KappelliMaltinTitleBanner Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

 

Ir-Rollo tal-Isqof Senatore De Mello tal-1436

Sorsi importanti tal-istorja Maltija huma d-dokumenti bħalma huma l-atti notarili, kotba, korrespondenza ufficjali u dokumenti ta’ entitajiet oħrajn bħalma huma l-Knisja. Aktar ma mmorru lura fis-snin, dawn aktar isiru rari minħabba n-natura fraġli tagħhom.

Wieħed mill-eqdem dokumenti pmportanti ta’ din ix-xorta li għandna huwa l-“Quinterniolus pro Concordia Taxarum”, jew kif nafuh aħjar “Ir-Rollo tal-1436”. L-isem sħiħ tad-dokument hu “Anno Domini MCCCCXXXVI: Ordinus fuit, et est preasens quinterniolus pro concordia taxarum, praecipiente et mandante Reverendissimo Domino Episcopo Senatore” – jiġifieri “fis-sena tal-Mulej 1436, ġie ordnat li jinġabru dawn il-ħames folji mir-Reverendissimu Sinjur Isqof Senatore, u fil-fatt inġabru ħalli jkun hawn ftehim paċifiku dwar il-ħlas tat-taxxi”. Dan id-dokument jitfa’ dawl fuq l-istat tal-Knisja f’Malta f’dik is-sena.

Ma nafux meta eżattamet twaqqfu l-ewwel Parroċċi f’Malta. Li nafu hu li dawn bdew fiż-żminijiet tan-nofs wara li reġgħet bdiet ir-rikristjanizzazzjoni ta’ Malta. Ir-Rollo ta’ de Mello isemmi li kien hemm għaxar parroċċi rurali imma dan ma jfissirx li waqqafhom hu. F’dawn iż-żminijiet, l-Isqfijiet ta’ Malta kienu maħturin fi Sqallija u qajla kienu jiġu hawn Malta minħabba l-perikli tal-vjaġġ innifsu kif ukoll il-perikli ta’ ħbit dirett fuq il-gżira mill-furbani. Fl-1436, l-Isqof Senatore de Mello ta’ Noto (1432–1445), fi żmien il-Papa Eugenio IV, ordna li jsir elenku (ir-“Rollo”) tad-dħul kollu ekkleżjastiku (“benefizzji”) li kienu jeżistu f’Malta. Benefiżju kien dħul li jkollu l-benefiċjarju bħala ħlas għal servizzi ekkleżjastiċi li kien obbligat jagħmel. Ir-Rollo jsemmi wkoll dħul minn “animagi” li kien dħul assoċċjat ma’ ġuspatronat.

L-Isqof de Mello kien sar Isqof ta’ Malta fit-3 ta’ Frar tal-1432. Ittra tal-1433 turi li d-djoċesi ta’ Malta kienet diġà f’idejh. Fl-1436 Senatore ordna li ssir din il-lista f’Malta biex jara x’taxxi kellhom jitħallsu mill-Kanonċi tal-Katidral u minn dawk li kellhom f’idejhom xi benefiċċji jew xi ġid tal-Knisja.

Din il-lista ta’ benefiċji kellha ssir permezz ta' erba' Kummissarji mill-Kapitlu tal-Katidral sabiex tinstab soluzzjoni għall-kwistjoni twila bejn il-kleru f'Malta u dak ta' Għawdex dwar it-taxxi ekkleżjastiċi li wieħed kellu jħallas.  Il-kleru Għawdxi talab li sehmu kellu jkun wieħed minn ħamsa tal-ħlas totali iżda l-Isqof De Mello ddeċieda li jkun kemmxejn aktar, jiġifieri 2 minn kull disa’ ishma. Dan ifisser li kien hemm ukoll lista tad-dħulijiet minn Għawdex, iżda din il-lista llum m’għadiex teżisti. Jista’ jkun li din inqerdet waqt xi wieħed mill-attakki, bħal dak tal-1551, li l-furbani kienu jagħmlu fuq Għawdex.

Dawn l-erba’ Kummissarji kienu Dun Mattew Zammit, Dun Indri De Turri, Dun Nikol Lombardo u Dun Anton de Astis. Il-benefiċjarji msemmija f'din il-lista kienu arċidjakni, dekan, kantur, teżorier, tnax-il kanonku tal-Katidral tal-Imdina, tlettax-il 'presbiter', u żewġ benefiċjarji. Ir-Rollo jagħti lista ta' 144 benefiċċju, fosthom id-dħul minn tnax-il kappella li 10 minnhom kienu rurali. Fl-oriġinal kien hemm imniżżel il-kontribut li kellu jagħti kull min kellu xi benefiċċju f’idejh iżda meta r-Rollo ġie ppublikat fl-1647, dawn il-kontributi ma tniżżlux.

Il-Monsinjur Arthur Bonnici, fil-ktieb tiegħu “History of the Church in Malta” jagħti t-total ta’ 144 benefiċju u jgħid li kienu hekk: Dħul minn 14-il prebenda tal-Kanonċi tal-Katedral, dħul minn 12-il parroċċa (cappelle – dawn huma dawk li jidhru hawn taħt f’din il-lista), 79 patrimonju (animagi) u 37 benefiċju ieħor. Dawn iżda flimkien jagħmlu 142 benefiċċju u mhux 144. Jista’ jkun li jew tħallew barra żewġ benefiċji bi żball jew inkella n-numru ta’ 144 hu żbaljat. Il-Monsinjur Bonnici kien qed jikkwota ‘l Abela-Ciantar.

Ta’ min jgħid li dan ir-Rollo jelenka l-lista ta’ parroċċi iżda dan bl-ebda mod ma jindika li waqqafhom de Mello n-nifsu jew li twaqqfu f’dik is-sena. Il-kelma “parroċċa” qatt ma tintuża iżda tintuża minflok il-kelma “cappella” li għandha tiftiehem bħala knisja b’ħidma parrokkjali. Dokumenti oħrajn aktar antiki diġà jindikaw l-eżistena ta’ ċerti parroċċi. Fost l-oħrajn, dokument tal-1402 jaħtar lis-saċerdot Bernardus de Janer bħala Dekan tal-Kapitlu Malti. Hu kellu jieħu post Simon de Sciacca billi dan kien miet iżda minħabba wkoll li de Sciacca kien Dekan fl-istess waqt li kien rettur tal-Cappella Sancte Helene alias Sancte Marie ta’ Birkirkara, ħaġa li kienet tmur kontra l-ordni tal-Papa Ġwanni XXII fil-Bolla Execrabilis. Mela wieħed jista’ jikkonkludi li almenu sa mill-1402, Birkirkara kienet diġà parroċċa.

Wieħed jista’ jasal għall-istess konklużjoni peress li diġà sa minn qabel din id-data tal-1436 kien ukoll jista’ jiltaqa’ ma’ listi ta’ qsim ta’ Malta għal skopijiet ta’ natura ċivili u ta’ difiża, fejn kienu jintużaw terminoloġiji ekkleżjastiċi bħal “cappella” jew “parrocchia”. Bħala eżempju, fl-1419 l-irħula ta’ Ħad-Dingli u Ħal Tartarni kienu jissejħu “Cappella Sancta Dominica”. Il-Professur Fiorini, f’artiklu fil-Melita Historica, jissuġġerixxi (“hazard a guess”) li l-parroċċi seta’ waqqafhom l-Isqof Hilarius bejn l-1356 u l-1370 peress li hu dokumentat li kien attwalment ġie f’Malta u billi kien magħruf għall-ħerqa li kellu biex jieħu ħsieb il-merħla tiegħu. Li hu żgur hu li fiż-żmien tar-Rollo ta’ de Mello, dawn il-parroċċi diġà kienu mwaqqfin u jiffunzjonaw bħala parroċċi. Iżda jibqa’ mhux magħruf meta eżatt twaqqfu u b’liema ordni kronoloġika kienu twaqqfu

Stanley Fiorini kien ukoll qabbel id-dħul li jissemma fir-Rollo mal-lista tal-irġiel li jissemmew fil-listi tal-milizja tas-snin 1419 u 1480. Peress li wieħed jista’ jassumi li d-dħul minn taxxa hu relatat mal-popolazzjoni, hu seta’ jikkalkula t-tqassim tal-popolazzjoni tal-istess irħula fis-sena tar-Rollo.

Ta’ min jinnota wkoll li l-iżvilupp tal-Parroċċi f’Għawdex kien kemmxejn differenti minn dak ta’ Malta. Minħabba n-natura tal-gżira Għawdxija, bil-problemi tad-difiża assoċjati magħha, l-ewwel Parroċċi f’Għawdex kienu kollha fis-subborg tar-Rabat, ftit ‘il barra miċ-Ċitadella. Dawn kienu San Ġakbu, San Ġorġ u Santa Marija Ta’ Taħt (Ta’ Savina). Dawn kienu parroċċi b’territorju żgħir u diterminat u ma kellomx, bħalma kellhom il-parroċċi Maltin, diversi rħula taħt il-ġuriżdizzjoni tagħhom.


 

Kapella
(Parroċċa)

Kappillan

Popolazzjoni
(stima)

Irħula

lu Burgu (Birgu)

Donnus Nicolaus de Falsone

104

 

San Paulu di Fora (Rabat)

Donnus Albanus Franco

1198

 

lu Zurricu

Donnus Antonius Astis

580

Żurrieq, Qrendi, Ħal Millieri, Ħal Lew, Bubaqra u Baqqari

Rahal Zebbug

Donnus Franciscus Sillatus

531

Ħaż-Żebbuġ, Ħal Muxi, Ħal Mula u Ħal Dwin

Birmiftuh (Gudja)

Donnus Blasius

722

Bir Miftuħ, Gudja, Ħal Saflieni, Ħal Għallun, Ħal Tarxien, Ħal Luqa, Ħal Farruġ, Ħal Kirkop, Ħal Safi u l-Imqabba

lu Naxxaru

Donnus Petru Mullica

865

Naxxar, Mosta, Ħal Għargħur, Ħal Sammut u Kalleja

Bircircara

Donnus Mattheus Galia

960

Birkirkara, Ħ’Attard, Ħal Lija, Ħal Balzan, Ħal Bordi, Ħal Mann, Ħal Kaprat

Rahal Curmi

Presbiter Marcus de Torrente

580

Ħal Qormi

Sanctae Dominicae (Tartarni)

Presbiter Guillelmus Zammit

104

Santa Duminka b’Ħad-Dingli, Ħal Tartarni u Gomerino

Mellecha (Mellieħa)

Presbiter Lucas Camilleri

104

Il-Mellieħa, Ħal Dragu, Ġebel Għażara,Ġebel Manikatu (il-Wardija), Ħal Pessa u Ħal Dmiegħ

Siggeui

Presbiter Henricus de Callus

675

Siġġiewi, Ħal Kbir, Ħax Xluq, Ħal Qdieri u Ħal Tabuni

Sanctae Catharinae (Żejtun)

Presbiter Paulus Branchel

675

Iż-Żejtun, Bisqallin, Biżbud, Ħal Ġwann, Ħal Għaxaq, Ħaż-Żabbar u Ħal Tmim Assant

ArmaSenatoreDeMello

“Wieħed mill-eqdem dokumenti importanti ta’ din ix-xorta li għandna huwa l-“Quinterniolus pro Concordia Taxarum”, jew kif nafuh aħjar Ir-Rollo tal-1436.”

“Ta’ min jgħid li dan ir-Rollo jelenka l-lista ta’ parroċċi iżda dan bl-ebda mod ma jindika li waqqafhom de Mello n-nifsu jew li twaqqfu f’dik is-sena.”

Il-kelma “parroċċa” qatt ma tintuża iżda tintuża minflok il-kelma “cappella” li għandha tiftiehem bħala knisja b’ħidma parrokkjali.”

Il-lista tal-Parroċċi eżistenti llum u mill-liema Matriċi ħarġu tinstab hawn.

Kitba: Noel Ciantar
Stampa: mill-Internet

Noel Ciantar © 2012-2023    webmaster@kappellimaltin.com