen b’żewġ skrollijiet żgħar.  Fuqu hemm salib tal-ġebel.  Fil-kantunieri tal-faċċata prinċipali nsibu żewġt anġli tal-ġebel, xi ftit mikulin bit-temp.  Il-bqija tal-kantunieri huma mżejnin b’piramida f’forma ta’ ġandra.

Il-bibien tal-ġnub, wieħed fuq kull naħa tal-bieb prinċipali, ukoll għandhom tieqa fuqhom.  Iż-żewġ twieqi it-tnejn għadhom miftuħin u jiffunzjonaw inkluża dik ta’ fuq il-bieb li jħares lejn in-naħa tal-Punent u li lum jinsab imbarrat bil-ġebel.  Interessanti hu l-fatt li l-faċċati tal-ġnub huma ddekorati ftit aktar mill-bieb prinċipali għax fuq il-bibien, għalkemm iżgħar minn dak prinċipali, għandhom pediment triangolari meta fuq il-bieb prinċipali m’hemmx.  Mhux hekk biss.  It-twieqi tal-ġnub ukoll huma ddekorati ftit aktar minn dik ċentrali għax għandhom tundjaturi fil-kantunieri li jagħtu lit-twieqi xeħta ta’ salib.

Fuq wara fuq ix-xellug insibu kampnar kemxejn għoli  li għad fih xi qniepen.  Il-kampnar, li titla’ għalih minn taraġ fuq il-bejt,  għandu tifsila kdawra u hu mdawwar b’erba’ kolonni bi tlett balavostri bejniethom fuq kull naħa.  Is-saqaf tal-kampnar huwa ċatt.

Fuq in-naħa tal-Lvant  hemm bieb ċkejken ieħor tal-injam li jagħti għal kamra ċkejkna.  Dan ukoll għandu tieqa fuqu, li sservi biex titfa’ d-dawl fil-kamra.  Din il-kamra, li tidħol għaliha minn barra b’erbgħa tarġiet, kellha wkoll tieqa oħra li tħares lejn il-Punent, iżda din, bħall-bieb fuq l-istess naħa, hija mbarrata bil-ġebel.

Fuq in-naħa li tagħti għal Nofs-in-Nhar, hemm bieb sempliċi tal-injam li l-awturi ta’ din il-kitba ma setgħux jiftħu u li ma ngħatawx permess jiftħuh.  Il-ftuħ li hemm kif iddur mal-kantuniera lejn in-naħa tal-Punent tahom x’jifhmu li dawn huma ventijiet tal-arja għal xi kamra taħt l-art – possibilment il-kripta li fiha hemm midfun Dun Martinu Zammit kif kien qal l-isqof Cocco Palmieri.  Iżda la ma setgħux jaraw b’għajnejhom dan huwa biss spekulazzjoni u jekk tezisti kamra taħt l-art tista’ tkun ukoll sempliċiment xi forma ta’ xi kantina.
.
Minn ġewwa

Minn ġewwa, l-Lunzjata hija mżejna bi stil Barokk u mdawwra bi tmin kolonni mdaħħlin fil-ħajt (“engaged columns”) iddekorati wkoll bil-kapitelli.  Aktar tard, inbniet gallerija tal-injam għall-kor fuq il-bieb prinċipali.  Titla’ għalih b’taraġ tal-injam  Il-kor jgħatti t-tieqa baxxa li tagħti għall-barra fuq in-naħa tal-Punent kif ukoll jgħatti biċċa mill-gwarniċ tal-ġebel tal-bieb prinċipali.  Dan juri li l-kor ma kienx maħsub mill-bidu u huwa żieda li saret aktar tard.  Il-kor għandu l-monogramma tal-Madonna mnaqqxa fuqu bi prominenza fuq il-panew ċentrali. Taħt il-kor hemm antiporta tal-injam u    ħġiieġ u fuq kull naħa tagħha, kif tidħol, hemm fonti tal-ilma mbierek.

Ritratt - Bernard Bugeja


Fil-festa, li tiġi ċċelebrata Ħadd wara l-Għid, il-knisja tkun miksija b’damask aħmar.  Ikun hemm ukoll il-gandlieri tal-metall, bukketti tal-ganutell u Karti tal-Gloria li jinħarġu wkoll bħala tiżjin tal-festa.  Il-linfa l-kbira ċentrali tal-kristall tinkixef mid-drapp li matul is-sena jgħattiha biex ma tintelgħiex bit-trab.  L-istess iż-żewġ linef żgħar, ukoll tal-kristall pariġġha, jinkixfu waħda fuq kull naħa tal-altar.  Żewġ lampieri tal-fidda jinħarġu mill-ħażna, jitnaddfu u jiddendlu f’posthom biex jinxtegħlu fil-festa.

L-altar maġġur għandu fuqu it-titular, pittura li turi l-Lunzjata, xogħol ta’ Stefano Erardi li kien pittru madwar is-sena 1690.  Dan il-kwadru huwa mdawwar b’rederos imdaqqas li juri disinji ta’ skrolli varji u putti minquxin fil-ġebel.  Il-ġwienaħ tal-anġli u xi partijiet oħra tar-rederos huma ndurati bid-deheb. Fuqu hemm sopra-kwardru li juri lill-Missier Etern.  Dan ukoll hu mdawwar bi gwarniċ tal-ġebel iddekorat, b’partijiet minnu ndurati bid-deheb ukoll, li jagħmel parti waħda  mir-rederos tat-titular ta’ taħtu.  Dan is-sopra kwadru jistrieħ fuq cartouche bil-kliem fuqha bil-Latin li jgħid “Gloria Praecedit Humilitas” u “PROV XV” li jfissru: “L-Umità tiġi qabel il-Gloria”,  meħuda mill-Bibbja.

L-altar maġġur hu miksi bl-irħam u huwa stil pre-Konċiljari.  Quddiemu hemm altar mejda, tal-injam, li huwa aktar konsonanti mal-liturġija ta’ wara l-Konċilju.  Fuq kull naħa tal-altar maġġur hemm bieb ċkejken b’pediment segmentali fuqu.  Dawn jagħtu għal passaġġi żgħar li jieħduk fis-sagristija.  Fuq il-bieb tax-xellug, fuq il-gwarniċ, hemm il-kitba “Sliem Għalik Marija” filwaqt li fuq dak tal-lemin hemm  il-kliem “Bil-Grazzja Mimlija”. Fuq dawn il-bibien hemm żewġ pitturi mdaqqsin li juru żewġ figuri.  Dawn il-kwadri huma mqiegħdin fi gwarniċ tal-injam imqiegħed fi gwarniċ tal-ġebel.
 

Ritratt - Rayden Mizzi


Il-knisja tal-Lunzjata għandha dak kollu li knisja jkollha bżonn għall-espressjoni tal-kult u jinkludu sett ta’  kwadri żgħar tal-Via Sagra kif ukoll  ambone u leġiju tal-injam.  Is-siġġijiet li joqgħodu fuqhom iċ-ċelebranti huma wkoll tal-injam, b’disinn li jikkumplementa l-għamara l-oħra ta’ fuq l-altar.  Iżda is-siġġijiet tal-fidili huma ħafna aktar foqra, magħmulin b’tubi tal-aluminju u magħqad tal-plywood irqiq miksi bil-formika kannella, bħalma ġieli konna nsibu fl-antik fl-iskejjel.

Il-knisja għandha wkoll altar sabiħ iddedikat lill-Madonna ta’ Lourdes, li jmur lura għall-1876.

Kwadri artistiċi

Il-kwadru titolari tal-Lunzjata tpitter minn Stefano Erardi madwar is-sena 1690.  Dan jixbaħ ħafna dak li Erardi stess kien pitter xi snin qabel, fl-1677,  għall-kunvent tal-Karmelitani tal-Imdina.   Dak tal-Imdina huwa artistikament aħjar minn dak tal-Lunzjata ta’ Ħaż-Żebbuġ kemm fil-kompożizzjoni tiegħu li turi anke l-Missier Etern kif ukoll fid-dettall għax juri pajesaġġ fl-isfond li jagħti perspettiva aktar fil-fond.  Dak tal-knisja tal-Lunzjata jidher aktar ċatt f’dik li hija perspettiva u anke jidher statiku, bla moviment.

Pittura oħra ta’ Erardi li wkoll tinsab f’din il-knisja hi dik li turi lill-martri San Ġorġ, bilqiegħda, f’pużizzjoni mhux tas-soltu u li pittirha wkoll madwar is-sena 1690.  Hemm ukoll pittura oħra ta’ San Ġorġ, muri joqtol id-dragun, li hija rapreżentazzjoni tal-qaddis aktar tradizzjonali.  Din tal-aħħar ma nafux min pittirha.  Fis-sagristija, imbagħad, insibu pittura oħra ta’ pittur mhux magħruf.  Din turi lill-Lunzjata u jingħad li din kienet l-ewwel pittura titulari li l-knisja kellha meta nbniet l-ewwel darba.  Kemm din kif ukoll dik ta’ San Ġorġ u d-dragun huma artistikament inferjuri għal dawk ta’ Erardi.

Iżda l-pittura li hemm fis-sopra-kwadru fuq it-titular u li turi lill-Missier Etern turi ċerta eleganza u hija raffinata, anke jekk ukoll ma nafux min pittirha.

Pitturi oħrajn ta’Stefano Erardi huma dik ta’ San Girgor Papa, kif ukoll tnejn oħra fuq il-biebien lateral li jagħtu għas-sagristija li juru lil San Martin, isqof ta’ Tours fuq il-bieb tax-xellug  u l-Papa Ġulju fuq il-bieb tal-lemin.  Dawn ifakkru lil dun Martin li bi flusu nbniet il-knisja u dun Ġulju, in-neputi tiegħu, li ħa ħsieb il-bini tal-knisja.

Ritratt - Bernard Bugeja11
Ritratt - Bernard BugejaDSC_0043
Ritratt - Bernard Bugeja             details-Crest
Arkivji Nazzjonali - Zebbug_Knisja_Filjali_Il-Lunzjata1
Ritratt - Bernard Bugeja
Ritratt - Carmelo Vella
Ritratt - Carmelo Vella
Ritratt - Carmelo Vella
Ritratt - Bernard Bugeja             eastern elevation final
Ritratt - Bernard Bugeja             western elevation final
Ritratt - Bernard Bugeja             southern elevation final
Ritratt - Bernard Bugeja             plansA
Ritratt - Bernard Bugeja             plansB
Ritratt - Bernard Bugeja
Ritratt - Guzeppi Theuma - Zebbug Il-Lunzjata - Titular ta' S Erardi
Ritratt - Norbert Crockford

Pitturi ta' Stefano Erardi

Ritratt - Anthony M Brincat - Erardi - San Martin

Ritratt - Anthony M Brincat - Erardi - Papa San Gulju

San Martinu Isqof ta' Tours

San Ġulju, Papa

Ritratt - Anthony M Brincat - Erardi- San Girgor

Ritratt - Anthony M Brincat -  Erardi - San Gorg

San Gregorju l-Kbir, Papa

San Ġorġ, Martri

Dettalji oħrajn

Ritratt - Julian Brincat

Ritratt - Julian Brincat

Il-kor tal-injam

Il-bieb imbarrat fuq in-naħa tal-Punent

Ritratt - Dorianne Pellican - Lunzjata Zebbug - Tieqa baxxa

Ritratt - Carmelo Vella

Tieqa fix baxx, fil-ġnub tal-faċċata

Bieb żgħir fuq wara

Arti oħra

Ritratt - Norbert Crockford

Ritratt - Norbert Crockford

Alla l-Missier, Soprrakwadru fuq it-titular

Ktieb tal-Kant

Ritratt - Norbert Crockford

Ritratt - Norbert Crockford

Il-Lunzjata, pittur mhux magħruf

San Mikiel Arkanġlu, pittur mhux magħruf

Ritratt - Norbert Crockford

Ritratt - Norbert Crockford

Inċizjoni fi ktieb tal-kant

Inċizjoni fi ktieb tat-talb

Graffiti

Barra dawn ix-xogħolijiet artistiċi, minn barra l-knisja hija nteressanti kemm fl-arkitettura tagħha kif ukoll fl-istorja għax għandha għadd ta’ graffiti li jikkumplementaw l-espressjoni artistika li tħaddan fiha.  Għalkemm hemm għadd kbir minn dawn il-graffiti, ħafna minnhom huma mgħottija jew parzjalment moħbijin mit-tikħil tal-ħitan.  Dawk li jidhru juru tipi differenti ta’ bastimenti tal-Ordni ta’ San Ġwann bħalma huma l-vaxxelli, it-tartani,  il-galeri, il-brigantini u l-galejuni.  Dawn jinsabu l-aktar fuq kull naħa tal-bieb prinċipali tal-faċċata kif ukoll mal-ħajt tan-naħa tax-xellug tal-faċċata fejn hemm dak il-bieb fil-ġenb li jagħti għal dik il-kamra ż-żgħira li x’aktarx oriġinarjament kienet ukoll tintuża bħala l-knisja.

Ritratt - Norbert Crockford Fi kliem Joseph Muscat stess, awtur tal-ktieb “Graffiti Marittimi Maltin”, mal-ħajt tal-kampnar instab graffit enormi ta' ġifen ta' qlugħ kwadri tal-Ordni, mifrux fuq seba' filati, jibda mid-disa' waħda 'l isfel. Jidħru tliet ċinet fuq il-buk u fiħom xi toqob bħala tiżjin jew biex jindikaw il-pożizzjoni tal- kanuni. Il-pruwa hi maqtugħa ħesrem għax maż-żmien inbniet opramorta mal-ħajt u l- ingast tagħha mal-ħajt tal-kampnar għattiha. Jidhru sew il-kassra tal-pruwa u il-poppa ħi mnaqqxa hekk biex jidher il-kwadrat tagħha li juri xi tiżjin fuqu wkoll. It-tliet arbli huma armati bi qlugħ kwadri; il-pupress hu mitluf fix-xejn. Il-gabja tal-majjistra hi miftuħa għar-riħ waqt li l-qala' l-kbira tagħha hi mgerba mal-pinnur tagħha. Il-qala' l-kbira hi mifruxa għar-riħ waqt li l-bqija tal-qlugħ ma' jidhrux. Jidhru l-istralji kollha u s-sarsi tal-majjistra u tat-trinkett. Żewġ pendenti kbar iperpru fuq il-majjistra u t-trinkett waqt li l-istandard ta' l-Ordni jidher fuq il-poppa. Ftit li xejn issib graffiti bħal dan u b'xorti tajba kważi ħadd ma jitla' fuq il-bejt ta' din il-knisja li jista' jħalli warajh xi taħżiż li jħassru. (Nota editorjali: Għażilna li nġibu l-kitba sħiħa tas-Sur Muscat dwar dan il-graffit minħabba li hu deskritt fid-dettall u jintuża kliem Malti assoċjat mas-sengħa tal-baħar.  Ta’ min jinnota wkoll li dan il-graffit juri l-anomalija li l-qlugħ jidhru minfuħin naħa u l-bnadar iperpru lejn in-naħa l-oħra.)

Ta’ min jgħid li Ħaż-Żebbuġ, għalkemm kemxejn imbiegħed mill-baħar, fl-1687 kellu tletin kursara rreġistrati li jogħqodu hemm.  Bħal oħrajn bħalhom, dawn il-graffiti jistgħu jitqiesu bħala “pitturi”  ex-voto magħmulin minn xi ħadd li kien salva minn xi traġedja fuq il-baħar iżda li ma kellux mezzi biżżejjed biex iqabbad ‘il xi ħadd professjonali biex ipittirlu xi kwadru biex jippreżentaħ lill-knisja bħala ringrazjament tal-ħelsien divin.  Għalkemm il-graffiti ġeneralment ma jkunux ta’ xi kwalità artistika għolja. xorta għandhom l-importanza tagħhom u jitqiesu bħala espressjoni artistika vernakulari.

Ħwejjeġ oħrajn

Inti u tiela’ l-garigor dejjaq li jagħti għall-bejt tal-knisja, hemm kamra żgħira li prattikament hija miftuħa għall-elementi.  Apparti l-armar tal-festa, fiha hemm gwardarobba li fiha għad ta’ kotba antiki ħafna fi stat ħażin ta’ preservazzjoni.  Fosthom hemm missalli, kotba tas-salmi, kotba tal-innijiet u tal-vespri.  Dawn għandhom mużika u kitba antika,  illuminazzjonijiet impittra fuqhom u anke inċiżjonijiet.  Dawn il-kotba jeħtieġ li bmod urġenti jitneħħew minn hemm u jiġu kkurat u restawrati u jitqiegħdu f’post aktar sikur.

Interessanti wkoll hija n-niċċa esposta għall-elementi f’kantuniera faċċata tal-knisja.  Din turi x-xena tal-Lunzjata u wieħed jista’ jispekula li din setgħet kienet li xprunat lin-nies tal-akwati biex jibnu l-knisja ddedikata lill-Lunzjata.  Jidher li hija eqdem mill-knisja nnifisha għax hija mikula aktar mill-elementi mil-ħitan aktar esposti minnha għat-temp u l-anġli li hemm fuq il-bejt tal-knisja innifisha.  In-niċċa turi lill-Madonna, għarkobtejha fuq ġinokjatur, tisma’ lill-Anġlu jħabbrilha li ser issir omm Alla.  Din ix-xena insab f’arzella u turi wkoll il-ħamiema, is-simbolu tal-Ispirtu s-Santu, li niżel fuq il-Madonna f’dak il-mument.

Il-knisja lum

Ma jidhirx li jsir il-quddies b’mod regolari f’din il-knisja, iżda l-armar u d-damask li fiha jidher li l-obbligi marbunin magħha fil-festa tagħha għadhom isiru.

Kitba ta’ Julian Brincat, Bernard Bugeja, Norbert Crockford u Dorianne Pellicano.  (Studju oriġinarjament bl-Ingliż minn studenti  mid-Dipartiment tal-History of Art and Faculty of the Built Environment tal-Università ta’ Malta.)
Żidiet u traduzzjoni għall-Malti minn Noel Ciantar.
Ritratti ta’ Julian Brincat, Bernard Bugeja, Norbert Crockford, Dorianne Pellicano, Guzeppi Theuma, JosephMuscat, Rayden Mizzi, Anthony M. Brincat, Carmelo Vella u mill-Arkivji Nazzjonali (Kollezzjoni Tony Terribile}
Disinj bil-kompjuter ta’ Julian Brincat, Bernard Bugeja, Norbert Crockford u Dorianne Pellicano

Ritratt - Bernard Bugejaf - present belfry
Disinn - Joseph Muscat
Ritratt - Norbert Crockford
Ritratt - Norbert Crockford
Ritratt - Bernard Bugeja             cross-section final
Ritratt - Bernard Bugeja
Ritratt - Carmelo Vella

Noel Ciantar © 2012-2023    webmaster@kappellimaltin.com