KappelliMaltinTitleBanner Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

 

Sant’Agata, Patruna ta’ Malta 

Ftit għandna nformazzjoni preċiża dwar il-qaddisa Verġni u Martri Sant’Agata, Qaddisa Patruna ta’ Katanja fi Sqallija, kif ukoll ta’ Malta.  Jingħad Sant’Agata twieldet f’Katanja (jew Palermo) fiis-sena 231 W.K. minn familja nobbli u sinjura u ħadet il-martirju fi żmien il-persekuzzjoni tal-Imperatur Decius madwar is-sena 251 W.K.  

L-istorja ta’ Sant’Agata

Isimha jfisser “twajba” u hija waħda mis-seba’ qaddisin nisa li jissemmew fil-kanoni tal-quddiesa apparti l-Madonna. 

Minkejja li l-martirju tagħha huwa awtentikat ma għandniex dettalji preċiżi ta’ dan il-martirju.  L-istejjer dwar il-martirju tagħha isegwi l-mappa ta’ stejjer oħrajn ta’ martri żgħażagħ xebbiet, jiġifieri talba għal żwieġ, rikatt ta’ denunzja li kienet Nisranija, interrogazzjoni, tortura, reżistenza b’għajnuna sopranaturali u fl-aħħar trijonf b’mewt qaddisa.  L-istorja t’Agata tgħid li għalkemm kienet wegħdet lilha nnifisha ‘l Alla, l-uffiċjal Ruman Quinctianus ipprova jipperswadiha li tagħti lilha n-nifisha lilu sabiex b’hekk ikun jista’ ma jixlihiex li kienet Nisranija. Imma Agata rrifjutat.  Minħabba f’hekk intefgħet fil-ħabs fejn sfat ittorturata billi qalgħulha sidirha barra.  Imbagħad inagħtat il-mewt billi ħarquha fuq ġamar tal-faħam jaqbad.

L-ewwel darba li nisimgħu biha hu fil-Martyrologium Hieronymianum tas-seklu sitta u attribwit lil San Ġilormu.  Insibuha mniżżla wkoll fis-Synaxarion, li hu l-kalendarju tal-Knisja ta’ Kartaġini madwar is-sena 530 W.K.  Agata tissemma’ wkoll f’wieħed mill-innijiet ta’ Venantius Fortunatus tas-seklu sitta W.K.   Il-Qaddisa tissemma’ wkoll fil-ktieb dwar il-ħajja tal-qaddisin Legenda Aurea ta’ Jacobus de Voragine.

Il-festa tagħha tiġi ċċelebrata nhar il-5 ta’ Frar.

Fl-ikonografija, Sant’Agata tidher b’par iżdra fuq platt tal-fidda jew b’ġamar tal-faħam.  Ġieli tidher ukoll bi strumenti ta’ tortura bħalma huma skieken,  tnalji u mqassijiet.  Rappreżentazzjonijiet oħra varji juruha b’kuruna tal-fjuri, b’xi ħobżiet fi platt, velu jew b’palma,

Sant’Agata hi patruna ta’ Sqallija, Malta u San Marino.  Hi patruna wkoll ta’ bliet u rħula varji fil-Belġju, fil-Kanada, fi Franza, fil-Ġermanja, fl-Itaja, fi Sqallija, fl-Olanda u fi Spanja.

Sant’Agata tiġi wkoll invokata minn min ibati minn kanċer tas-sider u mard ieħor tas-sider, waqt terremoti, diżastri naturali, ħruq u b’mod partikolari meta jiżbroffa l-vulkan Etna, minn min ibati mill-isterilità, minn fundaturi tal’qniepel, mill-pompiera tat-tifi tan-nar, minn min jinnegozja fil-ġojjelli, mill-infermiera, minn vittmi ta’ stupru jew tortura, minn xebbiet u minn dawk in-nisa li jreddgħu it-trabi ta’ ħaddieħor.

Rabta ma’ Malta

Skont tradizzjoni qawwija, jingħad li Sant’Agata kienet ġiet f’Malta ma’ xi ħbieb tagħha biex taħrab il-persekuzzjoni tal-Imperatur Ruman Trajanus Decius.  Jingħad li ftit damet hawn għax iddeċidiet li kien ikun aħjar jekk tirritorna lura lejn Sqallija u tkun xhud tal-Fidi anke jekk dan seta’ jfisser li tingħata l-Martirju kif fil-fatt ġara.

Jingħad li sakemm damet f’Malta, hi qaghet fi kripta fir-Rabat fej kienet tqatta’ l-ħin titlob u tgħallem il-Fidi Nisranija lit-tfal.  Missirijietna ddedikawla l-istess lok fej qagħdet u xi katakombi fil-qrib.  Aktar tard, inbniet knisja fuq il-kripta.

F’Malta hawn erba’ kappelli ddedikati ‘l din il-qaddisa.  Dawn jinsabu fl-Imdina, waħda fiż-Żurrieq ħdejn il-mitħna tax-Xarolla u tnejn oħrajn jinsabu fir-Rabat.  Waħda minn dawn tar-Rabat hija dik medjevali u l-oħra hija dik troglodidika fil-katakombi Paleokristjani tal-qrib.  Xi affreski f’dawn is-siti imorru lura għat-tnax-il seklu filwaqt li kitba fuq in-naħa tal-lemin tad-daħla tal-kappella troglodidika tista’ tkun aktar qadima u tista’ tmur lura saħansitra għas-seklu sitta.   Dan kollu jipponta lejn tradizzjoni qawwija u antika ta’ devozzjoni lejn din l-qaddisa Kataniża fil-gżira tagħna.

Tlett toroq huma msemmijin għal Sant’Agata f’Malta u dawn jinsabu fir-Rabat, f’Tas-Sliema u fiż-Żejtun.  Imsemmija għaliha wkoll hoja l-wesgħa żgħira fl-Imdina li hemm quddiem il-kappella ddedikata għaliha.  Stawi fit-toroq li jur lil Sant’Agata hemm erbgħa li jinstabu fir-Rabat, f’Ħaż-Żebbuġ, fl-Imdina u fis-Siġġiewi.

Sant’Agata ssir Patruna ta’ Malta

Leġġenda marbuta ma’ Sant’Agata u li minħabba fiha l-qaddisa ġiet iddikjarata bħala waħda mill-Patruni ta’ Malta hija marbuta mal-attakk tal-Misilmin immexxija minn Sinam Pasha fuq Malta fl-1551. 

Il-Mislem żbarka f’San Pawl il-Baħar mnejn baqgħu sejrin sal-Imtarfa biex, f’dak li jidher li kien tħejjija u prova ġenerali għall-attakk tal-Assedju l-Kbir li seħħ ftit snin wara fl-1565, assedjaw il-Belt Notabile kif kienet magħrufa l-Imdna.  Il-Maltin ġarrbu ħafna f’dak l-assedju u meta l-ħażniet fl-Imdina bdew jgħibu, ġew salvati b’miraklu.

Jingħad li soru tal-klawsura fl-Abbazija Benedittina ta’ Santa Skolastika, li dak iż-żmien kienet fuq is-sur fejn hemm Misraħ il-Bastjun, kellha viżjoni.  Din stqarret mal-Vigarju Ġenerali dun Giuseppe Manduca li deheritilha Sant’Agata u li qaltilha li biex il-Misilmin iħallu Malta u l-Maltin jirbħu, in-nies kollha tal-Imdina, militari u ċivili, kellhom jisimgħu quddiesa u wara ssir purċissjoni bl-istatwa tagħha (i.e.: Sant’Agata) madwar is-swar.  

Ix-xbieha qaddisha fl-aħħar kellha titqiegħed fuq is-sur faċċata tal-għadu.


Mill-Internet - Imdina Bastions


Il-Vigarju għamel kif qaltlu s-soru.  Hu stess qaddes il-quddiesa li għaliha attendew il-Gvernatur tal-Imdina, Adomo, flimkien mal-Kavallieri tal-Ordni ta’ San Ġwann, u n-Nobbli u n-nies kollha tal-belt kapitali ta’ Malta.  Wara saret ukoll il-purċissjoni kif talbet is-soru skont il-viżjoni li rat.  Għal xi raġuni il-Misilmin inħasdu b’dik il-manifestazzjoni – tfixklu u tħarbtu u telqu ‘l hemm.  Iżda ma marrux lura f’pajjiżjom qabel ma marru Għawdex u ħarbtu kull ma’ sabu.

Bħala ringrazzjament għal dan il-ħelsien, nhar Sant’Agata fil-5 ta’ Frar ta’ kull sena kienet issir purċissjoni b’tifkira ta’ din il-ġrajja.  Din kienet titmexxa mil-Kapitlu tal-Katidral u fiha kienu jieħdu sehem għadd ta’ personalitajiet flimkien ma’ bosta nies mill-gżira kollha. Sal-lum din il-pruċissjoni għadha ssir mill-Katidral sal-kappella ta’ Sant’Agata.  B’tifkira wkoll ta’ din il-ġrajja, il-Vigarju Dun Giuseppe Manduca ħallas minn butu għall-pittura ta’ Sant’Agata.  Din il-pittura llum tinsab fil-Mużew tal-Katidral filwaqt li fil-kappella naraw biss kopja tagħha.

Każ marbut ma’ din il-ġrajja quddiem l-Inkwiżizzjoni

Patri Alessandru Bonnici, fil-ktieb tiegħu "Storja tal-Inkiżizzjoni ta' Malta" (l-ewwel volum) jikteb dwar każ li spiċċa quddiem l-Isqof ta' Malta, li f’dawk iż-żminijiet kien ukoll jagħmilha ta’ Inkwiżitur tal-gżira. 

IsqofMartinoRoyasIs-sena 1574 kellha tkun l-aħħar waħda għall-Inkwiżitur Royas għax imbagħad ġie Monsinjur Pietru Dusina u l-Inkiżitur u l-Isqof ta' Malta bdew ikunu żewġ persuni distinti minn xulxin.

Wieħed mill-aħħar każijiet li nstemgħu quddiem Royas għandu rabta ma' statwa li sa fi żmienna għadha meqjuma fir-Rabat fil-knisja msemmija għaliha (tal-MSSP). Kif għidna, fl-1551 l-istatwa tal-irħam ta' Sant'Agata kienet tqiegħdet fuq is-swar tal-Imdina bħala protezzjoni għall-Maltin. Il-fatt jidher minn denunzja kontra Blas Zammit, li saret fit-18 ta' Ġunju tal-1574, quddiem il-monsinjur Martin Royas, li kien għadu jsejjaħ lilu nnifsu "Isqof u Inkwiżitur".

Deher fl-awla sigrieta tas-Sant'Uffizzju Mastru Bastjan Mallia, u ddikjara: "Darba waħda, waqt li, ma' Blas Zammit,  fir-Rabat ħdejn Santu Wistin, kont qed nitkellem dwar l-assedju, għidt li kont nittama f'Alla, u fil-qaddisin, u b'mod speċjali f'Sant'Agata. Ittamajt li dawn jeħilsuna minn idejn l-egħdewwa. Dak Blas wieġeb: 'Jien nistagħġeb kif intom tittamaw f'biċċa rħama'. Hu kien qed igħid għall-istatwa ta' Sant'Agata li kienet fuq is-swar". Aktar tard, hu (Blas Zammit) kellu jgħid li qal hekk għax kien irrabjat. Imma d-denunzja kontra tiegħu, xorta waħda, wara 23 sena, tressqet quddiem l-Inkiżitur Royas.


Mill-Internet - It-Tribunal tal-Inkwizitur fil-Birgu


L-istatwa tal-purċissjoni ta’ madwar is-swar

L-istatwa li jingħad li  ttieħdet fuq is-sur f’dak is-sajf tal-1551, illum tinsab fil-knisja ddedikata lilha fir-Rabat immexxija mill-Patrijiet tas-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl (MSSP).

Din l-istatwa qiegħda fuq l-altar u hija  tal-irħam abjad. Il-qaddisa narawha  bil-qiegħda fuq siġġu ndurat, iżżomm salib u palma f’idha l-leminija u ktieb miftuħ fuq ix-xellugija.

Din l-istatwa qiegħda fuq pedestall maqtugħ ottagonali u hija għolja madwar metru u nofs. Fuq il-faċċata tal-pedistall hemm żewġ anġli bil-wieqfa jżommu plattin bl-isdra maqtugħin fih u tnalja fuqhom – is-simboli tal-martirju tal-qaddisa.  Fit-truf tal-pedestall naraw ukoll erba’ statwi ta’ qaddisin nisa. Iż-żewġ anġli jpoġġu l-kuruna tal-martirju fuq ras il-qaddisa jagħtu dehra aktar impressjonanti lil din l-istatwa.

Fr. Victor Camilleri M.S.S.P. fil-ktieb tiegħu dwar Sant’Agata jgħidilna li ma għandna ebda tagħrif bil-miktub dwar l-iskultur li ħadimha u lanqas dwar meta saret jew fejn inħadmet din l-istatwa . Iżda  l-awtur Taljan Nino Urzi fil-ktieb tiegħu “Viva Sant’Agata – Storia Immagini Esperienze Devozione” jgħidilna  li din l-istatwa hija attribwita lill-famuż Antonello Gagini li twieled f’Palermo, fi Sqallija fl-1478 u miet fl-1536.

Hawn tajjeb li wieħed ifakkar li  fil-knisja ta’ Ġieżu fir-Rabat wkoll hemm xogħol ieħor ta’ Gagini - statwa tal-Madonna bil-Bambin. Meta wieħed iqabbel din l-istatwa tal-Madonna   mal-istatwa ta’ Sant’Agata jara xebħ qawwi bejniethom.  Ma’ dan il-ħsieb ta’ Urzi jaqbel ukoll Fr. Camilleri.

L-inforra tal-libsa ta’ Sant’Agata fl-istatwa tagħha tal-irħam illum il-ġurnata  hija ta’ kulur aħmar irjali.  Fr. Victor Camilleri, iżda, jgħidilna li aktarx li d- dekoratur Mikiel Fsadni biddel il-kulur oriġinali (minn blu għal dak li naraw illum: aħmar irjali). Jekk wieħed jifli sewwa dan il-kulur tal-lum jara wkoll xi tikek blu taħtu.  Aktarx li Mikiel Fsadni biddel il-kulur oriġinali biex jarmonizza sewwa mad-dekorazzjoni li huwa stess għamel mad-dawra tal-istatwa.   Dr. Charlene Vella tiddeskrivi dan il-kulur aħmar bħala “in bad taste” u tgħid li l-bottega ta’ Gagini qatt ma użaw dan il-kulur.  Il-Professur Mario Buhagiar jiddeskrivi l-intervent ta’ Mikiel Fsadni fuq din l-istatwa bħala “vulgar re-paintings of the original polychromy, garish cheap gilding, and clumsy attempts at restoratio.,”

Din l-istatwa tixbaħ ħafna ukoll lil xogħolijiet aktar bikrin, li juru lill-Madonna, ta’ Antonello Gagini, speċjalment l-istruttura anatomika kif ukoll fil-fattizzi tal-wiċċ.  Il-pedestall baxx ottagonali jixbaħ ħafna lill-ieħor simili li llum jinsab fil-mużew tal-arti fil-Belt Valletta.

L-importanza ta’ din l-istatwa attribwita lil Antonello Gaggini qiegħed fil-fatt li dan Antonello u missieru Domenico tista’ tgħid li ġabu magħhom ir-Rinaxximent f’Malta f’dak li hu skultura.  Huma hadmu għad ta’ statwi għal Malta kif ukoll għadd ta’ fontijiet tal-ilma mbierek u il-figura tal-Gran Mastru Philippe Villiers de l’Isle Adam fil-poża ta’ meta miet, fuq is-sarkofagu tal-Gran Mastru li hemm fil-kripta taħt l-altar maġġur ġol-Konkatidral ta’ San Ġwann fil-Belt Valletta.

Kitba ta’ Noel Ciantar
Ritratti ta’ Caroline Busuttil u mill-Internet

Mill-Internet - Ikona ta' Sant Agata
StAgatha
1236px-Codex_Bodmer_127_039v_Detail
Crusades2-C-717x450
st-agatha_jpg
ager_sanguinis
Mill-Internet - Il-Palazz tal-Inkwizitur fil-Birgu
San Agata - attribwita lil Gagini
Mill-Internet - katakombi ta' Sant Agata
Ritratt - Caroline Busuttil - Mdina Bastions

Noel Ciantar © 2012-2023    webmaster@kappellimaltin.com