KappelliMaltinTitleBanner Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

 

Kurżitajiet: Santa Cristina de Lena
fir-reġjun tal-Asturia
fi Spanja

WEB_CuriousSmall

Santa   Cristina de Lena hija knisja tas-seklu disa’ u nbiet fl-853 WK  jiġifieri  madwar 17-il sena qabel il-miġja tal-Għarab f’Malta.  Il-knisja tinsab fil-muniċipalità ta’ Lena, xi 25 kilometru ‘il bogħod minn Orviedo fir-reġjun tal-Asturias fi Spanja.

Biex inqiegħdu d-data f’kuntest, ta’ min isemmi li r-Re tal-Franki Karlumanju kien ġie nkurunat  bħala Imperatur tal-Imperu Qaddis Ruman fil-Milied tas-sena 800 mill-Papa Ljun III.  L-arkitettura hija tal-istil “Pre-Romanesk”, terminu użat l-aktar fl-arkitettura ta’ bejn is-snin 500 u 900 WK.  Din il-knisja hija ta’ nteress għalina għax f’Malta m’għandna l-ebda knisja jew struttura li għadha wieqfa minn din l-epoka partikolari għajr għal xi ċint jew pedament fi struttui aktar tardivi.

Bħalma wieħed jinnota, dan hu perjodu fl-istorja li hawn min isejjaħħlu “iż-żmien mudlam” iżda jekk f’Malta ma kien hawn tassew xejn, il-kontinent ma kienx nieqes mill-arti kif wieħed seta’  jaħseb.  Minħabba f’hekk, illum ġeneralment nużaw it-terminu “Medju Evu Bikri” għal dan il-perjodu   L-istil ta’ din il-knisja hu taħlita tal-istil klassiku tal-Mediterran mal-istil Ġermaniż tal-Viżigoti li aktar tard inbidel fl-istil Romanesk.  Fl-Ewropa tal-punent l-Imperu Ruman kien spiċċa iżda il-Meroviġjani u mbgħad warajhom il-Franki, baqgħu jibnu monasteri, palazzi u knejjes kbar tal-ġebel. 
Image-Battle_between_Clovis_and_the_VisigothsRemarde

Din il-knisja hija mlaqqma wkoll bħala “l-knisja ta-kantunieri” għax minn barra fiha ħafna rfid (flying buttresses) biex jerfgħu l-istruttura.  Il-pjanta hija waħda rettangolari, forma ta’ salib Grieg,  b’saqaf troll b’erba’ strutturi magħqudin magħha, waħda fin-nofs ta’ kull faċċata.  Waħda minn dawn l-istrutturi hija speċi ta’ intrata stil Pre-Romanesk tal-Asturias u fuha a hemm it-tribuna rjali li titla’ għaliha minn taraġ mibni mal-ħajt tal-lemin.  Taħtha hemm żewġ niċċeċ, waħda f’kull tarf, li kienu jintużaw jew mill-pellegrini biex jorqdu fihom jew mill-fidili biex jimmeditaw fil-kwiet

Fin-naħa tal-Lvant hemm l-apside unika tal-altar fi spazju magħluq:  din hi differenti mill-istil Asturjan Pre-Romansek u għandha ikonostasis bi tlett arkati u turi influnweza aktar bikrija tal-Viżigoti.  Fin-naħat tat-Tramuntana u ta’ Nofs-in-Nhar hemm spazju magħluq b’saqaf troll mirfud minn arkati nofs tond li kienu jintużaw f’ċelebrazzjonijiet liturġiċi fi Spanja sas-seklu ħdax.  Setgħu ukoll servew bħala sagristiji matul iż-żmien.

Il-presbiterju ta’ din il-knisja ċkejkna jinsab mgħolli ‘l fuq sular fit-tarf tal-korsija  ċentrali u separat mill-parti fejn ikun hemm il-kongregazzjoni bi tlett arkati li jserrħu fuq kolonni tal-irħam.  Jidher li din is-separazzjoni bejn il-parti tal-kongregazzjoni u l-presbiterju (l-ikonostasis) kienet tipika tal-knejjes fl-Asturia iżda li ma kontx issibha fi knejjes oħrajn tal-epoka.  Barra minn hekk, din l-ikonostasis bi tlett arkati b’kaptelli ta’ stil Korintu taż-żmien Pre-Romanesk hija unika għal din il-knisja.

Il-plakka tal-ġebel fl-arkata tan-nofs tal-ikonostasis hija eqdem u jidher li kienet fi struttura eqdem tas-seklu seba’ u għandha karatteristiiċi tal-Viżigoti.

I-videos li għażilt huma rikostruzzjonijiet  3–dimensjonali  u huma mezz tajjeb kif wieħed jiddokumenta strutturi mportanti għall-istudju, speċċjalment jekk ċertu strutturi ikunu ser jintilfu.


Kitba ta’ Noel Ciantar
Videos mill-Internet

 

 

 

Noel Ciantar © 2012-2023    webmaster@kappellimaltin.com